Az átmeneti időszak vége előtt indított, folyamatban lévő polgári eljárásokat az uniós jog alapján fogják lefolytatni. Az európai igazságügyi portálon 2024 végéig még olvashatók lesznek az Egyesült Királyságra vonatkozó releváns információk, az országgal kötött kölcsönös megállapodás alapján.

Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Anglia és Wales

Tartalomszolgáltató:
Anglia és Wales

Kif nista’ nagħmel talba għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħrajn ta’ rimedju/sodisfazzjon minn awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Fil-liġi, id-danni huma għoti, tipikament ta’ flus, li għandhom jitħallsu lil persuna bħala kumpens għal telf jew korriment. Dawn it-talbiet ġeneralment isiru quddiem il-qrati ċivili u normalment ma jkollhom l-ebda rabta ma’ att kriminali jew ma’ awtur tar-reat. Madankollu, tista’ titlob għal kumpens jekk int tkun imweġġa’ f’delitt vjolenti - dan ikun kumpens kriminali li huwa differenti minn talba għal kumpens skont il-liġi ċivili dwar id-delitti.

L-ordnijiet ta’ kumpens huma disponibbli lill-qrati biex jordnaw lill-awtur tar-reat sabiex jikkumpensa vittma finanzjarjament, primarjament għal korriment, telf jew dannu personali.  Il-Gvern jemmen li huwa importanti li l-awturi tar-reat jagħmlu tajjeb għar-reati tagħhom, u f’dawn l-aħħar snin din is-sistema ġiet msaħħa billi l-qrati ġew meħtieġa li jikkunsidraw li jagħtu ordni ta’ kumpens f’każijiet xierqa, u billi tneħħa l-limitu ta’ GBP 5 000 għall-għotjiet ta’ kumpens fir-rigward tal-awturi tar-reati li għandhom 18-il sena jew aktar fil-qorti tal-maġistrati. Is-setgħa li jingħata ordni ta’ kumpens għall-vittmi timplika li l-qrati jkunu jistgħu jordnaw kumpens f’konformità mal-mezzi tal-awtur tar-reat bħala miżura ta’ kumpens.

Jekk tkun sofrejt telf bħala riżultat tal-att jew l-ommissjoni ta’ persuna oħra, bħal telf ta’ dħul, proprjetà jew anki korriment personali, int tista’ tressaq talba għal kumpens għal dan it-telf. It-tali talba titressaq quddiem il-qrati ċivili u hija kompletament indipendenti minn jekk ikunx hemm xi proċedimenti kriminali.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali jenħtieġ li nagħmel talba?

Pretensjoni f’delitt hija kompletament separata minn kwalunkwe proċediment kriminali. Madankollu, il-fatt ta’ kundanna jista’ jintuża bħala evidenza f’talba għad-danni li l-awtur tar-reat ikun wettaq dak li huwa allegat kontrih(a). F’xi każijiet, għalhekk, jista’ jkun jaqbel li wieħed jistenna sakemm il-proċedimenti kriminali jkunu intemmu qabel ma ssir talba għad-danni.

X’nista’ nitlob fil-pretensjoni u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti u l-imgħaxijiet mitlufa)?

F’talba ċivili, hemm diversi tipi ta’ danni li jiddependu fuq it-telf, il-ħsara jew il-korriment ikkawżat, iżda prinċipalment int tista’ titlob għal telf ta’ flus, dħul, dannu lill-proprjetà u simili, jew (fil-każ ta’ korriment personali) għall-uġigħ, it-tbatija u t-telf ta’ kumdità. Kwalunkwe għoti ta’ kumpens għad-danni huwa maħsub biex ipoġġik fl-istess pożizzjoni bħallikieku l-inċident ma seħħx. Jenħtieġ li d-diversi tipi ta’ telf jiġu speċifikati.

