Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-vittma hi intitolata għal kumpens mill-Istat, jekk reat imwettaq b’mod intenzjonali jkun irriżulta fil-mewt ta’ persuna, il-vittma tkun ġarrbet korriment personali serju jew moderat, il-vittma tkun ġiet soġġetta għal attakk indiċenti jew sesswali, il-vittma tkun vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, jew il-vittma tiġi infettata bil-vajrus tal-immunodefiċjenza umana, bl-epatite B jew Ċ.
Int tista’ tirċievi kumpens mill-Istat għal dannu morali, għal tbatija fiżika u għal telf ta’ proprjetà li jirriżultaw minn reat imwettaq b’mod intenzjonali.
Jekk persuna tmut minħabba reat, il-vittma fil-proċedimenti kriminali tista’ tkun qarib tal-persuna deċeduta (għarus(a), konjuġi, ġenituri, nanniet, ulied, neputijiet, aħwa, kif ukoll il-persuni li magħhom kienet qed tgħix il-persuna fiżika kkonċernata u li magħhom kienet taqsam dar (mhux kondiviża)).
Jekk persuna tmut minħabba reat jew il-vittma tmut u ma tkunx talbet kumpens mill-Istat jew tkun talbet u ma rċivietx kumpens mill-Istat, int intitolat(a) tirċievi kumpens mill-Istat. Madankollu, trid titlob lill-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti) biex jirrikonoxxik bħala vittma fil-proċedimenti kriminali korrispondenti.
Int ma tkunx intitolat(a) għal kumpens mill-Istat bħala qarib jew dipendenti ta’ vittma jekk il-vittma tibqa’ ħajja wara r-reat. F’dan il-każ, il-vittma stess tkun intitolata għal kumpens mill-Istat.
Int tkun tista’ tirċievi kumpens mill-Istat jekk m’intix ċittadin(a) ta’ pajjiż tal-UE.
Jekk ir-reat twettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE, int intitolat(a) titlob kumpens mingħand l-Istat Membru tal-UE fejn twettaq ir-reat b’mod dirett jew inkella permezz tal-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali (Juridiskās palīdzības administrācija).
Int trid tirrapporta r-reat lill-pulizija.
Biex titlob kumpens mill-Istat, iridu jitniedu proċedimenti kriminali li fihom int tkun ġejt rikonoxxut(a) bħala vittma permezz tad-deċiżjoni tal-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti).
Biex titlob kumpens mill-Istat, m’għandekx bżonn tistenna sad-deċiżjoni finali mill-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti).
Biex l-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tiddeċiedi dwar il-ħlas ta’ kumpens mill-Istat jew ir-rifjut, il-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti) trid tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
Għall-ewwel int ma tkunx obbligat(a) titlob kumpens mingħand it-trasgressur. Il-kumpens mill-Istat ma jippreġudikax id-dritt tal-vittma biex titlob kumpens fil-proċedimenti kriminali billi tippreżenta talba rigward kumpens għad-dannu fi kwalunkwe stadju tal-proċedura kriminali sat-tnedija tal-eżaminazzjoni tal-każ quddiem il-qorti tal-prim’istanza u fil-proċedimenti ċivili billi tippreżenta talba quddiem il-qorti jekk int temmen li ma ġejtx ikkumpensat(a) bis-sħiħ.
Int intitolat(a) għal kumpens mill-Istat ukoll jekk it-trasgressur jew il-kompliċi tagħhom ma jkunux identifikati jew jekk ma jinżammux kriminalment responsabbli.
Int għandek tippreżenta t-talba għal kumpens mill-Istat billi żżid ir-referenza mill-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija) mal-informazzjoni neċessarja.
It-talba għal kumpens mill-Istat trid tiġi ppreżentata lill-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali fi żmien sena mill-jum li fih tiġi rikonoxxut(a) bħala vittma, jew li fih tkun sirt konxju tal-fatti li jintitolawk tagħmel dan.
Il-kumpens mill-Istat ikopri d-dannu morali, it-tbatija fiżika jew it-telf ta’ proprjetà li jirriżultaw minn reat mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn it-tip ta’ dannu li għalih jitħallas kumpens mill-Istat. L-ammont tal-kumpens mill-Istat hu determinat fil-Liġi “Dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi” (Likums par valsts kompensāciju cietušajiem), fuq il-bażi tal-konsegwenzi li jirriżultaw mir-reat.
Il-kumpens mill-Istat jitħallas bħala pagament uniku li jiġi trasferit fil-kont tal-istituzzjoni tal-ħlas speċifikata fit-talba.
Il-karatterizzazzjoni tar-reat tista’ taffettwa l-ammont tal-kumpens mill-Istat, pereżempju, jekk ir-reat jitwettaq fi stat ta’ aġitazzjoni mentali intensa, bi ksur tal-limiti neċessarji ta’ awtodifiża jew tal-kundizzjonijiet għad-detenzjoni ta’ persuna. F’każijiet bħal dawn, l-ammont tal-kumpens mill-Istat f’konformità mal-konsegwenzi tar-reat jitnaqqas b’50%.
Jekk l-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali ma tirċivix l-informazzjoni mitluba fi żmien 15-il jum, din tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta milli tħallas il-kumpens mill-Istat. Id-deċiżjoni dwar ir-rifjut ta’ ħlas tal-kumpens mill-Istat f’dan il-każ ma jipprevjenikx milli tapplika diversi drabi mal-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali biex titlob kumpens skont il-proċeduri għat-talba ta’ dan.Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax il-possibbiltà tiegħek li tirċievi kumpens mill-Istat u/jew l-ammont tal-kumpens.
Jekk int irċivejt kumpens għad-danni kkawżati mir-reat mingħand it-trasgressur jew persuna oħra għan-nom tagħha, l-ammont tal-kumpens mill-Istat jitnaqqas bl-ammont tal-kumpens diġà riċevut.
Il-Liġi dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi tistabbilixxi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħek li tirċievi kumpens u/jew l-ammont. Pereżempju:
L-ammont massimu ta’ kumpens mill-Istat li jrid jitħallas lil vittma individwali ta’ reat għandu jammonta għal ħames darbiet il-paga minima fix-xahar kif stipulata fir-Repubblika tal-Latvja. L-ammont ta’ kumpens mill-Istat li jrid jitħallas għandu jiġi kkalkolat b’kunsiderazzjoni tal-ammont tal-paga minima fix-xahar determinata fiż-żmien li fih il-persuna tiġi rikonoxxuta bħala vittma.
Il-kumpens jitħallas:
L-ammont massimu ta’ kumpens mill-Istat hu ħames darbiet il-paga minima fix-xahar stabbilita fir-Repubblika tal-Latvja, iżda l-ammont minimu tal-kumpens mill-Istat hu 50% tal-ammont massimu tal-kumpens mill-Istat. Meta tinbidel il-paga minima fix-xahar, l-ammont tal-kumpens mill-Istat jinbidel ukoll.
M’għandekx bżonn tispeċifika l-ammont fil-formola tat-talba għall-kumpens mill-Istat, peress li l-Liġi dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens mill-Istat.
Il-kumpens li tirċievi minn sorsi oħra (pereżempju mill-iskema tal-assigurazzjoni tal-impjegatur jew privata) ma jitnaqqasx mill-ammont tal-kumpens mill-Istat.
Int ma tistax tirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens mill-Istat.
Jekk int tirċievi kumpens mill-Istat u d-deċiżjoni finali ssib li int ġarrabt konsegwenzi aktar serji minħabba r-reat kriminali, int tista’ tirċievi d-differenza bejn l-ammont tal-kumpens mill-Istat imħallas u l-ammont pagabbli.
Jekk għadha ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni finali fil-proċedimenti kriminali fil-mument tat-talba tal-kumpens mill-Istat, int għandek iżżid mat-talba għal kumpens mill-Istat referenza mingħand il-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti), li tispeċifika dan li ġej:
Jekk il-proċedimenti kriminali jkunu ntemmu fil-mument tat-talba tal-kumpens mill-Istat, int għandek iżżid mat-talba għall-kumpens mill-Istat id-deċiżjoni finali tal-persuna li tmexxi l-proċedimenti u l-ordni ta’ infurzar, jekk il-kumpens għad-danni pprovdut fid-deċiżjoni finali ma jkunx ingħata jew tkun ingħatat parti minnu biss.
Il-proċess ta’ rieżami għat-talbiet għall-kumpens mill-Istat hu mingħajr ħlas.
L-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tiddeċiedi dwar il-ħlas tal-kumpens mill-Istat jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat.
Biex tirċievi kumpens mill-Istat, int trid tibgħat it-talba għal kumpens mill-Istat lill-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali, fuq dan l-indirizz: Pils laukums 4, Rīga, LV-1050.
Il-preżenza tiegħek mhix meħtieġa għall-proċess ta’ rieżami tat-talba għal kumpens mill-Istat u għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħlas jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat.
L-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tiddeċiedi dwar il-ħlas jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat fi żmien xahar mir-riċevuta tat-talba għall-kumpens u tibgħat id-deċiżjoni fuq l-indirizz indikat fit-talba għall-kumpens.
Jekk l-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tkun teħtieġ xi informazzjoni addizzjonali mingħandek jew mingħand il-persuna li tmexxi l-proċedimenti (il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qorti), il-perjodu għat-teħid tad-deċiżjoni jiġi sospiż sakemm tiġi riċevuta l-informazzjoni mitluba kollha.
Int tista’ tikkontesta d-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali dwar il-ħlas jew ir-rifjut tal-ħlas tal-kumpens mill-Istat fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din billi tippreżenta l-applikazzjoni rilevanti lill-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali li tingħadda lill-Ministeru tal-Ġustizzja.
Int ser issib il-formola tat-talba għall-kumpens mill-Istat u informazzjoni dwar il-mili tagħha hawnhekk:
Int tista’ tuża l-linja ta’ assistenza mingħajr ħlas 116006 “Linja ta’ assistenza għall-vittmi ta’ reati” kuljum bejn is-07:00 u l-22:00, fejn tista’ tikseb:
Tista’ tuża wkoll is-sit web https://www.cietusajiem.lv/en/.
M’għandekx bżonn għajnuna legali biex tapplika għal kumpens mill-Istat. L-Amministrazzjoni għall-Għajnuna Legali tipprovdi l-assistenza neċessarja għall-proċess tat-talba ta’ kumpens mill-Istat.
L-assoċjazzjoni “Skalbes” toffri linja ta’ assistenza mingħajr ħlas fuq 116006 “Linja ta’ assistenza għall-vittmi ta’ reat” (kuljum bejn is-7.00 u l-22.00), billi tipprovdi appoġġ emozzjonali u psikoloġiku lill-vittmi ta’ reati, informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali (pereżempju d-drittijiet fi proċedimenti kriminali, id-drittijiet għall-kumpens għad-danni, il-kumpens mill-Istat, eċċ.), is-servizzi disponibbli u s-servizzi ta’ appoġġ eżistenti għall-vittmi.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.