Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

L-Irlanda ta’ fuq

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Irlanda ta’ fuq

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

L-Iskema ta’ Kumpens tal-Irlanda ta’ Fuq dwar il-korrimenti kriminali hija mfassla biex tikkumpensa lil vittmi ta’ reat vjolenti li jseħħ fl-Irlanda ta’ Fuq. L-Iskema ta’ Dannu Kriminali hija mfassla biex tikkumpensa d-dannu lill-proprjetà.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

Nistgħu nagħmlu għotja għal korriment mentali jew fiżiku wara delitt ta’ vjolenza u għal attakki sesswali jew fiżiċi.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew persuna dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, nistgħu nikkumpensaw qarib jew persuna dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat vjolenti.

Qarib li jikkwalifika huwa konjuġi jew sieħeb reġistrat tal-mejjet/mejta, ġenitur tal-mejjet/mejta u tifel/tifla tal-mejjet/mejta.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien qarib jew dipendenti superstita tal-vittma? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Iva, qarib ta’ reat jista’ jirċievi għoti għal korriment mentali jekk il-vittma tkun issopravivviet delitt ta’ vjolenza.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, il-kumpens huwa miftuħ għan-nazzjonalitajiet kollha.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk inkun ngħix hawn jew inkun twelidt hawnhekk (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anki jekk l-att kriminali sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Nistgħu nikkunsidraw biss pretensjonijiet ta’ kumpens li jseħħu fl-Irlanda ta’ Fuq.

Għandi nkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija qabel inkun nista’ nitlob kumpens?

L-iskema teħtieġ li l-applikanti kollha jirrappurtaw ir-reat lill-pulizija mingħajr dewmien hekk kif ikun raġonevolment prattikabbli.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le, iżda għandha ssir applikazzjoni fi żmien sentejn mid-data tal-inċident.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk ikun ġie identifikat?

Le.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?

Iva, jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati inti xorta tista' tikkwalifika għall-kumpens. Madankollu, l-applikant irid jirrapporta ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tad-delitt lill-pulizija u jikkoopera mal-inkjesti.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Għandha ssir applikazzjoni fi żmien sentejn mid-data tal-inċident.

X’tip ta’ telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?”

(a) Għall-vittma tar-reat:

Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • l-ispejjeż mediċi tal-korriment (il-kura medika - trattament ambulanti u fi sptar, irkupru)
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn korriment (jiġifieri l-kura u l-assistenza, trattament temporanju jew permanenti, edukazzjoni fiżjoterapewtika fit-tul, adattament tad-djar, għajnuniet speċjali eċċ.)
  • korrimenti permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
  • telf ta’ qligħ waqt kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)
  • telf ta’ opportunità
  • nefqiet relatati ma’ proċeduri legali relatati mal-inċident li kkawża d-dannu, bħal ħlasijiet legali, spejjeż tal-qorti)
  • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara
  • Kundizzjoni oħra

Is-Servizzi ta’ Kumpens se jikkunsidraw il-possibbiltà ta’ telf jew dannu fuq proprjetà jew spejjeż ta’ tagħmir assoċjati ma’ trattament għad-dannu, spejjeż tal-kura, tagħmir speċjali, adattamenti fl-akkomodazzjoni tal-applikant, tariffi assoċjati mal-Qorti tat-Tutela, spejjeż assoċjati mal-amministrazzjoni tal-affarijiet tal-applikant minħabba nuqqas ta’ kapaċità mentali. Telf ta’ qligħ jew dħul minn kapital

- Dannu psikoloġiku (morali):

Korriment mentali.

  • uġigħ u tbatija tal-vittma

(b) Għall-persuni intitolati jew qraba tal-vittma:

- Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż tal-funeral
  • spejjeż mediċi tal-korriment (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fi sptar, riabilitazzjoni)
  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità

Is-Servizzi ta’ Kumpens iħallsu spejjeż raġonevoli għall-funeral. Qarib li jikkwalifika jista’ jkun eliġibbli għal liv għal mewt fil-familja.

