Jekk it-talba tiegħi (minn pajjiż ieħor) se titqies f’dan il-pajjiż

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talba għall-kumpens f’każijiet transfruntiera?

Fil-Portugall, l-awtorità hija l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati (CPCV).

Nista’ nibgħat it-talba tiegħi direttament lill-awtorità li tiddeċiedi f’dan il-pajjiż anki f’każijiet transfruntiera (mingħajr ma jkolli bżonn ngħaddi mingħand l-awtorità ta’ assistenza f’pajjiżi)?

Le. Il-vittmi ta’ reati vjolenti jew ta’ vjolenza domestika li abitwalment jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE jridu jissottomettu t-talba għall-għoti ta’ kumpens/ħlas bil-quddiem pagabbli mill-Istat Portugiż lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-UE li jirrisjedu fih.

Dik l-awtorità tibgħat it-talba lis-CPCV fil-Portugall, li tirċeviha u tieħu l-passi neċessarji biex tinvestiga l-fatti u tiddeċiedi dwar it-talba.

B’liema lingwa/i l-awtorità jew l-awtoritajiet li jipprovdu l-kumpens jaċċettaw:

a) it-talba?

Is-CPCV taċċetta t-talbiet u d-dokumenti bil-Portugiż jew bl-Ingliż.

b) id-dokumenti ta’ sostenn?

Jekk is-CPCV titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tar-rikorrent biex torganizza s-smigħ tar-rikorrent jew ta’ kwalunkwe persuna oħra (pereżempju xhud jew espert), is-CPVC ma tistax tirrifjuta r-rekord bil-miktub tas-smigħ tiegħu, bil-kundizzjoni li r-rekord ikun miktub b’waħda mil-lingwi tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

Jekk l-awtorità li tipprovdi l-kumpens tittraduċi t-talba/id-dokumenti ta’ sostenn minn pajjiż ieħor tal-UE, min iħallas għal dan?

Is-CPCV. Is-servizzi mitluba u pprovduti mis-CPVC għal każijiet ta’ reati vjolenti jew ta’ vjolenza domestika ma jikkwalifikaw għall-ebda talba għar-rimborż tal-imposti jew tal-ispejjeż.

Hemm xi ħlasijiet amministrattivi jew ħlasijiet oħra li għandhom jitħallsu f’dan il-pajjiż għall-ipproċessar tat-talba tiegħi (li tkun waslet minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif nista’ nħallashom?

Le.

F’każ li jkolli bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew waqt li tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi, nista’ niġi rimborżat għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħi? Kif nista’ nagħmel talba għalihom? Lil min għandi nikkuntattja?

Is-CPVC tirċievi d-dokumenti kollha li jkollha bżonn sabiex tinvestiga u tiddeċiedi dwar il-proċedura għall-kumpens pagabbli mill-Istat Portugiż għal reat imwettaq fil-Portugall kontra vittma li abitwalment tkun residenti fi Stat Membru ieħor. Hija tista’ titlob ukoll lill-awtorità tal-Istat Membru ta’ residenza tal-vittma biex tisma’ lill-vittma. Ir-rikorrent ma għandux għalfejn jivvjaġġa lejn il-Portugall biex jinstema’ mill-kummissjoni.

Jekk il-qorti Portugiża tħoss il-ħtieġa li tisma’ lir-rikorrent personalment, mingħajr l-użu ta' ebda mezz ieħor, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż oħra assoċjati jitħallsu mill-Istat Portugiż.

L-uffiċċju tas-sigurtà soċjali huwa l-awtorità nazzjonali li tirċievi u tipproċessa t-talbiet għall-għajnuna legali.

Jiġi pprovdut interpretu, f’każ li jkolli nkun preżenti personalment?

Iva.

Iċ-ċertifikati mediċi, li jingħataw mit-tobba fil-pajjiż tar-residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew rikonoxxuti – jew is-saħħa/korriment tiegħi jkunu jridu jiġu eżaminati mill-esperti mediċi tagħkom stess?

Id-dokumenti kollha mibgħuta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn abitwalment jirrisjedi r-rikorrent jiġu aċċettati mingħajr l-ebda formalità partikolari u huma eżentati mil-legalizzazzjoni jew formalitajiet ekwivalenti.

Niġi rimborżat għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħi, jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

Id-dokumenti mediċi li r-rikorrent ikun issottometta lill-awtorità tal-Istat Membru fejn normalment jirrisjedi u li jkunu meħtieġa biex jiġi deċiż il-każ, jew oħrajn li jistgħu jintalbu, jintbagħtu lis-CPCV mingħajr il-ħtieġa ta’ eżamijiet mediċi addizzjonali fil-Portugall.

Bejn wieħed u ieħor kemm tieħu żmien biex l-awtorità/korp jiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Fi żmien 10 ijiem, kemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tar-rikorrent kif ukoll ir-rikorrent innifsu jirċievu notifika li t-talba waslet għand is-CPCV, b’indikazzjoni tal-perjodu ta’ żmien probabbli għal deċiżjoni dwar it-talba.

B’liema lingwa nirċievi d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

Id-deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens tista’ tintbagħat bil-Portugiż jew bl-Ingliż lir-rikorrent u lill-awtorità tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tar-rikorrent. Is-CPCV tista’ tiddeċiedi wkoll li tuża lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-UE fejn tinsab ir-residenza abitwali tar-rikorrent, jew lingwa oħra ta’ dak l-Istat Membru, bil-kundizzjoni li din tkun waħda mil-lingwi tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni, nista’ nikkontestaha?

Iva. Jekk ir-rikorrent iħoss li d-deċiżjoni tas-CPCV tkun żbaljata, huwa għandu 15-il jum biex jissottometti lment lill-kummissjoni nnifisha. Permezz ta’ rikors, ir-rikorrent għandu jistabbilixxi l-bażi għat-talba tiegħu, flimkien ma’ kwalunkwe evidenza li jqis xierqa. Is-CPCV imbagħad ikollha perjodu ta’ 30 jum biex tirrieżamina u tiddeċiedi dwar l-ilment, u tista’ tikkonferma, tħassar, tannulla, temenda jew tissostitwixxi l-att ikkontestat.

Jekk ir-rikorrent ma jkunx sodisfatt bid-deċiżjoni dwar l-ilment, huwa jista’ jikkontestaha quddiem il-qrati amministrattivi.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) bir-regoli tal-pajjiż l-ieħor?

Is-CPCV ma toffri l-ebda tip ta’ intervent dwar din il-kwistjoni speċifika.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens f’każ transfruntiera?

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati (CPVC):

  • Personalment – Av. Fontes Pereira de Melo, nº 7, 7.º dto., 1050-115 Lisbona, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-9.30am san-12.30pm, u mis-2pm sal-4.30pm;
  • Bil-posta, billi tuża l-formola disponibbli fuq is-sit web tal-kummissjoni;
  • Bil-posta elettronika: correio.cpcv@sg.mj.pt;
  • Online, billi timla l-formola għall-vittmi ta’ reati vjolenti jew il-formola għall-vittmi ta' vjolenza domestika (https://cpvc.mj.pt/);
  • Bit-telefon: (+351) 213 222 490, il-ħlas tat-telefonati huwa bir-rati ta’ linja fissa, mid-9.30am san-12.30pm, u mis-2pm sal-4.30pm;

APAV:

  • Linja ta’ għajnuna għall-appoġġ lill-vittmi: (+351) 116 006 (mid-9am sad-9pm fil-ġranet tax-xogħol);
  • Online, fuq is-sit web tal-APAV (disponibbli bil-PT, EN, Russu, Ċiniż); jew fuq http://infovitimas.pt/pt/app/
  • Servizz ta’ vidjointerpretu bil-Lingwa tas-Sinjali/SERV IIN – permezz ta’ vidjotelefonata (+351 12 472), mill-10am sas-6pm fil-ġranet tax-xogħol.

Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Comissão para a Cidadania e Igualdade de Género) (GIG):

  • Servizz ta' Informazzjoni għall-Vittmi ta’ Vjolenza Domestika (Serviço de Informação às Vítimas de Violência Doméstica) (jipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u dwar ir-riżorsi disponibbli fit-territorju nazzjonali kollu u fejn jista’ jinkiseb appoġġ psikoloġiku u soċjali u informazzjoni legali) – Telefon: (+351) 800 202 148 (servizz kunfidenzjali, b’xejn, anonimu, disponibbli 24/7).
L-aħħar aġġornament: 28/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.