Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

It-tipi ta’ reati li tista’ tingħata kumpens għalihom huma r-“Reati vjolenti”. Reati li wasslu għal diżabilità permanenti, inkapaċità temporanja jew assoluta għax-xogħol li ddum mill-anqas 30 jum, jew għall-mewt; jekk ir-reat ikkawża tfixkil konsiderevoli fil-livell tal-għajxien u fil-kwalità tal-ħajja tal-vittma jew, fil-każ tal-mewt tal-vittma, tal-persuni (qraba stretti) finanzjarjament dipendenti fuq il-vittma jew taħt ir-responsabbiltà tal-vittma, u li ma jkunux irċevew rimedju mingħand l-awtur tar-reat.

Pereżempju: Qtil, Offiża Gravi fuq il-Persuna, Stupru, Abbuż Sesswali ta’ Minorenni, Vjolenza Domestika jew Offiża Serja fuq il-Persuna li tirriżulta minn reat ta’ Serq.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

  • Ħsara fil-proprjetà/dannu materjali: inkluż it-telf ikkawżat mir-reat (pereżempju, l-ispejjeż tal-kura fl-isptar, il-konsultazzjonijiet, il-mediċini, eċċ.), kif ukoll il-benefiċċji li l-vittma ma tibqax tirċievi (pereżempju, il-pagi li tkun waqfet tirċievi waqt li tkun inkapaċitata). Il-kumpens jista’ jinkiseb għat-telf imġarrab minn vittma diretta jew indiretta.
  • Dannu psikoloġiku jew emozzjonali: għalkemm dawn ma jistgħux jiġu attribwiti valur finanzjarju, huma jistgħu, madankollu, jiġu kkumpensati b’mod finanzjarju (pereżempju, dannu li jinterferixxi mal-benesseri, id-dinjità, ir-reputazzjoni tajba, li jinvolvi wġigħ fiżiku, disturbi psikoloġiċi jew tbatija emozzjonali). Il-kumpens għad-dannu psikoloġiku jew emozzjonali sofrut jista’ jinkiseb biss mill-vittma diretta.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, tista’ tingħata għajnuna finanzjarja lill-qraba stretti li jkunu finanzjarjament dipendenti fuq il-vittma diretta ta’ reat vjolenti li tkun mietet b’riżultat dirett tal-att intenzjonali ta’ vjolenza jew taħt ir-responsabbiltà tagħha.

Qraba li kienu intitolati għall-manteniment mill-vittma qabel il-mewt tagħha jistgħu jkunu intitolati li jirċievu kumpens: pereżempju, il-konjuġi jew il-konjuġi preċedenti, il-ġenituri, it-tfal, l-aħwa, iz-zijiet, il-ġenituri tar-rispett, f’ċerti ċirkostanzi, u s-sieħeb/sieħba mhux miżżewġa ta’ kwalunkwe sess li kienu jgħixu mal-vittma għal aktar minn sentejn f’kundizzjonijiet simili għal dawk tal-koppji miżżewġa.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Il-vittmi indiretti (qraba stretti) ta’ reati vjolenti jistgħu jirċievu kumpens biss fil-każ tal-mewt tal-vittma diretta.

Nista’ ningħata kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Vittmi nazzjonali jew barranin li jkunu sofrew telf serju b'riżultat dirett ta’ atti vjolenti mwettqa fit-territorju Portugiż jew abbord vapuri jew inġenji tal-ajru Portugiżi jistgħu jirċievu kumpens, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti legali.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż tar-residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Talba għall-kumpens:

a) Vittmi ta’ reati mwettqa barra mill-Portugall kontra ċittadini Portugiżi jew ċittadini tal-UE li huma abitwalment residenti fil-Portugall:

Il-vittmi ta’ reati vjolenti, inkluża l-vjolenza domestika, imwettqa barra mit-territorju nazzjonali, li r-residenza abitwali tagħhom tkun fil-Portugall, jistgħu jkunu intitolati għal kumpens finanzjarju mill-Istat Portugiż, bil-kundizzjoni li ma jkunux intitolati għal kumpens mill-Istat li t-telf ikun seħħ fit-territorju tiegħu. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati Comissão de Proteção às Vítimas de Crimes, CPVC) hija responsabbli biex tivverifika jekk ir-rikorrent ikollux id-dritt għall-kumpens fl-Istat li fit-territorju tiegħu jkun seħħ it-telf.

b) Vittmi ta’ reati fi Stat Membru ieħor tal-UE, li jkunu abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru u li jitolbu l-għoti bil-quddiem ta’ kumpens mill-Istat Portugiż:

Jekk min jitlob il-kumpens ikun jirrisjedi abitwalment fi Stat Membru ieħor tal-UE u jkun talab lill-awtorità kompetenti tal-Istat li jirrisjedu abitwalment fih, l-għoti bil-quddiem tal-kumpens mill-Istat Portugiż, is-CPVC tista’ tirċievi t-talba mibgħuta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu u tiddeċiedi dwar l-għoti tal-kumpens, u tinnotifika lil dik l-awtorità kompetenti b’dan il-fatt.

Irrid inkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija l-ewwel biex inkun nista’ nitlob kumpens?

Mhuwiex obbligatorju li tirrapporta r-reat lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Madankollu, l-awtoritajiet jistgħu jkunu jafu biss li sar reat u titnieda investigazzjoni jekk tkun saret kwerela jew rapport.

Jekk il-vittma jkollha anqas minn 16-il sena, din ma tistax tissottometti l-kwerela waħedha. Il-kwerela trid tiġi ppreżentata mir-rappreżentanti legali tagħha.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

M’hemmx bżonn tistenna r-riżultat tal-investigazzjonijiet tal-pulizija jew tal-proċedimenti kriminali qabel ma tagħmel it-talba. Is-CPVC trid tiġi kkuntattjata fi żmien sena minn meta jkun twettaq ir-reat.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat, jekk ikun ġie identifikat?

M’hemmx bżonn l-ewwel tfittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat.

Anki jekk ma tkun tressqet l-ebda talba ċivili għall-kumpens fil-proċedimenti kriminali jew barra dawn il-proċedimenti, għal raġunijiet attribwibbli lil min jagħmel it-talba (pereżempju, minħabba li ma jkunx ressaq it-talba għal kumpens lill-qorti jew ikun irtiraha), inti xorta tista’ tikkwalifika għal kumpens, għalkemm dan jitnaqqas bin-nofs tal-ammont massimu tal-ħlas bil-quddiem li jista’ jingħata mill-Istat permezz tas-CPVC.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Anki jekk l-identità tal-awtur tal-atti vjolenti ma tkunx magħrufa jew inkella ma jkunx jista’ jiġi akkużat u kkundannat, il-vittma hija intitolata għall-ħlas bil-quddiem ta' kumpens mill-Istat permezz tas-CPVC.

Fit-talba li trid tiġi ppreżentata lis-CPVC biex titlob l-għoti ta’ kumpens bil-quddiem, trid tiġi inkluża dokumentazzjoni biex tissostanzja l-fatti allegati, jiġifieri deskrizzjoni tad-dannu sofrut, l-inkapaċità għax-xogħol, dokumenti mediċi, eċċ.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Iva. Bħala regola, il-kumpens irid jintalab skont il-proċedimenti kriminali. Il-vittma trid tinforma lill-pulizija jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku sa tmiem l-istadju tal-investigazzjoni li jkun beħsiebha tapplika għal kumpens, pereżempju meta tmur biex tissottometti dikjarazzjoni. Meta tasal in-notifika tal-akkuża kontra l-akkużat, ikun hemm perjodu ta’ 20 jum biex tiġi ppreżentata t-talba.

Jekk il-vittma titlob lis-CPVC il-kumpens jew avvanz fuq il-kumpens, hija trid tagħmel dan fi żmien sena minn meta jitwettaq ir-reat. Jekk il-vittma kienet minorenni fiż-żmien li twettaq ir-reat, hija tista’ ttitlob l-għoti bil-quddiem tal-kumpens mill-Istat sa sena qabel tilħaq l-età maġġuri jew issir emanċipata.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ikopri:

a) Għall-vittma tar-reat:

- Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • L-ispejjeż mediċi tal-korriment (il-kura medika – il-kura ambulanti u fl-isptar, l-irkupru);
  • Il-ħtiġijiet jew l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-korriment (jiġifieri l-kura u l-assistenza, il-kura temporanja u permanenti, il-fiżjoterapija ta’ edukazzjoni fit-tul, l-adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.);
  • Korriment permanenti (eż. invalidità u diżabbiltajiet permanenti oħra);
    • It-telf tal-qligħ matul il-kura medika u wara (inkluż il-qligħ mitluf u l-abbiltà ta’ qligħ mitlufa/imnaqqsa, eċċ.);
    • it-telf ta’ opportunità;
    • l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża d-dannu, bħall-ħlasijiet legali, l-ispejjeż tal-qorti;
    • il-kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li ġarrbet ħsara.