- Dannu psikoloġiku:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet

Qarib li jikkwalifika jista’ jkun eliġibbli għal liv għal marda mentali fil-familja.

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew f’pagamenti fix-xahar?

Il-kumpens normalment jitħallas bħala pagament uniku.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u / jew l-ammont li nirċievi?

Talba tista’ titnaqqas jew ma ssir l-ebda għotja jekk l-imġiba tal-applikant ikkontribwiet biex iseħħ l-inċident, l-applikanti jkollhom fedina kriminali li fiha kundanni ta’ natura kriminali li ma jkunux ġew servuti u huma jonqsu milli jikkooperaw mal-pulizija jew mas-Servizzi ta’ Kumpens.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Dan mhu se jkollu ebda effett.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Il-kumpens jista’ jiġi affettwat jekk l-aggressur ikun jista’ jibbenefika minn għotja.

Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?

Il-kumpens huwa kkalkolat skont it-tariffa ta’ korrimenti li hija parti mill-Iskema.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

L-għotja minima għad-danni hija ta’ GBP 1000 u l-għotja massima għad-danni hija ta’ GBP 250 000. Ma hemm l-ebda limitu fuq l-ammont totali tal-kumpens li jista’ jingħata.

Fil-formolarju tal-pretensjoni jien(a) mistenni(ja) nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Le, l-applikant mhux mistenni jikkwota dan l-ammont, huwa mistenni li jgħidilna dwar il-korrimenti tiegħu.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew imħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

L-assigurazzjoni privata ma taffettwax l-ammont ta’ kumpens imħallas. Madankollu, il-kumpens tal-qorti u l-kumpens ċivili jitnaqqsu minn kwalunkwe għotja.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Għotja interim tista’ titħallas sakemm ma jkunx hemm ebda ħruġ ta' obbligazzjoni.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara eż. tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Iva, każ jista’ jerġa’ jinfetaħ fejn kien hemm bidla materjali fil-kundizzjoni medika tal-vittma b’mod li sseħħ inġustizzja jekk il-valutazzjoni oriġinali titħalla tipprevali.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mal-pretensjoni tiegħi?

Formola tal-applikazzjoni mimlija, Is-Servizzi ta’ Kumpens jitolbu lill-applikant jekk kwalunkwe informazzjoni oħra hijiex meħtieġa pereżempju dettalji dwar l-impjieg u dwar l-introjtu.

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tal-pretensjoni u meta din tiġi pproċessata?

Ma hemm ebda spejjeż jew tariffi.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar pretensjonijiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-iskema ta’ Kumpens għal Korrimenti Kriminali tal-Irlanda ta’ Fuq.

Fejn għandi nibgħat il-pretensjoni (f’każijiet nazzjonali)?

Compensation Services, 6th Floor, Millennium House, 25 Great Victoria Street, Belfast, BT2 7AQ.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża l-pretensjoni tiegħi?

Le.

Kemm jgħaddi żmien (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar pretensjoni għal kumpens mill-awtorità?

Iż-żmien medju meħud għall-ewwel deċiżjoni huwa ta’ 11-il xahar u għal deċiżjoni ta’ reviżjoni huwa ta’ sitt xhur.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Applikant għandu d-dritt ta’ rieżami u appell.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta l-pretensjoni?

Mis-sit web tagħna http://www.nidirect.gov.uk/index/do-it-online/crime-justice-and-the-law-online/make-a-claim-in-cases-of-criminal-damage.htm

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

L-indirizz tas-sit web tagħna huwa http://www.nidirect.gov.uk/index/do-it-online/crime-justice-and-the-law-online/make-a-claim-in-cases-of-criminal-damage.htm

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji l-pretensjoni?

L-għajnuna legali mhix disponibbli taħt l-Iskema ta’ Korrimenti Kriminali. Tista’ taħtar avukat biex jassisti f’talba għal danni kriminali.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

L-Appoġġ għall-Vittmi fl-Irlanda ta’ Fuq (Victim Support NI) jista’ jassisti lill-applikant bil-proċess ta’ kumpens.

L-aħħar aġġornament: 15/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna