Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Olanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Ir-reati vjolenti intenzjonati kollha, jiġifieri, attakki, theddid ta’ vjolenza u/jew theddid li jsir b’arma, qtil, qtil ta' persuna mingħajr intenzjoni, serq vjolenti u reati sesswali vjolenti (attakk u stupru indiċenti). Il-kumpens jista’ jingħata wkoll lil qraba superstiti ta’ vittma ta’ qtil ta' persuna mingħajr intenzjoni involontarju.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

Il-pagament huwa maħsub biex jikkumpensak għall-uġigħ u għat-tbatija tiegħek u għal kwalunkwe spiża medika li ġġarrab għall-kura tal-korriment sostnut waqt ir-reat jew għal kwalunkwe telf ta’ qligħ minħabba inkapaċità li tirriżulta għax-xogħol. Dan mhuwiex maħsub biex jikkumpensak bis-sħiħ, iżda huwa ammont fiss, ta’ darba, li jitħallas bħala kontribuzzjoni lejn l-ispiża tal-ħsara li sofrejt.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, tista’ tingħata kumpens jekk int il-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba reġistrat/a jew ġenitur, wild, ħu jew oħt il-vittma li mietet. Int tista’ tkun eleġibbli għal kumpens għad-diffikultà li esperjenzajt bħala qarib superstit, għall-ispejjeż tal-funeral li ġarrabt u għat-telf tal-manteniment minħabba l-introjtu tal-persuna deċeduta.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Iva, il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti (Schadefonds Geweldsmisdrijven) jista’ jagħti kumpens jekk persuna sofriet ħsara psikoloġika minħabba li xehdet reat vjolenti jew kienet ikkonfrontata direttament mal-konsegwenzi ta’ reat vjolenti li sar kontra qarib.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, diment li r-reat li int vittma tiegħu sar fit-territorju Olandiż.

Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Le, il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti jista’ jagħti kumpens biss bħala riżultat ta’ reat vjolenti li sar fuq territorju Olandiż.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija l-ewwel, biex inkun nista’ nitlob kumpens?

Le, m’hemmx bżonn li tkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija biex t-talba tiegħek tiġi pproċessata mill-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti. Madankollu, fil-prattika, ir-rappurtar tar-reat u l-investigazzjoni kriminali sussegwenti għandhom rwol importanti biex tiġi ssostanzjata talba. Jekk ir-reat ma ġiex irrappurtat, għandu jkun possibbli li tiġi stabbilità l-plawsibilità tat-talba abbażi ta’ dikjarazzjonijiet oġġettivi oħra. “Oġġettivi” hawnhekk tirreferi għal informazzjoni miksuba minn sorsi affidabbli, mhux preġudikati.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċediment kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le. Madankollu, f’ċerti każijiet, il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti jista’ jikkunsidra li jkun meħtieġ li wieħed jistenna r-riżultat ta’ investigazzjoni tal-pulizija jew proċediment kriminali biex tiġi stabbilità l-plawsibilità tat-talba tiegħek.

L-ewwel irrid infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk ikun ġie identifikat?

Le.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva. Fir-rigward tas-sostanzjalità tal-plawsibilità, talbiet bħal dawn huma soġġetti għall-istess kondizzjonijiet ta’ dawk f’każijiet meta l-awtur tar-reat ikun magħruf.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Iva. Għandek tippreżenta t-talba tiegħek lill-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti fi żmien 10 snin mid-data li fiha sar ir-reat. Fil-każ ta’ qarib superstiti, dan il-perjodu jibda mid-data tal-mewt tal-vittma.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ser ikopri:

(a) Għall-vittma tar-reat:

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi tal-korriment (kura medika – kura ambulanti u fl-isptar, irkupru)
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn korriment (jiġifieri, kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)
  • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul u wara l-kura medika (inkluż telf ta’ qligħ u telf tal-ħila li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas eċċ.)
    • telf ta’ opportunità
    • spejjeż relatati mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara, bħal tariffi legali, spejjeż tal-qorti
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara
    • oħrajn

Il-pagament mill-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti mhuwiex marbut ma’ telf speċifiku. Dan huwa ammont fiss, ta’ darba maħsub biex jikkumpensak għall-uġigħ u għat-tbatija tiegħek u għal kwalunkwe spiża medika li ġġarrab għall-kura tal-korriment sostnut waqt ir-reat u għal kwalunkwe telf ta’ qligħ minħabba inkapaċità li tirriżulta għax-xogħol.

- Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma

Iva.

(b) Għal persuni jew qraba intitolati ta’ vittma:

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral
  • spejjeż mediċi tal-korriment (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fl-isptar, irkupru)
  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità

Fil-każ ta’ qraba superstiti, il-pagament huwa maħsub ukoll bħala kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija (id-diffikultà li tirriżulta mill-mewt ta’ qarib), għall-ispejjeż mediċi mġarrba, eż. għall-kura ta’ problemi psikoloġiċi kkawżati mill-mewt ta’ qarib, u/jew għal telf ta’ qligħ minħabba l-inkapaċità li tirriżulta għax-xogħol. Jista’ jsir ukoll pagament separat bħala kumpens għall-ispejjeż tal-funeral u għat-telf ta’ manteniment minħabba t-telf tal-introjtu tal-persuna deċeduta.

- Ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma mietet

Iva.

Il-kumpens jitħallas b’pagament uniku jew b’pagamenti fix-xahar?

B’pagament uniku.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Biex tkun eleġibbli għal pagament mill-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti, huwa importanti li int stess m’għandekx tkun ħati tar-reat. Fi kliem ieħor, ma tridx tkun l-awtur jew tkun kellek x'taqsam fir-reat int stess. Jekk kont involut/a fir-reat, il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti jista’ jirrifjuta t-talba tiegħek jew inaqqas l-ammont ta’ kumpens imħallas.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax l-eleġibbiltà tiegħek għal kumpens għall-ħsara li sofrejt.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

  • Għandek tkun sofrejt ħsara serja bħala riżultat tar-reat. Ħsara serja titqies bħala korriment fiżiku u/jew ħsara psikoloġika li għandha konsegwenzi mediċi fit-tul jew permanenti severi.
  • Il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti ser jagħti kumpens biss jekk il-ħsara li sofrejt ma ġietx jew mhijiex ser tiġi kkumpensata b’xi mod ieħor, eż. mill-awtur tar-reat jew minn kumpanija tal-assigurazzjoni.
  • Mhuwiex possibbli wkoll li tippreżenta talba relatata ma’ reati li saru qabel l-1973.

Kif ser jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-livell ta’ pagament normalment jiġi bbażat fuq is-severità tal-ħsara li sofrejt jew iċ-ċirkostanzi tar-reat.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti ddefinixxa sitt kategoriji ta’ ħsara, kull waħda b’ammont ta’ kumpens fiss. Kategorija 1 tikkonsisti minn intitolament għal pagament ta’

€1 000.00 and kategorija 6 għal pagament ta’ €35 000.00.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni/ja nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Le.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva, jekk dan il-kumpens huwa relatat ma’ uġigħ u tbatija, spejjeż mediċi u telf ta’ qligħ.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva, il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti jista’ jħallsek il-kumpens bil-quddiem fil-forma ta’ pagament proviżorju. Dan bil-kondizzjoni li t-talba tissodisfa r-rekwiżiti legali (jiġifieri, ġie stabbilit b’ċertezza li int intitolat għal pagament) u li l-Fond ma jistax jagħmel deċiżjoni definittiva f’perjodu qasir. Talba għal ħlas bil-quddiem ser tiġi pproċessata biss jekk tapplika bil-miktub u tispjega għala huwa meħtieġ u urġenti pagament bil-quddiem, eż. jekk m’għandekx biżżejjed fondi biex tirċievi kura għall-korriment li sofrejt. Is-sempliċi fatt li tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ma jikkostitwix raġunijiet biżżejjed biex tingħata ħlas bil-quddiem.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara eż. tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Tista’ tippreżenta talba addizzjonali jekk, wara li tittieħed deċiżjoni li jingħatalek kumpens, il-korriment tiegħek juri li huwa aktar serju minn dak li d-deċiżjoni kienet ibbażata fuqu fl-ewwel talba tiegħek. Qarib superstit jista’ jippreżenta talba addizzjonali biss għall-ispejjeż tal-funeral u għat-telf tal-manteniment.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • Formola tal-applikazzjoni mimlija
  • Kopja ta’ dokument tal-identità
  • Jekk disponibbli: rapport tal-pulizija, sentenza
  • Kwalunkwe informazzjoni medika relatata mal-korriment
  • Jekk applikabbli: dokumenti oħra mitluba fil-formola.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti (Schadefonds Geweldsmisdrijven)
Postbus 71
NL-2501 CB L-Aja

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti (Schadefonds Geweldsmisdrijven)
Postbus 71
NL-2501 CB L-Aja

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm jittieħed żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Mhux aktar minn 26 ġimgħa.

Jekk ma nkunx issodisfat bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Tista’ tressaq oġġezzjoni bil-miktub mal-Kumitat għall-Fond għal Kumpens għal Reati Vjolenti (Commissie Schadefonds Geweldsmisdrijven) fi żmien 6 ġimgħat. Fl-oġġezzjoni tiegħek għandek tindika liema punti ma taqbilx magħhom fid-deċiżjoni u għaliex. Tista’ tibgħat l-oġġezzjoni tiegħek lil:

Schadefonds Geweldsmisdrijven
Afdeling Bezwaar

Postbus 71
NL-2501 CB L-Aja

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nagħmel talba?

https://www.schadefonds.nl/english-information/

Hemm linja għall-għajnuna jew sit elettroniku speċjali li nista’ nuża?

https://www.schadefonds.nl/english-information/

Telefon: 070-4142000

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Mhi disponibbli l-ebda għajnuna legali sussidjata. Madankollu, tista’ tieħu parir u appoġġ minn Appoġġ għall-Vittmi in-Netherlands (Slachtofferhulp Nederland) billi żżur https://www.slachtofferhulp.nl/english/. Telefon: 0900-0101.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Victim Support Netherlands (Appoġġ għall-Vittmi Netherlands): https://www.slachtofferhulp.nl/english/. Telefon: 0900-0101.

L-aħħar aġġornament: 18/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.