Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Latvja

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Għal liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens?

Il-vittma hi intitolata għal kumpens mill-Istat, jekk reat imwettaq b’mod intenzjonali jkun irriżulta fil-mewt ta’ persuna, il-vittma tkun ġarrbet korriment personali serju jew moderat, il-vittma tkun ġiet soġġetta għal attakk indiċenti jew sesswali, il-vittma tkun vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, jew il-vittma tiġi infettata bil-vajrus tal-immunodefiċjenza umana, bl-epatite B jew Ċ.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ nikseb kumpens?

Int tista’ tirċievi kumpens mill-Istat għal dannu morali, għal tbatija fiżika u għal telf ta’ proprjetà li jirriżultaw minn reat imwettaq b’mod intenzjonali.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Jekk persuna tmut minħabba reat, il-vittma fil-proċedimenti kriminali tista’ tkun qarib tal-persuna deċeduta (għarus(a), konjuġi, ġenituri, nanniet, ulied, neputijiet, aħwa, kif ukoll il-persuni li magħhom kienet qed tgħix il-persuna fiżika kkonċernata u li magħhom kienet taqsam dar (mhux kondiviża)).

Jekk persuna tmut minħabba reat jew il-vittma tmut u ma tkunx talbet kumpens mill-Istat jew tkun talbet u ma rċivietx kumpens mill-Istat, int intitolat(a) tirċievi kumpens mill-Istat. Madankollu, trid titlob lill-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti) biex jirrikonoxxik bħala vittma fil-proċedimenti kriminali korrispondenti.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma sopravissuta? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Int ma tkunx intitolat(a) għal kumpens mill-Istat bħala qarib jew dipendenti ta’ vittma jekk il-vittma tibqa’ ħajja wara r-reat. F’dan il-każ, il-vittma stess tkun intitolata għal kumpens mill-Istat.

Nista’ ningħata kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Int tkun tista’ tirċievi kumpens mill-Istat jekk m’intix ċittadin(a) ta’ pajjiż tal-UE.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan hu l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk ir-reat twettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE, int intitolat(a) titlob kumpens mingħand l-Istat Membru tal-UE fejn twettaq ir-reat b’mod dirett jew inkella permezz tal-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali (Juridiskās palīdzības administrācija).

Għandi bżonn nirrapporta r-reat lill-pulizija l-ewwel, biex ikun nista’ nitlob kumpens?

Int trid tirrapporta r-reat lill-pulizija.

Biex titlob kumpens mill-Istat, iridu jitniedu proċedimenti kriminali li fihom int tkun ġejt rikonoxxut(a) bħala vittma permezz tad-deċiżjoni tal-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti).

Irrid nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċeduri kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba għal kumpens?

Biex titlob kumpens mill-Istat, m’għandekx bżonn tistenna sad-deċiżjoni finali mill-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti).

Biex l-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tiddeċiedi dwar il-ħlas ta’ kumpens mill-Istat jew ir-rifjut, il-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti) trid tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

  1. il-ħin u l-post tat-twettiq tar-reat;
  2. il-karatterizzazzjoni tar-reat, il-forma ta’ ħtija tat-trasgressur stabbilita fil-mument tal-preżentazzjoni tar-referenza, id-data tat-tnedija tal-proċedimenti kriminali u n-numru ta’ referenza tal-każ kriminali;
  3. informazzjoni dwar il-persuna rikonoxxuta bħala vittma fil-proċedimenti kriminali;
  4. informazzjoni dwar il-persuna li hi rikonoxxuta bħala rappreżentant tal-vittma fil-proċedimenti kriminali, jekk il-vittma teżerċita d-drittijiet tagħha permezz ta’ rappreżentant;
  5. in-natura tal-ħsara kkawżata bħala riżultat tar-reat (mewt ta’ persuna, severità tal-korriment, attakk indiċenti jew sesswali, preżenza ta’ sinjali ta’ traffikar tal-bnedmin jew vajrus tal-immunodefiċjenza umana, epatite B jew Ċ stabbiliti);
  6. id-data tas-sejbiet tal-esperti, in-numru tad-dokument u l-persuna li wettqet l-investigazzjoni mill-esperti;
  7. in-numru ta’ persuni li ġew rikonoxxuti bħala vittmi fl-istess proċedimenti kriminali rigward il-mewt ta’ persuna, u informazzjoni dwar it-tali persuni.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mit-trasgressur - jekk dan ikun ġie identifikat?

