Jekk it-talba tiegħi (minn pajjiż ieħor) se titqies f’dan il-pajjiż

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Liema awtorità tiddeċiedi dwar pretensjoni għal kumpens f’każijiet transkonfinali?

Il-Kumitat għall-Appoġġ ta’ Vittmi ta’ Reati bi stil tal-Mafja u Reati Vjolenti Intenzjonati (Comitato di Solidarietà per le vittime dei reati di tipo mafioso e dei reati intenzionali violenti), li huwa marbut mal-Ministeru tal-Intern (Via Cavour n. 6; indirizz elettroniku ċċertifikat (“PEC”): protocollovittimemafia@pecdlci.interno.it). Il-Kumitat huwa magħmul mill-Kummissarju (Commissario), li jippresedi, flimkien ma’ rappreżentant wieħed tal-Ministeru tal-Intern, żewġ rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ġustizzja, rappreżentant wieħed tal-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku, rappreżentant wieħed tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi, rappreżentant wieħed tal-Ministeru tal-Impjiegi, is-Saħħa u l-Politiki Soċjali, u rappreżentant wieħed li ma jivvutax tal-korporazzjoni tas-servizzi tal-assigurazzjoni pubblika CONSAP, li hija responsabbli għall-ġestjoni finanzjarja tal-fond rilevanti.

Talbiet għal aċċess għall-fond għandhom jiġu ppreżentati, għal investigazzjoni, lill-Uffiċċju tal-Prefettura/Territorjali tal-Gvern (Prefettura Ufficio territoriale del Governo) għal wieħed mill-postijiet li ġejjin: il-post fejn hija sedenti l-qorti li ħarġet il-kundanna għal waħda mir-reati msemmija fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 122/2016; jew il-post ta’ residenza tal-parti interessata, jew tal-persuni l-oħra intitolati jekk il-vittma tar-reat tkun mietet; jew il-post ta’ residenza tar-rappreżentant speċjali (procuratore speciale) li jirrappreżenta lill-vittma jew persuni intitolati oħra jekk dawn ikunu ċittadini Taljani jew ċittadini tal-UE li ma jgħixux fl-Italja.

Id-deċiżjoni attwali dwar it-talba tibqa’ f’idejn il-Kumitat.

Il-prerekwiżiti għal aċċess għall-fond, u l-formola tat-talba, jinsabu fil-paġna li ġejja fis-sit web tal-Ministeru tal-Intern:

https://www.giustizia.it/giustizia/it/mg_2_10_6.page

Nista’ nibgħat il-pretensjoni tiegħi direttament lill-awtorità ta’ deċiżjoni f’dan il-pajjiż anki f’każijiet transkonfinali (mingħajr ma jkolli bżonn ngħaddi mill-awtorità ta’ assistenza f’pajjiżi)?

Iva, għalkemm jekk tgħaddi mill-awtorità ta’ assistenza, dan jista’ jkun utli sabiex issirlek traduzzjoni tat-talba u ta’ kwalunkwe dokumentazzjoni oħra.

B’liema lingwa/i l-awtorità/awtoritajiet tal-kumpens jaċċettaw:

  • il-pretensjoni?
  • id-dokumenti ta’ sostenn?

Bit-Taljan.

Jekk l-awtorità tal-kumpens tittraduċi l-pretensjoni/d-dokumenti ta’ sostenn minn pajjiż ieħor tal-UE, min iħallas għal dan?

L-attur ma jħallas l-ebda spiża.

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li għandhom jitħallsu f’dan il-pajjiż għall-ipproċessar tal-pretensjoni tiegħi (li tkun waslet minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif nista’ nħallashom?

Le.

F’każ li jkolli bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew waqt li tkun qed tiġi deċiża l-pretensjoni tiegħi, nista’ niġi rimborżat għall-ispejjeż tal-ivjaġġar tiegħi? Kif nista’ nippreżenta pretensjoni għalihom? Lil min għandi nikkuntattja?

M’hemmx għalfejn tkun preżenti, peress li m’hemm l-ebda seduta avversarjali; jekk tixtieq tippreżenta osservazzjonijiet jew dokumentazzjoni ulterjuri, tista’ tibgħathom permezz ta’ ittra elettronika ċċertifikata jew mill-awtorità ta’ assistenza.

Id-Digriet Nru 222/2008, l-Artikolu 6: “Is-smigħ tal-attur mitluba mill-awtorità ta’ deċiżjoni fl-Italja

“1. Jekk l-awtorità ta’ deċiżjoni Taljana tiddeċiedi li tisma’ lill-attur jew lil xi persuna oħra skont l-Artikolu 2(3) tad-Digriet Leġiżlattiv, din għandha tibgħat it-talba lill-awtorità ta’ assistenza fl-Istat Membru l-ieħor, billi ssegwi l-proċeduri indikati fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. It-talba għandha tinkludi informazzjoni dwar il-formalitajiet proċedurali stipulati mil-liġi Taljana, u għandha titlob lill-awtorità ta’ assistenza fl-Istat Membru l-ieħor li rċieva t-talba biex tinforma lill-persuna li trid tinstema' b'dawn il-formalitajiet.

“2. Jekk l-awtorità ta’ deċiżjoni Taljana titlob lill-awtorità ta’ assistenza fl-Istat Membru l-ieħor biex tisma’ lill-attur jew lil xi persuna oħra skont il-liġijiet ta’ dan l-Istat Membru, skont il-parti finali tal-Artikolu 2(3) tad-Digriet Leġiżlattiv, din għandha tibgħat it-talba billi ssegwi l-proċeduri indikati fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament."

Jiġi pprovdut interpretu, f’każ li jkolli nkun preżenti personalment?

Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.

Iċ-ċertifikati mediċi, li jingħataw mit-tobba fil-pajjiż ta’ residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew rikonoxxuti – jew is-saħħa/il-korriment tiegħi jkun irid jiġi eżaminat mill-esperti mediċi tagħkom stess?

Dawn jiġu rikonoxxuti, diment li jaslu bit-Taljan jew bl-Ingliż. Mhi meħtieġa li ssir l-ebda valutazzjoni speċifika mit-tobba domestiċi.

Ser niġi rimborżat(a) għall-ispejjeż tal-ivjaġġar tiegħi, jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

M’hemmx għalfejn isiru eżamijiet mediċi; minflok, ikollok tippreżenta d-dokumentazzjoni medika rilevanti u l-fatturi għall-ispejjeż mediċi li ġarrabt.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità/korp jiddeċiedi dwar pretensjoni għal kumpens?

Ir-regola attwali hija 60 jum minn meta tasal it-talba. Madankollu, għandek iżżomm f’moħħok li l-proċedimenti jiġu sospiżi jekk l-awtorità ta’ deċiżjoni titlob dokumenti jew informazzjoni oħra (l-Artikolu 10-bis tal-Liġi Nru 241/90).

B’liema lingwa nirċievi d-deċiżjoni dwar il-pretensjoni tiegħi?

Bit-Taljan.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni, kif nista’ nikkontestaha?

Billi tressaq azzjoni fil-qorti ordinarja (tribunale) fi żmien 60 jum min-notifika tad-deċiżjoni.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) taħt ir-regoli tal-pajjiżi l-ieħor?

Le.

F’dan il-pajjiż, hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens f’każ transkonfinali?

L-uffiċċju li jforni din l-informazzjoni ma jafx b'dan.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.