Kwalunkwe għotja għal danni ċivili tnaqqas waħda taħt l-Iskema ta’ Kumpens għal Korrimenti Kriminali b’ammont simili.

Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Iva, il-pretensjonijiet fl-Ingilterra u Wales jibdew fuq il-formolarju tal-pretensjoni, il-Formolarju N1. Għal aktar informazzjoni, ara: https://www.gov.uk/make-court-claim-for-money. Għal talbiet fl-Ewropa li huma għal flus inqas minn EUR 5 000 jista’ ikun possibbli li tintuża l-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar fi kwistjonijiet ikkontestati, jew l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea. Ara wkoll https://www.gov.uk/recover-debt-from-elsewhere-in-european-union

X’evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?

Talba ċivili titlob li l-kwistjonijiet li sar l-ilment dwarhom jiġu ppruvati fil-konfront tal-bilanċ tal-probabbiltajiet, u għalhekk ikun meħtieġ li tiġi ppreżentata evidenza suffiċjenti tal-imġiba tal-intimat li allegatament ikkawża t-telf, u evidenza li din kienet ikkawżat dak it-telf, biex jiġi ssodisfat dan it-test. Se jkun meħtieġ ukoll li jiġi ppruvat l-ammont tat-telf, u l-evidenza meħtieġa għal dak se jiddependi fuq dak li qed jintalab għalih, u ġeneralment ikun jinkludi rċevuti, kontijiet tal-bejgħ, rendikonti tal-paga u oġġetti simili għat-telf finanzjarju, u rapporti mediċi għal korriment personali.

Hemm xi spejjeż tal-qrati jew spejjeż oħra relatati mal-pretensjoni tiegħi?

Iva, hemm tariffi, dawn jiddependu fuq il-valur tal-pretensjoni, għal aktar informazzjoni ara: https://formfinder.hmctsformfinder.justice.gov.uk/ex50-eng.pdf

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċedimenti? Nista’ nirċivieha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Hemm għajnuna legali limitata ħafna għal kwistjonijiet ċivili, u din tkun tiddependi fuq in-natura tat-talba. Huwa improbabbli li jkun hemm għajnuna legali għal individwu li normalment ma jkunx residenti fir-Renju Unit. Għal iktar tagħrif jekk jogħġbok żur: https://www.gov.uk/legal-aid/eligibility Il-pretendenti fi proċeduri ta' qorti ċivili huma prinċipalment rappreżentati fuq il-bażi ta’ ftehim quotae litis, ta’ spiss deskritt bħala ftehim “no-win, no-fee”. https://www.lawsociety.org.uk/support-services/advice/articles/new-model-conditional-fee-agreement/

Meta tista’ il-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar il-pretensjoni tiegħi kontra l-awtur tar-reat?

Talba ċivili ma titressaqx quddiem qorti kriminali. Il-kwistjonijiet huma indipendenti minn xulxin.

Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħrajn ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Id-deċiżjoni dwar jekk jiġix appellat dak li ġie stabbilit f’kawża ċivili se tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi. Għal iktar tagħrif jekk jogħġbok żur: https://www.justice.gov.uk/courts/procedure-rules/civil/rules/part52

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?

Skont is-sistema legali tal-Ingilterra u Wales, l-għażla tal-metodu ta’ eżekuzzjoni hija kollha kemm hija f’idejn il-kreditur li huwa parti mis-sentenza. Il-qrati ċivili joffru għadd ta’ metodi differenti li permezz tagħhom kreditur jista’ jeżegwixxi sentenza favurihom. Dawn il-metodi jinkludu l-mandati ta’ kontroll, is-sekwestru ta’ dħul, l-ordnijiet ta’ debitu ta’ parti terza, l-ordnijiet ta’ ħlas u l-ordnijiet għall-bejgħ. Għal aktar tagħrif, żur is-sit elettroniku: https://www.gov.uk/make-court-claim-for-money/enforce-a-judgment

L-aħħar aġġornament: 01/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.