Għall-ewwel int ma tkunx obbligat(a) titlob kumpens mingħand it-trasgressur. Il-kumpens mill-Istat ma jippreġudikax id-dritt tal-vittma biex titlob kumpens fil-proċedimenti kriminali billi tippreżenta talba rigward kumpens għad-dannu fi kwalunkwe stadju tal-proċedura kriminali sat-tnedija tal-eżaminazzjoni tal-każ quddiem il-qorti tal-prim’istanza u fil-proċedimenti ċivili billi tippreżenta talba quddiem il-qorti jekk int temmen li ma ġejtx ikkumpensat(a) bis-sħiħ.

Jekk it-trasgressur ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Int intitolat(a) għal kumpens mill-Istat ukoll jekk it-trasgressur jew il-kompliċi tagħhom ma jkunux identifikati jew jekk ma jinżammux kriminalment responsabbli.

Int għandek tippreżenta t-talba għal kumpens mill-Istat billi żżid ir-referenza mill-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija) mal-informazzjoni neċessarja.

Hemm terminu preskrittiv li matulu rrid nitlob kumpens?

It-talba għal kumpens mill-Istat trid tiġi ppreżentata lill-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali fi żmien sena mill-jum li fih tiġi rikonoxxut(a) bħala vittma, jew li fih tkun sirt konxju tal-fatti li jintitolawk tagħmel dan.

X’tip ta’ telf u ta’ spejjeż hu kopert mill-kumpens?

Il-kumpens mill-Istat ikopri d-dannu morali, it-tbatija fiżika jew it-telf ta’ proprjetà li jirriżultaw minn reat mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn it-tip ta’ dannu li għalih jitħallas kumpens mill-Istat. L-ammont tal-kumpens mill-Istat hu determinat fil-Liġi “Dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi” (Likums par valsts kompensāciju cietušajiem), fuq il-bażi tal-konsegwenzi li jirriżultaw mir-reat.

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti ta’ kull xahar?

Il-kumpens mill-Istat jitħallas bħala pagament uniku li jiġi trasferit fil-kont tal-istituzzjoni tal-ħlas speċifikata fit-talba.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

Il-karatterizzazzjoni tar-reat tista’ taffettwa l-ammont tal-kumpens mill-Istat, pereżempju, jekk ir-reat jitwettaq fi stat ta’ aġitazzjoni mentali intensa, bi ksur tal-limiti neċessarji ta’ awtodifiża jew tal-kundizzjonijiet għad-detenzjoni ta’ persuna. F’każijiet bħal dawn, l-ammont tal-kumpens mill-Istat f’konformità mal-konsegwenzi tar-reat jitnaqqas b’50%.

Jekk l-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali ma tirċivix l-informazzjoni mitluba fi żmien 15-il jum, din tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta milli tħallas il-kumpens mill-Istat. Id-deċiżjoni dwar ir-rifjut ta’ ħlas tal-kumpens mill-Istat f’dan il-każ ma jipprevjenikx milli tapplika diversi drabi mal-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali biex titlob kumpens skont il-proċeduri għat-talba ta’ dan.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax il-possibbiltà tiegħek li tirċievi kumpens mill-Istat u/jew l-ammont tal-kumpens.

Jekk int irċivejt kumpens għad-danni kkawżati mir-reat mingħand it-trasgressur jew persuna oħra għan-nom tagħha, l-ammont tal-kumpens mill-Istat jitnaqqas bl-ammont tal-kumpens diġà riċevut.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Il-Liġi dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi tistabbilixxi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħek li tirċievi kumpens u/jew l-ammont. Pereżempju:

  • jekk, minħabba reat, jirriżultaw diversi konsegwenzi b’mod sussegwenti, il-kumpens mill-Istat għandu jitħallas skont l-aktar konsegwenza severa tar-reat;
  • jekk, minħabba reat, mietu diversi persuni u diversi persuni ġew rikonoxxuti bħala vittmi fil-proċedimenti kriminali, il-kumpens mill-Istat għal dawk il-vittmi għandu jitħallas b’mod proporzjonat għan-numru ta’ vittmi;
  • jekk, wara l-ħlas tal-kumpens, persuna oħra tiġi rikonoxxuta bħala vittma mill-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti) fl-istess proċedimenti kriminali rigward il-mewt ta’ persuna li tirriżulta minn reat, il-kumpens mill-Istat għandu jitħallas fl-istess ammont li kien tħallas lill-vittma jew lill-vittmi.

Il-kumpens kif jiġi kkalkolat?

L-ammont massimu ta’ kumpens mill-Istat li jrid jitħallas lil vittma individwali ta’ reat għandu jammonta għal ħames darbiet il-paga minima fix-xahar kif stipulata fir-Repubblika tal-Latvja. L-ammont ta’ kumpens mill-Istat li jrid jitħallas għandu jiġi kkalkolat b’kunsiderazzjoni tal-ammont tal-paga minima fix-xahar determinata fiż-żmien li fih il-persuna tiġi rikonoxxuta bħala vittma.

Il-kumpens jitħallas:

  1. jekk il-persuna mietet - fl-ammont ta’ 100%;
  2. jekk ġew ikkawżati diversi offiżi fuq il-persuna tal-vittma jew ir-reat ġie klassifikat bħala stupru jew vjolenza sesswali, attakk indiċenti jew sesswali, jew il-vittma hi vittma ta’ traffikar tal-bnedmin - fl-ammont ta’ 70%;
  3. jekk ġew ikkawżati offiżi moderati fuq il-persuna tal-vittma jew il-vittma ġiet soġġetta għal attakk indiċenti jew sesswali, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-Klawżola 2, jew il-vittma tiġi infettata bil-vajrus tal-immunodefiċjenza umana, bl-Epatite B jew Ċ - fl-ammont ta’ 50%.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

L-ammont massimu ta’ kumpens mill-Istat hu ħames darbiet il-paga minima fix-xahar stabbilita fir-Repubblika tal-Latvja, iżda l-ammont minimu tal-kumpens mill-Istat hu 50% tal-ammont massimu tal-kumpens mill-Istat. Meta tinbidel il-paga minima fix-xahar, l-ammont tal-kumpens mill-Istat jinbidel ukoll.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni(ja) nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkolah jew dwar aspetti oħra?

M’għandekx bżonn tispeċifika l-ammont fil-formola tat-talba għall-kumpens mill-Istat, peress li l-Liġi dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens mill-Istat.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Il-kumpens li tirċievi minn sorsi oħra (pereżempju mill-iskema tal-assigurazzjoni tal-impjegatur jew privata) ma jitnaqqasx mill-ammont tal-kumpens mill-Istat.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Int ma tistax tirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens mill-Istat.

Nista’ nikseb kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Jekk int tirċievi kumpens mill-Istat u d-deċiżjoni finali ssib li int ġarrabt konsegwenzi aktar serji minħabba r-reat kriminali, int tista’ tirċievi d-differenza bejn l-ammont tal-kumpens mill-Istat imħallas u l-ammont pagabbli.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Jekk għadha ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni finali fil-proċedimenti kriminali fil-mument tat-talba tal-kumpens mill-Istat, int għandek iżżid mat-talba għal kumpens mill-Istat referenza mingħand il-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti), li tispeċifika dan li ġej:

  1. il-ħin u l-post tat-twettiq tar-reat;
  2. il-karatterizzazzjoni tar-reat, il-forma ta’ ħtija tat-trasgressur stabbilita fil-mument tal-preżentazzjoni tar-referenza, id-data tat-tnedija tal-proċedimenti kriminali u n-numru ta’ referenza tal-każ kriminali;
  3. informazzjoni dwar il-persuna rikonoxxuta bħala vittma fil-proċedimenti kriminali;
  4. informazzjoni dwar il-persuna rikonoxxuta bħala rappreżentant tal-vittma fil-proċedimenti kriminali;
  5. in-natura tal-ħsara kkawżata bħala riżultat tar-reat (mewt ta’ persuna, severità tal-korriment, attakk indiċenti jew sesswali, preżenza ta’ sinjali ta’ traffikar tal-bnedmin jew vajrus tal-immunodefiċjenza umana, epatite B jew Ċ stabbiliti);
  6. id-data tas-sejbiet tal-esperti, in-numru tad-dokument u l-persuna li wettqet l-investigazzjoni mill-esperti;
  7. in-numru ta’ persuni li ġew rikonoxxuti bħala vittmi fl-istess proċedimenti kriminali rigward il-mewt ta’ persuna, u informazzjoni dwar it-tali persuni.

Jekk il-proċedimenti kriminali jkunu ntemmu fil-mument tat-talba tal-kumpens mill-Istat, int għandek iżżid mat-talba għall-kumpens mill-Istat id-deċiżjoni finali tal-persuna li tmexxi l-proċedimenti u l-ordni ta’ infurzar, jekk il-kumpens għad-danni pprovdut fid-deċiżjoni finali ma jkunx ingħata jew tkun ingħatat parti minnu biss.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu meta t-talba tasal u tiġi pproċessata?

Il-proċess ta’ rieżami għat-talbiet għall-kumpens mill-Istat hu mingħajr ħlas.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tiddeċiedi dwar il-ħlas tal-kumpens mill-Istat jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Biex tirċievi kumpens mill-Istat, int trid tibgħat it-talba għal kumpens mill-Istat lill-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali, fuq dan l-indirizz: Pils laukums 4, Rīga, LV-1050.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta t-talba tiegħi tkun qed tiġi deċiża?

Il-preżenza tiegħek mhix meħtieġa għall-proċess ta’ rieżami tat-talba għal kumpens mill-Istat u għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħlas jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat.

Kemm indum nistenna (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

L-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tiddeċiedi dwar il-ħlas jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat fi żmien xahar mir-riċevuta tat-talba għall-kumpens u tibgħat id-deċiżjoni fuq l-indirizz indikat fit-talba għall-kumpens.

Jekk l-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tkun teħtieġ xi informazzjoni addizzjonali mingħandek jew mingħand il-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti), il-perjodu għat-teħid tad-deċiżjoni jiġi sospiż sakemm tiġi riċevuta l-informazzjoni mitluba kollha.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Int tista’ tikkontesta d-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali dwar il-ħlas jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din billi tippreżenta l-applikazzjoni rilevanti lill-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali li tingħadda lill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Int ser issib il-formola tat-talba għall-kumpens mill-Istat u informazzjoni dwar il-mili tagħha hawnhekk:

  • fuq il-portal - https://www.latvija.lv/en
  • fuq is-sit web tal-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali - https://www.jpa.gov.lv/par-mums-eng it-taqsima “Servizzi”;
  • mingħand l-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali - Pils laukums 4, Riga (matul il-ħinijiet tax-xogħol);
  • mingħand il-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur jew il-qorti);
  • billi ċċempel fuq il-linja ta’ informazzjoni mingħajr ħlas 800001801 (matul il-ħinijiet tax-xogħol).

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Int tista’ tuża l-linja ta’ assistenza mingħajr ħlas 116006 “Linja ta’ assistenza għall-vittmi ta’ reati” kuljum bejn is-07:00 u l-22:00, fejn tista’ tikseb:

  • appoġġ emozzjonali u psikoloġiku għall-vittmi ta’ reati;
  • informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tal-vittmi (pereżempju d-drittijiet fi proċedimenti kriminali, id-drittijiet għal kumpens għad-danni, kumpens mill-Istat, eċċ.), is-servizzi disponibbli u s-servizzi ta’ appoġġ eżistenti għall-vittmi.

Tista’ tuża wkoll is-sit web https://www.cietusajiem.lv/en/.

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

M’għandekx bżonn għajnuna legali biex tapplika għal kumpens mill-Istat. L-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tipprovdi l-assistenza neċessarja għall-proċess tat-talba ta’ kumpens mill-Istat.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

L-assoċjazzjoni “Skalbes” toffri linja ta’ assistenza mingħajr ħlas fuq 116006 “Linja ta’ assistenza għall-vittmi ta’ reat” (kuljum bejn is-7.00 u l-22.00), billi tipprovdi appoġġ emozzjonali u psikoloġiku lill-vittmi ta’ reati, informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali (pereżempju d-drittijiet fi proċedimenti kriminali, id-drittijiet għall-kumpens għad-danni, il-kumpens mill-Istat, eċċ.), is-servizzi disponibbli u s-servizzi ta’ appoġġ eżistenti għall-vittmi.

L-aħħar aġġornament: 19/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna