Jekk it-talba tiegħi (minn pajjiż ieħor) se titqies f’dan il-pajjiż

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Liema awtorità tiddeċiedi fuq talba għal kumpens f’każijiet transfruntiera?

F’kull qorti reġjonali (tribunal de grande instance), hemm il-Bord għal Kumpens ta’ Vittmi ta’ Reati (Commission d’indemnisation des victimes d’infractions — CIVI) li jiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens ippreżentati mill-vittmi ta’ reati jew mill-persuni dipendenti fuqhom.

Fir-rigward tat-terroriżmu FR., il-Fond ta’ Garanzija għall-Vittmi tat-Terroriżmu u Reati Oħra (Fonds de garantie des actes de terrorisme et d’autres infractions — FGTI) jiddeċiedi fuq it-talbiet, b’rieżami mill-qorti f’każ ta’ tilwim.

It-talba tiegħi nista’ nibgħatha lill-awtorità li tiddeċiedi f’dan il-pajjiż anke f’każijiet transfruntiera (mingħajr ma jkolli għalfejn ninvolvi lill-awtorità ta’ assistenza f’pajjiżi)?

Iva, tista’ tirreferi l-kwistjoni direttament lill-awtorità, li mbagħad tiddeċiedi fuq it-talba tiegħek.

L-awtoritajiet ta’ kumpens b’liema lingwa(i) jaċċettaw:

- it-talba?

- id-dokumenti ta’ sostenn?

It-talba u d-dokumenti ta’ sostenn jiġu aċċettati bil-Franċiż jew bl-Ingliż.

Jekk l-awtorità ta’ kumpens tittraduċi t-talba/dokumenti ta’ sostenn minn pajjiż ieħor tal-UE, min iħallsu dan is-servizz?

Il-vittmi ta’ reati transfruntiera huma mitluba, kull meta jkun possibbli, biex jipprovdu traduzzjoni bil-Franċiż tad-dokumenti ewlenin bi spejjeż tagħhom.

Hemm tariffi amministrattivi jew spejjeż oħra li jridu jitħallsu f’dan il-pajjiż għall-ipproċessar tat-talba tiegħi (irċevuta minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif għandi nħallashom?

Le.

Jekk ikolli bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi, nirċievi rimborż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar? Kif għandi nitlobhom lura? Lil min għandi nikkuntattja?

Ma għandekx għalfejn tkun preżenti. Madankollu, taħt ċertu kundizzjonijiet tista’ titlob ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħek, gratifika għas-sussistenza għal kull jum, u kumpens għall-attendenza (indemnité de comparution).

Biex tikseb dan ir-rimborż, trid tikkuntattja lill-qorti li ħarkitek.

Jekk ikolli bżonn inkun preżenti personalment, jiġi provdut interpretu?

Iva, jekk tiġi, l-interpretu jkun mingħajr ħlas.

Iċ-ċertifikati mediċi, maħruġa minn tobba fil-pajjiż tar-residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew rikonoxxuti - jew ikolli niġi eżaminat rigward saħħa/korriment mill-esperti mediċi tiegħek?

Iċ-ċertifikati mediċi mill-pajjiż tar-residenza tiegħek jiġu aċċettati. Skont il-każ, tista’ ssir evalwazzjoni medika skont id-dokumenti provduti.

Nirċievi rimborż għall-ispejjez tal-ivjaġġar, jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

Preferibbilment l-eżami mediku jiġi organizzat bi ftehim reċiproku mal-vittma matul waħda miż-żjarat tagħhom fi Franza/ Inkella, l-ispejjeż tal-ivjaġġar tal-vittma biex tattendi għall-eżami mediku jistgħu, fuq preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn, jiġu rimborżati mill-FGTI.

Kemm indum nistenna bejn wieħed u ieħor biex nirċievi deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtorità/korp?

L-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-reġistru lill-FGTI mingħajr dewmien.

L-FGTI trid tagħmel offerta lill-vittma fi żmien xahrejn mil-wasla tal-fajl komplut mibgħut mir-reġistru tac-CIVI.

Jekk il-vittma taċċetta l-offerta, nota dwar il-ftehim tintbagħat lill-President tac-CIVI għall-approvazzjoni. Mal-approvazzjoni, il-ftehim huwa eżegwibbli. Id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-vittma u lill-FGTI, li jwettaq il-ħlas.

Jekk l-FGTI jirrifjuta, u jagħti r-raġunijiet tiegħu, jew jekk il-vittma tirrifjuta l-offerta, jew jekk il-vittma ma tweġibx għall-offerta tal-FGTI fi żmien xahrejn, ic-CIVI tikkunsidra l-każ, skont proċedura ġudizzjarja: f’dak il-każ, l-imħallef jisma’ r-ikors u jivverifika d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti provduti.

Il-prosekutur pubbliku l-FGTI jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom mhux iktar tard minn ħmistax il-jum qabel is-seduta ta’ smigħ. Ir-rikorrent u l-FGTI iridu jitħarrku mill-inqas xahrejn bil-quddiem.

Wara l-proċedimenti li jsiru f’seduta mhux miftuħa għall-pubbliku, id-deċiżjoni tal-FGTI biex tagħti jew tiċħad il-kumpens tiġi notifikata lir-rikorrent u lill-FGTI, li tħallas kwalunkwe kumpens mogħti fix-xahar wara dak tan-notifika.

Fir-rigward tat-terroriżmu (FR.), jekk tapplika, l-FGTI iħallas somma bil-quddiem matul ix-xahar wara l-irċevuta tal-fajl komplut. L-FGTI jissottometti offerta ta’ kumpens lill-vittma (fejn l-kundizzjoni tagħhom tkun stabbli) jew lill-membri tal-familja ta’ vittma li tkun mietet fi żmien tliet xhur.

B’liema lingwa nirċievi d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

Id-deċiżjoni tirċeviha bil-Franċiż. Tista’ titlob traduzzjoni tagħha mingħajr ħlas.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni, kif nista nikkontestaha?

Jekk ma tkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tac-CIVI, inti tista titlob rieżami tagħha mill-qorti tal-appell (cour d’appel) li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa’ c-CIVI.

Għandi dritt għall-għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) skont ir-regoli tal-pajjiż?

Għandek dritt għall-għajnuna legali skont ir-regoli applikabbli fi Franza.

Hemm xi organizzazzjonijiet għas-sapport tal-vittmi f’dan il-pajjiż li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens f’każ transfruntier?

L-assoċjazzjonijiet ta’ sapport għall-vittmi li jistgħu jiġu kkuntattjati fl- uffiċċji ta’ sapport għall-vittmi tal-qrati jew fl-uffiċċji tagħhom stess jistgħu jagħtuk għajnuna b’xejn fit-tħejjija tat-talba ta’ kumpens tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 05/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna