Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Olanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda

Għal liema tipi ta’ reat nista’ ningħata kumpens għat-telf tiegħi mill-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti (Schadefonds Geweldsmisdrijven)?

Ir-reati vjolenti volontarjii kollha, jiġifieri, attakki, theddid ta’ vjolenza u/jew theddid li jsir b’arma, qtil, qtil ta’ persuna mingħajr intenzjoni, serq vjolenti u reati sesswali vjolenti (attakk u stupru indiċenti). Il-kumpens jista’ jingħata wkoll lil qraba superstiti ta’ vittma ta’ qtil involontarju.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens mill-Fond?

Il-pagament huwa kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija tiegħek (dannu morali) u għal kwalunkwe telf finanzjarju li jirriżulta minn dan, bħal spejjeż mediċi li ġġarrab għall-kura tal-korriment ikkaġunat mir-reat jew għal kwalunkwe telf ta’ qligħ minħabba inkapaċità riżultanti għax-xogħol. Il-pagament ma huwiex maħsub biex ikopri t-telf kollu, iżda huwa ammont fiss, ta’ darba, mhux differenzjat li jitħallas bħala kontribuzzjoni lejn il-kost tad-dannu li batejt.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, tista’ tingħata kumpens jekk int il-konjuġi, is-sieħeb, is-sieħeb (irreġistrat) jew ġenitur, wild, ħu jew oħt il-vittma li mietet. Int tista’ tkun eliġibbli għal kumpens għad-diffikultà li esperjenzajt bħala qarib superstitu, għall-ispejjeż tal-funeral li ġarrabt u għat-telf tal-manteniment minħabba l-introjtu tal-persuna deċeduta.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, il-Fond jista’ jagħti kumpens lill-qraba tal-vittmi li jkunu batew korrimenti serji u permanenti li jirriżultaw minn reat vjolenti. Il-konjuġi, is-sieħeb (irreġistrat), il-ġenitur, il-wild, ħu jew oħt persuna deċeduta huma kollha meqjusa bħala qraba.

Nista’ ningħata kumpens jekk kont xhud għal reat?

Iva, il-Fond jista’ jagħti kumpens jekk persuna batiet dannu psikoloġiku minħabba li kienet xhud għal reat vjolenti volontarju jew kienet ikkonfrontata direttament bil-konsegwenzi ta’ reat vjolenti volontarju (dan ma japplikax għal qtil involontarju). Sabiex wieħed ikun eliġibbli għal kumpens, jeħtieġ li jintwera li ġġarrab dannu psikoloġiku serju minħabba r-reat. Dan jeħtieġ dijanjożi minn prattikant kwalifikat.

Nista’ ningħata kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, diment li r-reat li int vittma tiegħu sar fit-territorju Netherlandiż. In-nazzjonalità tal-vittma ma hijiex rilevanti.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anke jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, il-Fond jista’ jagħti kumpens biss bħala riżultat ta’ reat vjolenti li sar fit-territorju Netherlandiż.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija l-ewwel, biex inkun nista’ nitlob kumpens?

Le, m’hemmx bżonn li tkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija biex t-talba tiegħek tiġi pproċessata mill-Fond. Madankollu, fil-prattika, ir-rappurtar tar-reat u l-investigazzjoni kriminali sussegwenti għandhom rwol importanti biex tiġi ssostanzjata talba. Jekk ir-reat ma ġiex irrappurtat, għandu jkun possibbli li tiġi stabbilita l-plawżibbiltà tat-talba abbażi ta’ stqarrijiet oġġettivi oħrajn. “Oġġettivi” hawnhekk tirreferi għal informazzjoni miksuba minn sorsi affidabbli, mhux preġudikati.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċediment kriminali qabel ma nkun nista’ nressaq it-talba?

Le. Madankollu, f’ċerti każijiet, il-Fond jista’ jikkunsidra li jkun meħtieġ li wieħed jistenna r-riżultat ta’ investigazzjoni tal-pulizija jew proċediment kriminali biex tiġi stabbilità l-plawżibbiltà tat-talba tiegħek.

L-ewwel irrid nitlob kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk ikun ġie identifikat?

Le.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema provi rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva. Fir-rigward tas-sostanzjalità tal-plawżibbiltà, talbiet bħal dawn huma soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ dawk f’każijiet meta l-awtur tar-reat ikun magħruf.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Iva. Għandek tippreżenta t-talba tiegħek lill-Fond fi żmien 10 snin mid-data meta sar ir-reat. Fil-każ ta’ qarib superstiti, dan il-perjodu jibda mid-data tal-mewt tal-vittma.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?

Il-pagament mill-Fond ma huwiex marbut ma’ telf speċifiku. Dan huwa ammont fiss, ta’ darba, mhux differenzjat maħsub biex jikkumpensak għall-uġigħ u għat-tbatija tiegħek (dannu morali) u kwalunkwe spiża medika li ġġarrab għall-kura tal-korriment sostnut waqt ir-reat u għal kwalunkwe telf ta’ qligħ minħabba inkapaċità riżultanti għax-xogħol.

Fil-każ ta’ qraba superstiti, il-pagament huwa maħsub ukoll bħala kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija (id-diffikultà li tirriżulta mill-mewt ta’ qarib), għall-ispejjeż mediċi mġarrba, eż. għall-kura ta’ problemi psikoloġiċi kkawżati mill-mewt ta’ qarib, u/jew għal telf ta’ qligħ minħabba l-inkapaċità riżultanti għax-xogħol. Jista’ jsir ukoll pagament separat bħala kumpens għall-ispejjeż tal-funeral u għat-telf ta’ manteniment minħabba t-telf tal-introjtu tal-persuna deċeduta.

Il-kumpens jitħallas b’pagament uniku jew b’pagamenti fix-xahar?

B’pagament uniku.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċess tat-talba għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Biex tkun eliġibbli għal pagament mill-Fond, huwa importanti li int stess ma tkunx ħati tar-reat. Fi kliem ieħor, ma tridx tkun l-awtur jew tkun kellek xi sehem fir-reat int stess. Jekk kont involut/a fir-reat, il-Fond jista’ jirrifjuta t-talba tiegħek jew inaqqas l-ammont ta’ kumpens imħallas.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax l-eliġibbiltà tiegħek għal kumpens għad-dannu li batejt.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

  • Trid tkun batejt dannu serju bħala riżultat tar-reat. Dannu serju jitqies bħala korriment fiżiku u/jew dannu psikoloġiku li għandu konsegwenzi mediċi fit-tul jew permanenti severi.
  • Il-Fond jagħti kumpens biss jekk id-dannu li batejt ma ġiex jew ma huwiex se jiġi kkumpensat b’xi mod ieħor, eż. kumpens li jitħallas mill-awtur tar-reat jew minn kumpanija tal-assigurazzjoni. Madankollu, ma għandekx għalfejn l-ewwel tipprova tirkupra d-dannu mill-awtur tar-reat jew mill-kumpanija tal-assigurazzjoni qabel ma tapplika mal-Fond. Il-proċeduri differenti jistgħu jsiru fl-istess ħin.
  • Mhuwiex possibbli wkoll li tippreżenta talba relatata ma’ reati li saru qabel l-1 ta’ Jannar 1973.

Kif se jiġi ddeterminat il-kumpens?

Il-livell ta’ pagament jiġi bbażat fuq is-severità tad-dannu li batejt jew iċ-ċirkostanzi tar-reat.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Il-Fond iddefinixxa sitt kategoriji ta’ dannu, kull waħda b’ammont ta’ kumpens fiss. Il-kategorija 1 tintitola lill-vittmi għal pagament ta’ €1 000.00 u l-kategorija 6 għal pagament ta’ €35 000.00.

Fil-formola tal-applikazzjoni jiena mistenni/ja nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Le.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva, jekk dan il-kumpens huwa relatat ma’ dannu morali, spejjeż mediċi u telf ta’ qligħ.

Nista’ nieħu kumpens bil-quddiem? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Iva, il-Fond jista’ jħallsek il-kumpens bil-quddiem fil-forma ta’ pagament proviżorju. Dan bil-kondizzjoni li t-talba tissodisfa r-rekwiżiti legali (jiġifieri, ġie stabbilit b’ċertezza li int intitolat għal pagament) u li l-Fond ma jistax jagħmel deċiżjoni definittiva f’perjodu qasir. Talba għal ħlas bil-quddiem tiġi pproċessata biss jekk tapplika bil-miktub u tispjega għala huwa meħtieġ u urġenti pagament bil-quddiem, eż. jekk ma għandekx biżżejjed fondi biex tirċievi kura għall-korriment li batejt. Is-sempliċi fatt li tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ma jikkostitwix raġunijiet biżżejjed biex tingħata ħlas bil-quddiem.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara eż. tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Tista’ tippreżenta talba addizzjonali jekk, wara li tittieħed deċiżjoni li jingħatalek kumpens, il-korriment tiegħek juri li huwa aktar serju minn dak li d-deċiżjoni kienet ibbażata fuqu fl-ewwel talba tiegħek. Qarib superstitu jista’ wkoll jippreżenta talba addizzjonali biss għall-ispejjeż tal-funeral u għat-telf tal-manteniment.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • Formola tal-applikazzjoni mimlija
  • Kopja ta’ dokument tal-identità
  • Jekk disponibbli: rapport tal-pulizija, sentenza
  • Kwalunkwe informazzjoni medika relatata mal-korriment
  • Jekk applikabbli: dokumenti oħra mitluba fil-formola.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm jittieħed żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Massimu ta’ 26 ġimgħa, iżda normalment qabel.

Jekk ma nkunx issodisfat bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Tista’ tippreżenta oġġezzjoni bil-miktub lill-Fond fi żmien 6 ġimgħat. Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni tiegħek, tista’ tressaq appell quddiem il-qorti amministrattiva Netherlandiża.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nagħmel talba?

Il-formoli kollha u informazzjoni oħra jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Fond.

Hemm linja għall-għajnuna jew sit elettroniku speċjali li nista’ nuża?

Tista’ żżur is-sit web tal-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti.

In-numru tat-telefown tal-Fond huwa: 070-4142000

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

L-għajnuna legali ma hijiex disponibbli għall-vittmi fil-forma ta’ assistenza minn avukat meta tippreżenta applikazzjoni lill-Fond. Madankollu, l-appoġġ huwa disponibbli mingħajr ħlas minn Victim Support Netherlands (Slachtofferhulp Nederland) jekk tkun teħtieġ għajnuna biex tissottometti applikazzjoni.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Victim Support Netherlands tista’ tipprovdi appoġġ mingħajr ħlas jekk tkun teħtieġ għajnuna biex tissottometti l-applikazzjoni tiegħek għal kumpens.

L-aħħar aġġornament: 26/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.