- Dannu psikoloġiku (morali):

  • l-uġigħ u t-tbatija tal-vittma.

b) Għall-persuni intitolati jew il-qraba tal-vittma:

- Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • L-ispejjeż tal-funeral;
  • L-ispejjeż mediċi (eż. it-terapija għal membru tal-familja, il-kura ambulanti u fl-isptar, ir-riabilitazzjoni);
  • It-telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità.

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?

Bħala regola ġenerali, l-għoti bil-quddiem ta’ kumpens lil vittma ta’ vjolenza domestika jsir fil-forma ta’ pagament kull xahar fuq perjodu ta’ sitt xhur, li jista’ jiġi estiż għal perjodu ugwali. F’każijiet eċċezzjonali u debitament issostanzjati ta’ ħtieġa speċifika u nuqqas ta’ mezzi ta’ sussistenza, dan jista’ jitħallas f’pagament wieħed.

Fil-każ ta’ reat vjolenti, l-għoti bil-quddiem ta’ kumpens lill-vittma tar-reat isir f’pagament wieħed, li jista’ jkun fil-forma ta’ pagament annwali.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

L-ammont ta’ kumpens li jista’ jingħata jista' jitnaqqas jew il-kumpens jista’ jiġi rifjutat mill-kummissjoni fuq il-bażi tal-imġiba tal-vittma qabel, matul jew wara t-twettiq tal-atti jew it-trattazzjonijiet tagħhom mal-awtur tar-reat jew l-ambjent tagħhom, jew jekk l-imġiba tal-vittma tmur kontra s-sens ta’ ġustizzja u l-ordni pubbliku.

Madankollu, l-imġiba tal-vittma jew tar-rikorrent mhijiex rilevanti għall-finijiet tat-tnaqqis jew tar-rifjut tal-kumpens meta d-dannu kkawżat kien dovut għal vettura tal-art bil-magna jew, f’ċerti każijiet, jekk japplikaw regoli dwar l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew fis-servizz.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Se jiġi kkunsidrat dan li ġej meta jiġi deċiż jekk jingħatax kumpens bil-quddiem u meta jiġi determinat l-ammont tal-kumpens:

  • Għar-reati vjolenti, it-tfixkil konsiderevoli fil-livell tal-għajxien jew fil-kwalità tal-ħajja;
  • Għar-reati ta’ vjolenza domestika, it-tbatija finanzjarja serja tal-vittma.

Fil-każ ta’ reati vjolenti, jiġu kkunsidrati wkoll is-somom kollha li l-vittma tirċievi minn sorsi oħra, jiġifieri mill-awtur tar-reat jew mis-sigurtà soċjali; fil-prinċipju, is-somom li l-vittma tirċievi mill-assigurazzjoni tal-ħajja privata jew tal-inċidenti personali, jiġu esklużi.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Jekk ma jkun inkiseb l-ebda rimedju għad-dannu fil-proċedimenti kriminali li tressqu kontra l-awtur tar-reat, jew jekk ikun probabbli li l-awtur tar-reat ma jkunx se jipprovdi rimedju u ma jkunx hemm sors ieħor ta’ rimedju effettiv jew suffiċjenti, id-deċiżjoni dwar il-kumpens tqis ukoll dawn il-fatturi.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Fil-każ tal-vittmi ta’ reati vjolenti, l-ammont ta' kumpens jiġi kkalkulat skont il-prinċipji tal-ġustizzja u fid-dawl tal-ammonti diġà rċevuti minn sorsi oħra (bħall-awtur tar-reat jew mis-sigurtà soċjali).

Fil-każ ta’ talba għall-kumpens għat-telf tal-qligħ (somom li l-vittma ma baqgħetx tirċievi), is-CPVC tikkunsidra wkoll id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq l-introjtu tal-vittma għat-tliet snin ta’ qabel it-twettiq tar-reati. . Jekk il-vittma tmut, id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa ta’ min qed jagħmel it-talba (qarib strett) jintużaw bħala referenza jew, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet tat-taxxa, il-kalkolu tal-kumpens ikun ibbażat fuq dħul li ma jaqbiżx il-paga minima garantita ta’ kull xahar.

B’mod partikolari, għall-każijiet ta’ vjolenza domestika, is-CPVC tiddetermina l-ammont skont il-prinċipju tal-ġustizzja. Wieħed mill-kriterji ta’ kwalifika għall-kumpens bil-quddiem għall-vittmi ta’ vjolenza domestika huwa t-tbatija finanzjarja serja mġarrba bħala konsegwenza tar-reat. Fir-realtà, kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi finanzjarji jew familjari trid tiġi nnotifikata.

L-ammonti li tirċievi l-vittma bħala riżultat ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja privata jew ta’ assigurazzjoni fuq l-inċidenti personali jittieħdu inkonsiderazzjoni meta jiġi determinat l-ammont tal-kumpens għal raġunijiet ta’ ġustizzja.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Jekk il-vittma titlob lis-CPVC il-pagament bil-quddiem tal-kumpens, hija trid tindika, fost affarijiet oħra, l-ammont ta’ kumpens mitlub.

Fil-każ tal-vittmi ta’ reati vjolenti, l-ammont massimu li kull vittma tista’ tirċievi f’każijiet ta’ mewt jew korriment serju huwa EUR 34 680.

Fil-każ tal-mewt jew il-korriment serju ta’ diversi persuni bħala konsegwenza tal-istess reat, il-ħlas bil-quddiem ta’ kumpens ikun limitat għal massimu ta’ EUR 30 600 għal kull persuna, u ma jistax jaqbeż total ta’ EUR 91 800.

Fil-każ ta’ ħlas bil-quddiem fil-forma ta’ pagament annwali, il-limitu massimu huwa ta’ EUR 4 080. Fejn ikun hemm diversi vittmi tal-istess reat, it-total ma jistax jaqbeż total ta’ EUR 12 240.

Fil-każ tar-reati ta’ vjolenza domestika, l-ammont li jista’ jingħata ma jistax jaqbeż l-ekwivalenti ta’ kull xahar tal-paga minima garantita ta’ kull xahar għal perjodu ta’ sitt xhur (li jista’ jiġi estiż għal perjodu ugwali). F’każijiet ta’ ħtieġa finanzjarja speċifika, l-għoti ta’ provvediment bħala kumpens bil-quddiem jista’ jintalab anke qabel il-konklużjoni tal-investigazzjoni (instrução) taċ-ċirkustanzi speċifiċi, meta ma jkun ġie nnotifikat l-ebda tibdil fl-ammont tas-somom li għandhom jiġu rċevuti.

*valuri tal-2019

Fil-formola tat-talba nkun mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva, din l-informazzjoni tintalab fuq il-formola.

F’każijiet ta’ kumpens minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, dak l-Istat Membru li jkun issottometta t-talba għall-għoti tal-kumpens lis-CPVC, u bil-kundizzjoni li r-rikorrent ikun abitwalment residenti fil-Portugall, is-CPVC tinforma lir-rikorrent dwar kif għandu jimla t-talba għall-kumpens u dwar id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Wara l-ħlas tal-provvediment jew tal-kumpens, il-vittma tikseb, bi kwalunkwe mezz, rimedju jew kumpens effettiv għat-telf tagħha, is-CPVC titlobha tirrimborża s-somom irċevuti b’mod sħiħ jew parzjali.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Jista’ jingħata ħlas bil-quddiem, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a) Għall-vittmi ta’ reat vjolenti,

  • Ir-reat ikun seħħ fit-territorju Portugiż jew twettaq barra mit-territorju Portugiż kontra ċittadini Portugiżi jew ċittadini ta’ Stati Membri tal-UE, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux intitolati għal kumpens mill-Istat li fih ikun twettaq ir-reat.
  • Ir-reat ikun wassal biex il-vittma tkun temporanjament kompletament inkapaċi għax-xogħol għal mill-anqas 30 jum, jew wassal għall-mewt tal-vittma.
  • Ir-reat ikun ikkaġuna tfixkil serju fil-ħajja tal-vittma u tħarbit konsiderevoli fil-kwalità tal-ħajja tagħha, b’dawn iż-żewġ rekwiżiti jkunu kumulattivi,
  • Ma jkunx ingħata rimedju għat-telf sofrut minn sors ieħor – jew mill-awtur tar-reat jew permezz tal-assigurazzjoni tagħhom stess,
  • L-eċċezzjonijiet stabbiliti bil-liġi ma japplikawx għall-vittma u b’mod partikolari l-imġiba tal-vittma qabel, matul u wara r-reat ma tmurx kontra s-sens tal-ordni pubbliku u l-ġustizzja.

b) Għall-vittmi ta' reat ta’ vjolenza domestika:

  • Jekk sofrejt trattament ħażin fiżiku jew psikoloġiku, inkluż kastig korporali, ċaħda tal-libertà jew reati sesswali, sew jekk b’mod ripetut kif ukoll jekk le,
  • Jekk ir-reat twettaq kontra minorenni, fil-preżenza ta’ minorenni, f’dar komuni jew fid-dar tal-vittma; jew
  • Jekk data personali, inklużi immaġni jew ħsejjes, li taffettwa l-privatezza ta’ xi waħda mill-vittmi ġiet kondiviża fuq l-internet jew mezzi oħra ta’ xandir pubbliku mifrux bil-kunsens tagħha jew mingħajru, u
  • Jekk il-vittma qed issofri minn diffikultajiet finanzjarji serji b’riżultat tar-reat u
  • Ir-reat seħħ fit-territorju Portugiż jew twettaq barra mit-territorju Portugiż kontra ċittadini Portugiżi jew ċittadini ta’ Stati Membri tal-UE, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux intitolati għal kumpens mill-Istat li ir-reat ikun twettaq fih (is-CPCV trid tivverifika dawn iċ-ċirkustanzi).
  • L-eċċezzjonijiet stabbiliti bil-liġi ma japplikawx għall-vittma, b’mod partikolari l-imġiba tal-vittma qabel, matul u wara r-reat ma kinitx tmur kontra s-sens tal-ordni pubbliku jew tal-ġustizzja.

Kemm jekk ir-reat kien reat vjolenti u kemm jekk kien reat ta’ vjolenza domestika, qabel ma s-CPCV tikkonkludi l-valutazzjoni preliminari tagħha tal-għoti ta’ kumpens, inti tista’ tirċievi wkoll, immedjatament, provvediment permezz ta’ kumpens li għandu jiġi determinat f’data aktar tard, f’każijiet ta’ ħtieġa finanzjarja ċara.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar, eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Is-CPVC għandha l-awtonomija biex tiddeċiedi fuq każijiet li jinvolvu elementi ġodda meta mqabbla ma’ każijiet deċiżi qabel jew elementi ġodda li jiddevjaw mil-linji gwida (imfassla qabel mis-CPVC innifisha) dwar l-ammonti ta’ kumpens allokati skont it-tipi ta’ ċirkostanzi.

X’dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

a) Kumpens mill-Istat lill-Vittmi ta’ Reati Vjolenti (formola)

Dokumenti meħtieġa:

  • Il-formola tat-talba mimlija kollha;
  • Indikazzjoni tal-ammont ta’ kumpens mitlub;
  • Dikjarazzjoni tat-taxxa li turi d-dħul tal-vittma (jew ta’ min qed jagħmel it-talba, meta ma jkunx il-vittma diretta tar-reat) għas-sena ta’ qabel ir-reat, is-sena tar-reat u s-sena ta’ wara r-reat;
  • Estratt mill-atti tal-proċedimenti kriminali, b’kopja tas-sentenza u d-data meta saret res judicata;
  • L-awtorità biex taġixxi ad litem meta t-talba ssir minn rappreżentant;
  • Il-ħatra ta’ avukat fil-każ ta’ rappreżentant maħtur b’mod awtomatiku.

a) Kumpens mill-Istat lill-Vittmi ta’ Reati ta’ Vjolenza Domestika (formola)

Dokumenti meħtieġa:

  • Il-formola tat-talba mimlija kollha;
  • Indikazzjoni tal-ammont ta’ kumpens mitlub;
  • L-istatus ta’ vittma jew l-istatus ta’ vittma partikolarment vulnerabbli;
  • Kopja tar-rapport tal-pulizija jew tal-kwerela;
  • Ir-rapport finanzjarju, soċjali u familjari, meta l-vittma tkun qiegħda f’rifuġju.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħra li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le. It-talba hija eżentata mill-ħlas ta' kwalunkwe spiża jew nefqa mill-vittma, u d-dokumenti u ċ-ċertifikati meħtieġa għal din it-talba jistgħu jinkisbu wkoll mingħajr ħlas.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Is-CPVC – Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati hija l-korp tal-Ministeru tal-Ġustizzja responsabbli biex jiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kumpens mill-Istat ippreżentati mill-vittmi ta’ reati vjolenti u l-vittmi ta’ vjolenza domestika fi proċedimenti nazzjonali.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati (ara t-tweġiba ta’ qabel)

Post u kuntatti:

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati

  • Indirizz: Avenida Fontes Pereira de Melo, nº 7 – Piso 7º Dto., 1050-115 Lisbona
  • Tel.: (+351) 21 322 24 90
  • Faks: (+351) 21 322 24 91
  • Posta elettronika: correio.cpvc@sg.mj.pt

Ħinijiet tal-ftuħ

  • Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 9.30am – 12.30pm; 2pm – 4.30pm

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq https://cpvc.mj.pt/

Għandi għalfejn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

M’hemmx għalfejn tkun preżenti waqt il-proċedura tad-deċiżjoni, ħlief meta s-CPVC tqis din il-preżenza bħala neċessarja.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Wara li tirċievi t-talba għal kumpens, is-CPCV ikollha perjodu ta’ xahar biex tanalizza t-talba u tieħu l-passi neċessarji; id-deċiżjoni dwar jekk tingħatax it-talba u l-ammont li għandu jingħata tittieħed immedjatament wara dak il-perjodu ta’ xahar.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, nista’ nikkontestaha?

Iva. Jekk min jagħmel it-talba jħoss li d-deċiżjoni tas-CPCV hija żbaljata, ikollu 15-il jum biex jissottometti lment lill-kummissjoni. Permezz ta’ applikazzjoni, ir-rikorrent għandu jistabbilixxi l-bażi għat-talba tiegħu, flimkien ma’ kwalunkwe evidenza li jqis xierqa.

Is-CPCV imbagħad ikollha perjodu ta’ 30 jum biex tirrieżamina u tiddeċiedi dwar l-ilment, u tista’ tikkonferma, tħassar, tannulla, temenda jew tissostitwixxi l-att ikkontestat.

Jekk min jagħmel it-talba ma jkunx sodisfatt bid-deċiżjoni dwar l-ilment, huwa jista’ jikkontestaha quddiem il-qrati amministrattivi.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?

Fuq is-sit web Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati: https://cpvc.mj.pt/?page_id=31

Hemm żewġ formoli differenti: waħda għall-vittmi ta’ reati vjolenti u waħda għall-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

CPCV – Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati: https://cpvc.mj.pt/.

APAV – L-Assoċjazzjoni Portugiża ta’ Appoġġ lill-Vittmi (Associação Portuguesa de apoio à Vítima): http://www.apav.pt/.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

L-Istat jiżgura li f’każijiet ta’ reati vjolenti jew ta’ vjolenza domestika, il-vittmi jkollhom aċċess għal parir legali u jekk ikun meħtieġ, għal għajnuna legali sussegwenti, mingħajr ħlas.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Reati (CPVC):

  • Personalment – Av. Fontes Pereira de Melo, nº 7, 7.º dto., 1050-115 Lisbona, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-9.30am san-12.30pm, u mis-2pm sal-4.30pm;
  • Bil-posta, billi tuża l-formola disponibbli fuq is-sit web tal-kummissjoni;
  • Permezz tal-posta elettronika: correio.cpcv@sg.mj.pt;
  • Online, billi timla l-formola għall-vittmi ta’ reati vjolenti jew il-formola għall-vittmi ta' vjolenza domestika (https://cpvc.mj.pt/);
  • Bit-telefon: (+351) 213 222 490, il-ħlas tat-telefonati huwa bir-rati ta’ linja fissa, mid-9.30am san-12.30pm, u mis-2pm sal-4.30pm;

APAV:

  • Linja ta’ għajnuna għall-appoġġ lill-vittmi: (+351) 116 006 (mid-9am sad-9pm fil-ġranet tax-xogħol);
  • Online, fuq is-sit web tal-APAV: http://www.apav.pt/ (disponibbli bil-PT, EN, Russu, Ċiniż); jew fuq http://infovitimas.pt/pt/app/
  • Servizz ta’ interpretu tal-vidjow bil-Lingwa tas-Sinjali/SERV IIN – permezz ta’ telefonata vidjow (+351 12 472), mill-10am sas-6pm fil-ġranet tax-xogħol.

Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Comissão para a Cidadania e Igualdade de Género) (GIG):

  • Servizz ta’ Informazzjoni għall-Vittmi ta’ Vjolenza Domestika (Serviço de Informação às Vítimas de Violência Doméstica) (jipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u dwar ir-riżorsi disponibbli fit-territorju nazzjonali kollu u fejn jista’ jinkiseb appoġġ psikoloġiku u soċjali u informazzjoni legali) – Telefon: (+351) 800 202 148 (servizz kunfidenzjali, b’xejn, anonimu, disponibbli 24/7).
L-aħħar aġġornament: 13/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna