Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Awstrija

Ma hemm ebda formola speċifika għad-dikjarazzjoni ta’ sħubija fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Ma hemm ebda rekwiżit dwar f’liema forma trid issir id-dikjarazzjoni. Il-formoli eżistenti ta’ dikjarazzjoni tax-xhieda fihom mistoqsija li tistaqsi jekk il-persuna tixtieqx tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Biex tissieħeb, biżżejjed li l-persuna tiddikjara iva u tipprovdi spjegazzjoni qasira.

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

Kif nista’ nagħmel talba għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Il-vittma ta’ reat għandha d-dritt li tfittex għad-danni għat-tbatija kkawżata jew kumpens għall-indeboliment tad-drittijiet legali tagħha protetti bil-liġi kriminali. Biex tagħmel talba, il-vittma tista’ tiddikjara li hi tixtieq tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Din id-dikjarazzjoni (għas-sħubija fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili) iddaħħal lill-vittma bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali. Jekk, fi stadju aktar tard, il-prosekutur pubbliku jwaqqa’ l-akkużi, il-parti ċivili tista’ tissokta l-proċedimenti permezz ta’ dik li hi magħrufa bħala “prosekuzzjoni assoċjata” (Subsidiaranklage).

Skont l-istatus tal-proċedimenti, id-dikjarazzjoni biex tissieħeb fi proċedimenti bħala parti ċivili tista’ tiġi ppreżentata lill-pulizija kriminali (Kriminalpolizei), lill-prosekutur pubbliku jew lill-qorti, b’mod verbali jew bil-miktub. Ma hemm ebda rekwiżit dwar f’liema forma għandha ssir id-dikjarazzjoni (Taqsima 67(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung, StPO).

Inkella, il-vittmi jistgħu jagħmlu talbiet bħala parti minn kawża ċivili.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?

Id-dikjarazzjoni għall-kostituzzjoni fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili tista’ tiġi ppreżentata sa ma titlesta l-kumpilazzjoni bħala parti mis-seduta prinċipali. Peress li ċerti drittijiet ta’ parteċipazzjoni li jmorru lil hinn mid-drittijiet tal-vittma huma marbuta ma’ dawn taħt il-proċedimenti kriminali (eż. id-dritt li tapplika biex tieħu evidenza, taħrika għas-seduta prinċipali), jista’ jkun jagħmel sens li tagħmel dikjarazzjoni għall-kostituzzjoni fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili fi stadju bikri fil-proċedimenti.

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħaxijiet)?

It-talbiet iridu jkunu ġustifikati fid-dikjarazzjoni ta’ kostituzzjoni fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Stima konkreta għat-talba trid tiġi pprovduta sa tmiem il-proċedura ta’ kumpilazzjoni fis-seduta ta' smigħ prinċipali. Madankollu, jista’ jintalab sehem biss mid-danni.

Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Ma hemm ebda formola seċifika għad-dikjarazzjoni ta’ sħubija fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Ma hemm ebda rekwiżit dwar f’liema forma trid issir id-dikjarazzjoni. Il-formoli eżistenti ta’ dikjarazzjoni tax-xhieda fihom mistoqsija li tistaqsi jekk il-persuna tixtieqx tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Biżżejjed li l-persuna tiddikjara iva u tipprovdi spjegazzjoni qasira biex tissieħeb.

Liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Idealment l-evidenza għandha tiġi ppreżentata jew sottomessa meta jiġi rrapportat ir-reat jew matul l-interrogazzjoni mill-pulizija. Għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard mis-seduta. L-evidenza tinkludi:

  • ritratti,
  • djanjożijiet mediċi,
  • kontijiet jew fatturi,
  • kwotazzjonijiet, eċċ.

Hemm xi tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?

Normalment il-partijiet ċivili ma jġarrbux spejjeż bħala parti mill-proċedimenti kriminali (minbarra l-kost tar-rappreżentanti magħżula tagħhom). L-ispejjeż jiġġarrbu biss jekk il-parti ċivili tagħmel dikjarazzjoni falza apposta li tiftaħ proċedimenti kriminali jew jekk l-imputat jinħeles f’każ ta’ “prosekuzzjoni assoċjata”.

Nista’ nikseb għajnuna legali (l-għajnuna ta’ avukat) qabel u/jew waqt il-proċeduri? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Il-partijiet ċivili m’għandhomx bżonn jużaw is-servizzi ta’ avukat bħala parti mill-proċedimenti kriminali. Uħud mill-vittmi, speċjalment dawk li setgħu ġew esposti għal vjolenza jew għal theddidiet perikolużi jew li kellhom l-integrità sesswali tagħhom jew il-ħila tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet b’rabta mas-sesswalità tagħhom imxekkla bħala riżultat tar-reat, jistgħu jitolbu appoġġ matul il-proċedimenti legali (pariri legali u rappreżentazzjoni minn avukat) jekk dan ikun neċessarju biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet proċedurali tagħhom (Taqsima 66(2) tal-StPO). Dan l-appoġġ hu mingħajr ħlas għall-vittmi.

Fejn ikun hemm ħtieġa finanzjarja ġenwina, vittmi oħra jistgħu jitolbu wkoll l-assistenza ta’ avukat skont is-sistema ta’ appoġġ proċedurali jekk dan ikun neċessarju għall-amministazzjoni tal-ġustizzja, b’mod partikolari għall-infurzar tad-dritt li jiġu evitati proċedimenti ċivili sussegwenti (Taqsima 67(7) StPO).

Fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali fl-Awstrija, dan japplika wkoll għal individwi li jgħixu barra l-pajjiż u għal individwi li ma jkollhomx ċittadinanza Awstrijaka.

Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?

Id-dikjarazzjoni għas-sħubija fil-proċedimenti bħala parti ċivili tiġi rifjutata jekk ikun ċar li ma tkunx fondata, tiġi ppreżentata tard jew jekk ma tingħatax stima tal-ammont ta’ kumpens jew tad-danni fil-ħin (Taqsima 67(4) StPO). Sakemm l-akkużi jiġu ppreżentati quddiem il-qorti, ikun il-prosekutur pubbliku li jiddeċiedi jekk jirrifjutax id-dikjarazzjoni. Ladarba jiġu ppreżentati l-akkużi, il-qorti trid tieħu d-deċiżjoni (Taqsima 67(5) StPO).

Jekk is-seduta prinċipali twassal għal sentenza, il-qorti trid tieħu wkoll deċiżjoni dwar it-talbiet ċivili li jkunu ġew ippreżentati. Jekk l-imputat jinħeles, il-parti ċivili trid tippreżenta t-talbiet tagħha f'qorti ċivili, peress li f’każijiet bħal dawn il-parti ċivili ma tkunx tista’ tingħata kumpens jew ħlas għad-danni bħala parti mill-proċedimenti kriminali. Jekk l-imputat jinstab ħati, (i) it-talba tista’ tintlaqa’ (b’mod parzjali jew fis-sħuħija tagħha) jew (ii) ir-rikorrent jista’ jintalab li jippreżenta t-talba tiegħu f’qorti ċivili. Azzjoni ċivili minkejja kundanna ta’ ħtija tkun neċessarja jekk it-talbiet ċivili jitqiesu mhux ġustifikati wara li tiġi investigata bis-sħiħ il-bażi għad-deċiżjoni jew jekk l-eżitu tal-proċedimenti kriminali lanqas ma jippermetti għal valutazzjoni parzjali tat-talba ċivili, sakemm proċess ta’ kumpilazzjoni ma jittardjax b’mod sinifkanti d-deċiżjoni b’rabta mal-ħtija u mas-sentenzjar tal-konvenut ma jippermettix biex il-bażi għad-deċiżjoni tiġi investigata aktar.

Talbiet ċivili ma jistgħux jiġu miċħuda bħala parti mill-proċedimenti kriminali, jiġifieri l-parti ċivili xorta tkun tista’ tippreżenta t-talbiet tagħha f’qorti ċivili.

Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Jekk id-dikjarazzjoni tiġi rifjutata mill-prosekutur pubbliku, jista’ jiġi ppreżentat appell fuq il-bażi ta’ ksur tad-drittijiet (Taqsima 106 StPO). Jekk id-dikjarazzjoni tiġi miċħuda mill-qorti, jista’ jiġi ppreżentat ilment (Taqsima 87(1) StPO).

Il-parti ċivili (f’ċerti każijiet biss) tista’ tippreżenta appell għan-nullità jew appell kontra r-riferiment lill-qorti ċivili minħabba l-ħelsien tal-imputat. Jekk il-parti tiġi riferita għall-qorti ċivili minkejja li l-imputat ikun ġie kkundannat, jista’ jiġi ppreżentat appell fuq il-bażi tat-talbiet ċivili.

Minbarra l-proċedimenti kriminali, talbiet ċivili dejjem jistgħu jiġu ppreżentati fil-qrati ċivili.

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra min wettaq ir-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?

Skont l-ewwel sentenza tat-Taqsima 1 tal-Ordni ta’ Eżekuzzjoni (Exekutionsordnung, EO), konklużjonijiet legalment viknolanti tal-qrati kriminali b’rabta ma’ talbiet ċivili jikkostitwixxu ordnijiet ta’ eżekuzzjoni skont it-tifsira tal-EO. Kull proċedura ta’ infurzar teħtieġ ordni valida ta’ eżekuzzjoni. L-eżekuzzjoni trid tintalab permezz tal-qorti distrettwali kompetenti (Bezirksgericht). Jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha għal eżekuzzjoni, din tingħata. L-azzjoni ta’ eżekuzzjoni (pereż. il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli, it-trasferiment ta’ talbiet lill-kreditur tal-eżekuzzjoni jew il-bejgħ sfurzat ta’ proprjetà) tittieħed fuq it-talba tar-rikorrent.

Il-formoli għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiġu aċċessati mil-link li ġejja fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Awstrija:

https://portal.justiz.gv.at/at.gv.justiz.formulare/Justiz/Exekution.aspx

Ladarba tiġi approvata l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni, il-proċedurata’ eżekuzzjoni ġeneralment tiġi ġestita minn imħallef jew minn uffiċjal ġudizzjarju. L-azzjoni ta’ infurzar titwettaq minn bailiffs, li fl-Awstrija huma uffiċjali tal-qorti. Il-kreditur jintalab jippreżenta applikazzjonijiet ulterjuri biss jekk il-qorti jew il-bailiff ma jkunux jistgħu jkomplu l-proċedura mingħajrhom jew jekk l-azzjoni tinvolvi l-ispejjeż.

L-azzjoni ta’ eżekuzzjoni titwettaq sakemm tiġi konkluża b’suċċess jew terminata, jiġifieri għaliex id-debitur ikun ħallas id-dejn tiegħu lill-kreditur matul il-proċedura.

L-aħħar aġġornament: 22/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.