Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

Għal liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens?

Il-liġi taħseb għal kumpens finanzjarju ta’ darba għal nies li jġarrbu ħsara bħala riżultat ta’ reati vjolenti premeditati; reati oħra mhumiex soġġetti għal kumpens. Ir-reati involuti huma, b’mod partikolari, omiċidju volontarju u offiża fuq il-persuna. Il-liġi tqis ir-reati ta’ abbuż sesswali, ta’ vjolenza sesswali u ta’ stupru bħala kategorija speċifika ta’ reat, li għaliha jingħata kumpens għad-dannu morali.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ nikseb kumpens?

Il-vittmi ta’ reat vjolenti jiġu kkumpensati biss fil-każ ta’ offiża fuq il-persuna (kumpens għal uġigħ u għat-tbatija, u funzjoni soċjali mnaqqsa). Għar-reati ta’ stupru, ta’ abbuż sesswali u ta’ vjolenza sesswali, il-liġi tipprovdi għal kumpens għal dannu morali.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Jekk persuna tkun mietet minħabba reat vjolenti, skont il-liġi l-qraba ta’ dik il-persuna jkollhom ukoll l-għażla li jitolbu kumpens, jiġifieri l-konjuġi superstiti u l-ulied superstiti tad-deċeduti, u jekk ma jkun hemm ebda wlied, il-ġenituri superstiti tad-deċeduti, u jekk ma jkun hemm ebda ġenitur, il-persuna li lilha l-persuna deċeduta kienet obbligata tħallas manteniment.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma superstiti? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Le, f’dan il-każ il-liġi ma tippermettix li jingħata kumpens għall-qraba tal-vittma ta’ reat.

Nista’ ningħata kumpens jekk m’inix ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Il-kumpens jista’ jintalab minn vittma li tkun ċittadina tar-Repubblika Slovakka jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew minn persuna apolida li jkolha residenza permanenti fit-territorju tar-Repubblika Slovakka jew fi Stat Membru ieħor, jew ċittadin barrani skont il-kundizzjonijiet u sa fejn stipulat minn trattat internazzjonali ratifikat u promulgat bil-mod previst mil-liġi, jekk l-offiża fuq il-persuna tkun seħħet fit-territorju tar-Repubblika Slovakka.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan hu l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, il-kodiċi legali tas-Slovakkja ma jippermettix għal proċedura bħal din. Kumpens jista’ jintalab biss jekk l-offiża fuq il-persuna tkun seħħet fit-territorju tar-Repubblika Slovakka.

Għandi bżonn nirrapporta r-reat lill-pulizija l-ewwel, biex ikun nista’ nitlob kumpens?

Kumpens jista’ jintalab biss jekk l-eżitu tal-investigazzjoni jindika li twettaq reat u li dan kien il-kawża tal-offiża fuq il-persuna. Għaldaqstant, kumpens jista’ jiġi pprovdut biss jekk l-ewwel tkun seħħet il-prosekuzzjoni kriminali, iżda mhuwiex importanti jekk din tkunx ibbażata fuq ir-rapport tal-vittma jew fuq azzjoni oħra.

Għandi nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċeduri kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Iva, il-preżentazzjoni ta’ talba għal kumpens hi kundizzjonali għall-eżistenza ta’ deċiżjoni legali li skont din it-trasgressur ikun instab ħati li wettaq reat li kkawża offiża fuq il-persuna tal-vittma, jew ta’ sentenza li skont din il-konvenut ikun inħeles, peress li hu ma jkunx miżmum kriminalment responsabbli fuq il-bażi ta’ ġenn. Jekk it-trasgressur li r-reat tiegħu jkun ikkawża l-offiża fuq il-persuna tal-vittma ma jkunx magħruf, ma jkunx magħruf fejn jinsab, jew il-prosekuzzjoni kriminali tiegħu tkun prekluża minħabba impediment legali, il-vittma tista’ tfittex kumpens fuq il-bażi ta’ deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li tistabbilixxi l-fatti msemmija hawn fuq. Madankollu, f’każ bħal dan, l-eżitu tal-investigazzjoni jew tal-investigazzjoni sommarja minn korpi tal-prosekuzzjoni kriminali ma jistax iwassal għal dubji raġonevoli dwar jekk seħħx ir-reat li bih kienet ikkawżata l-ħsara fuq il-persuna lill-vittma.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mill-awtur tar-reat – jekk dan ikun ġie identifikat?

Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal kumpens minn trasgressur mhix kundizzjoni għat-talba ta’ kumpens, iżda jekk il-vittma ma tiħux miżuri biex tirċievi kumpens mingħand it-trasgressur, l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-kumpens mogħti.

Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Jekk it-trasgressur li r-reat tiegħu jkun ikkawża l-offiża fuq il-vittma ma jkunx magħruf, ma jkunx magħruf fejn jinsab, jew il-prosekuzzjoni kriminali tiegħu tkun prekluża minħabba impediment legali u l-offiża fuq il-persuna tal-vittma ma tkunx ġiet ikkumpensata b’xi mod ieħor bis-sħiħ, il-vittma tista’ titlob kumpens jekk l-eżitu tal-investigazzjoni jew tal-investigazzjoni sommarja mill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni kriminali ma jqajjimx dubji ġustifikati dwar jekk seħħx ir-reat li bih kienet ikkawżata l-offiża fuq il-vittma. It-talba trid tkun sostnuta mid-deċiżjoni legali tal-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali jew tal-qorti li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar li tipprova l-fatti msemmija hawn fuq.

Hemm terminu preskrittiv li matulu rrid nitlob kumpens?

It-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien sitt (6) xhur mid-dħul fis-seħħ tal-kundanna kriminali tat-trasgressur. Jekk it-trasgressur ma jkunx magħruf jew il-prosekuzzjoni kriminali tiegħu tkun prekluża minħabba impediment legali, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien sitt (6) xhur mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni mill-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali jew mill-qorti li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar.

X’tip ta’ telf u ta’ spejjeż hu kopert mill-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ser ikopri:

Il-kumpens jitħallas biss fir-rigward tal-ħsara fuq il-persuna (kumpens għal uġigħ u għal tbatija, u funzjoni soċjali mnaqqsa), u fir-rigward tad-dannu morali f’kawżi statutorji. Kumpens ma jinkludix telf jew spejjeż oħra.

(a) Għall-vittma tar-reat:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċini tal-ħsara (trattament mediku — kura out-patient u fl-isptar, irkupru),
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-ħsara (jiġifieri kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, fiżjoterapija edukattiva fit-tul, adattament tal-akkomodazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.),
  • ħsara permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra),
    • telf ta’ qligħ matul it-trattament mediku u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila biex isir qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.),
    • telf ta’ opportunità,
    • spejjeż marbuta mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara (bħat-tariffi legali, l-ispejjeż tal-qorti),
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara,
    • oħrajn.
– mhux applikabbli

– Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma — kumpens għad-dannu morali għar-reati ta’ stupru, ta’ abbuż sesswali u ta’ vjolenza sesswali

(b) Għal persuni eliġibbli jew għal qraba intitolati ta’ vittma:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral,
  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, trattament fl-ambulanza u fl-isptar, riabilitazzjoni),
  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità.
– mhux applikabbli

– Ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija ta’ qraba jew ta’ persuni eliġibbli/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma mietet — superstiti ta’ vittma ta’ reat vjolenti li mietu jitħallsu kumpens bil-massimu statutorju ta’ 50 darba l-paga minima fiż-żmien li fih twettaq ir-reat. Dan jikkonċerna talba li tiġi distribwita b’mod proporzjonat fost is-sopravissuti intitolati kollha.

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti ta’ kull xahar?

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

Kwalunkwe rekord fir-reġistru kriminali ma jkollu ebda impatt fuq ir-riċevuta ta’ kumpens mir-Repubblika Slovakka. L-awtorità li tieħu d-deċiżjoni tista’ tnaqqas il-kumpens jekk il-vittma tkun ħatja b’mod konġunt għall-offiża fuq il-persuna jew ma tiħux miżuri biex tirċievi kumpens b’mod dirett mingħand it-trasgressur.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-vittma ma jkollha ebda impatt fuq id-deċiżjoni dwar il-kumpens.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

L-ammont tal-kumpens jista’ jkun affettwat minn kemm il-vittma tkun ħatja għall-offiża fuq il-persuna jew mill-fatt li l-vittma ma tkunx ħadet miżuri biex tirċievi kumpens b’mod dirett mingħand it-trasgressur.

Il-kumpens kif jiġi kkalkolat?

Jekk l-offiża fuq il-persuna tkun ġiet rikonoxxuta b’sentenza tal-qorti, il-kumpens ikun ibbażat fuq il-firxa tal-offiża fuq il-persuna stipulata fis-sentenza; inkella, jekk tkun involuta offiża fuq il-persuna, id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni speċjali li tirregola l-għoti ta’ kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija, u għal funzjoni soċjali mnaqqsa, japplikaw b’mod proporzjonat għall-kalkolu tal-kumpens. Il-kumpens għad-dannu morali fil-każ tar-reati ta’ stupru, ta’ vjolenza sesswali jew ta’ abbuż sesswali h għaxar darbiet il-paga minima (fiż-żmien li fih isseħħ l-offiża) u kumpens għad-dannu morali għall-qraba, skont kif ikun xieraq.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Il-liġi ma tipprovdix għal ammont minimu tal-kumpens. L-ammont massimu tal-kumpens hu stabbilit għal 50 darba l-paga minima fiż-żmien li fih titwettaq l-offiża (nota: bħalissa € 21 750).

Fil-formola tat-talba jiena mistenni(ja) nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkolah jew dwar aspetti oħra?

Jekk l-offiża fuq il-persuna tiġi rikonoxxuta bħala parti minn kundanna kriminali, id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens tkun ibbażata fuq din is-sentenza. Inkella, ikun meħtieġ rapport mediku li jkun fih ukoll id-data neċessarja biex jiġi determinat l-ammont speċifiku tal-kumpens. Ir-regoli għad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens huma speċifikati mil-leġiżlazzjoni li tirregola r-regoli għall-kalkolu tal-offiża fuq il-persuna b’mod ġenerali, mhux biss għall-fini ta’ għoti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ reati vjolenti.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva, il-kumpens jiġi pprovdut biss bis-suppożizzjoni li l-offiża ma tkunx ġiet ikkumpensata b’xi mod ieħor (pereżempju, minn skema tal-assigurazzjoni privata jew b’mod dirett mit-trasgressur vjolenti).

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Mhuwiex possibbli li jingħata ħlas bil-quddiem għall-kumpens.

Nista’ nikseb kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Proċedura bħal din hi possibbli; il-vittma tista’ terġa’ tfittex kumpens (pereżempju, fil-kuntest ta’ tibdil fis-sitwazzjoni jew ta’ deterjorament fl-istat tas-saħħa), iżda anki l-applikazzjoni trid tiġi ppreżentata fi ħdan il-perjodu bażi (jiġifieri fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-kundanna kriminali li biha t-trasgressur ikun instab ħati, u jekk it-trasgressur ma jkunx magħruf jew il-prosekuzzjoni kriminali tiegħu tkun prekluża minħabba impediment legali, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali jew tal-qorti li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar). Madankollu, l-ammont totali tal-kumpens fl-istess każ ma jistax jaqbeż 50 darba l-paga minima.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • is-sentenza jew id-deċiżjoni finali tal-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar; jekk il-vittma ma tistax tehmeż id-deċiżjoni, din għandha tindika l-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali jew il-qorti li kkunsidrat l-aħħar ir-reat u, fl-istess ħin, tipprovdi informazzjoni dwar il-persuna suspettata li wettqet ir-reat li kkawża l-offiża fuq il-vittma, jekk dik il-persuna tkun magħrufa għall-vittma,
  • dokumentazzjoni tal-offiża fuq il-persuna kkawżata lill-vittma minħabba r-reat, inklużi dettalji ta’ kemm diġà ġiet ikkumpensata, jew kemm hu ġustifikat li jiġi preżunt li din se tiġi kkumpensata, jew evidenza tad-deċiżjonijiet dwar il-kumpens għall-offiża fuq il-persuna li għadhom ma ġewx eżegwiti, kif ukoll informazzjoni dwar miżuri li ħadet il-vittma biex tirċievi kumpens mingħand it-trasgressur li r-reat tiegħu kkawża l-offiża fuq il-vittma,
  • dokument li jagħti prova tar-relazzjoni tal-qraba u tal-grupp ta’ persuni eliġibbli jekk ir-reat ikkawża l-mewt tal-vittma,
  • dokument li jagħti prova tal-obbligu ta’ manteniment tal-persuna deċeduta jew tal-provvista ta’ manteniment mill-persuna deċeduta jekk din tkun persuna li lilha l-persuna deċeduta kienet obbligata tħallas manteniment.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu meta t-talba tiġi riċevuta u tiġi pproċessata?

Il-proċedimenti ta’ kumpens mhumiex soġġetti għal tariffi.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka jiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

It-talba għandha tintbagħat lil: Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky, Župné námestie 13, 813 11 Bratislava

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta t-talba tiegħi tkun qed tiġi deċiża?

Il-vittma mhix meħtieġa tieħu sehem.

Kemm indum nistenna (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka hu obbligat jiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens fi żmien sitt (6) xhur.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka ma jilqax it-talba jew jilqa’ parti minnha biss, il-vittma tista’ tfittex kumpens permezz ta’ azzjoni l-qorti kontra r-Repubblika Slovakka, rappreżentata mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka, mhux aktar tard minn sena mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar it-talba.

Fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka http://www.justice.gov.sk/Stranky/default.aspx Kull vittma tiġi informata dwar il-possibbiltajiet u l-kundizzjonijiet biex tirċievi kumpens mingħand ir-Repubblika Slovakka fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali mill-awtoritajiet tal-investigazzjoni.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Informazzjoni dwar il-kumpens għall-vittmi ta’ reati hi ppubblikata fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (http://www.justice.gov.sk/Stranky/Nase-sluzby/Trestne-pravo/Informacie-pre-obete-trestnych-cinov.aspx). Fl-istess ħin, meta vittma tinstema’ fi proċedimenti kriminali, din tirċievi informazzjoni dwar organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna u appoġġ lill-vittmi (flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt).

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Ma hemm ebda għajnuna legali speċifikament għall-fini ta’ talbiet għal kumpens. Hu possibbli li tintuża assistenza legali ġenerali pprovduta mill-Istat miċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali. Barra minn hekk, il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka stess jipprovdi gwida bażika dwar kif jintalab kumpens.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Iva, hemm organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna u appoġġ lill-vittmi ta’ reati vjolenti, iżda bħalissa dawn joperaw b’mod indipendenti mill-Istat.

L-aħħar aġġornament: 16/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna