Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens mill-Istat?

Għal reat vjolenti intenzjonali kontra persuna.

Għal liema tip ta’ korriment nista’ ningħata kumpens?

Għal korriment (fiżiku jew mentali) li jieħu aktar minn tmint ijiem biex ifiq

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva. Minbarra l-vittma, l-axxendenti jew id-dixxendenti tal-vittma, ġenituri adottivi jew foster, tfal adottivi jew foster, konjuġi jew sieħeb ċivili jistgħu jirċievu kumpens jekk kienu jgħixu mal-vittma fl-istess unità domestika meta sar ir-reat, u anke d-dipendenti tal-vittma jistgħu jikkwalifikaw. Barra minn hekk, il-kumpens jista’ jingħata lill-persuna li tkun għamlet arranġamenti għad-dfin tal-vittma deċeduta.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Iva, il-mewt tal-vittma mhijiex kondizzjoni għal kumpens għad-dipendenti jew persuni intitolati oħra.

Nista’ ningħata kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, jekk qed tgħix legalment fl-UE, jew jekk inti identifikat bħala vittma ta’ traffikar ta’ bnedmin.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?

Kumpens mill-Istat Ungeriż jista’ jintalab biss f’każ ta’ reati li saru fit-territorju tal-Ungerija; madankollu, jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor, int tista’ tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek għal kumpens fl-Ungerija. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet Ungeriżi se jittrażmettu l-applikazzjoni lill-Istat Membru fejn sar ir-reat.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva, din hija kondizzjoni għal kumpens li l-proċedimenti kriminali nfetħu b’rabta mal-att imwettaq.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le, it-talba tista’ ssir immedjatament wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti kriminali.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk ikun ġie identifikat?

L-eżekuzzjoni ta’ talba kontra l-awtur tar-reat ma hijiex kondizzjoni għat-talba ta’ kumpens mill-Istat.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva, tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni għal kumpens anke jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat. Barra minn hekk, f’każijiet bħal dawn, iridu jiġu ppreżentati d-dokumenti insostenn tal-limitu tad-dannu, tar-relazzjoni bejn il-kawża u l-effett bejn id-dannu u l-att (eż. fattura, riċevuta, kwotazzjoni preliminari jew dokument ieħor).

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Bħala regola ġenerali, it-talba għal kumpens għandha ssir fi żmien sena minn meta jkun sar ir-reat.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens se jkopri:

a) Għall-vittma tar-reat:

  • Ħsara materjali (mhux psikoloġika):
    • spejjeż mediċi tal-korriment (kura medika – kura ambulanti u fi sptar, irkupru)
    • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali bħala riżultat ta’ korriment (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija ta’ edukazzjoni fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)
    • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ waqt kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila li tagħmel il-qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)
    • telf ta’ opportunità
    • spejjeż marbutin mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża d-dannu, bħal tariffi legali, spejjeż tal-qorti)
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara
    • oħrajn
  • Ħsara psikoloġika (morali):
    • uġigħ u tbatija psikoloġiċi tal-vittma

b) Għall-persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:

  • Ħsara materjali (mhux psikoloġika):
    • spejjeż tal-funerali
    • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fi sptar, riabilitazzjoni)
    • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità
  • Ħsara psikoloġika:
    • piż u tbatija psikoloġiċi tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti fix-xahar?

Tista’ ssir talba għall-kumpens f’pagament wieħed jew fil-forma ta’ benefiċċju fix-xahar.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas li nikkoopera matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Ma huwiex dovut kumpens mill-Istat jekk f’deċiżjoni finali tal-qorti jkun ġie stabbilit li l-kondotta tal-vittma kkontribwiet għar-reat jew kienet il-kawża tar-reat, jew il-kondotta abbużiva tal-vittma kkawżat id-dannu jew ikkontribwiet għad-dannu. Fil-proċedimenti kriminali miftuħa minħabba r-reat li jwassal għal kumpens, aktar raġunijiet għall-esklużjoni huma rifjut li wieħed jixhed, rifjut tal-obbligu li jikkoopera jew in-nuqqas ta’ mozzjoni privata. Barra minn hekk, il-vittma tista’ ma tingħatax kumpens jekk, fil-proċedimenti kriminali mressqa minħabba r-reat li jwassal għal kumpens jew b’rabta mar-reat, il-vittma tkun wettqet ir-reat ta’ akkuża falza, żgwidat lill-awtoritajiet, ir-reat ta’ xhieda falza, ta’ tixħim tax-xhieda, ta’ tfixkil tal-proċedimenti uffiċjali jew ta’ koerċizzjoni fi proċedimenti uffiċjali, trażżin taċ-ċirkostanzi ta’ eżonerazzjoni, għajnuna u assistenza, ksur tas-siġill, attakk kontra l-awtur tar-reat jew il-qarib tiegħu jew reat li joħloq periklu kollettiv, u dak ir-reat ikun ġie stabbilit b’deċiżjoni finali tal-qorti.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Il-ħtieġa soċjali ma hijiex kundizzjoni għall-kumpens mill-Istat.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Ir-regolamenti Ungeriżi jispeċifikaw il-każijiet fejn il-vittma tiġi eskluża mill-kumpens (eż. il-vittma tkun diġà rċeviet għajnuna għall-kawża jew ma tkunx ħallset lura l-għajnuna finanzjarja mill-Istat li tkun diġà rċeviet skont dan l-Att anke jekk il-vittma kienet meħtieġa tagħmel dan).

Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?

Vittma ta’ reat tista’ tapplika għal ħlas f’somma f’daqqa fi flus bħala kumpens totali jew parzjali għat-telf ekonomiku li tkun ġarrbet permezz tar-reat. Il-firxa tal-kumpens f’somma f’daqqa ma hijiex aktar minn ħmistax-il darba l-ammont bażiku (fl-2021: HUF 158 168).

Vittma ta’ reat tista’ tapplika għal kumpens parzjali għat-telf fl-introjtu regolari tagħha fil-forma ta’ pagamenti regolari jekk ir-reat ikun irriżulta fin-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li taħdem għal perjodu stmat ta’ aktar minn 6 xhur.

L-ammont ta’ kumpens fil-forma ta’ benefiċċju huwa: 75 % tat-telf tal-introjtu sostnut mill-evidenza jekk il-vittma hija taħt it-18-il sena jew tiddependi fuq assistenza minn ħaddieħor u 50 fil-mija tat-telf tal-introjtu sostnut minn provi jekk il-vittma ma tiddependix fuq assistenza minn ħaddieħor.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ma hemm l-ebda ammont minimu li jista’ jingħata. L-ammont ta’ kumpens ma huwiex se jaqbeż ħmistax-il darba l-ammont bażiku (fl-2021: HUF 158 168), li fl-2021 huwa HUF 2 372 520. L-ammont fix-xahar massimu ta’ kumpens li tista’ ssir talba għalih fil-forma ta’ benefiċċju huwa l-ammont bażiku, li huwa HUF 158 168 fl-2021.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

L-ammont ta’ ħsara għandu jiġi kkwotat fit-talba. Kwalunkwe ammont irkuprat minn sors ieħor għandu jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

L-Istat se jirrimborża l-ammont ta’ ħsara sostnut mill-evidenza, anke jekk dan jista’ jiġi rkuprat minn sors ieħor. Jekk il-ħsara tiġi rkuprata aktar tard minn sors ieħor, l-ammont imħallas bħala għajnuna jrid jitħallas lura sal-punt tal-irkupru. F’dak il-każ, il-kumpens ġie pprovdut mill-Istat bħala ħlas bil-quddiem.

Nista’ nikseb kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Le. Il-kumpens jista’ jingħata darba biss.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • Ċertifikat tal-ftuħ tal-proċedimenti kriminali, jekk disponibbli (pulizija, qorti, uffiċċju tal-prosekutur pubbliku)
  • id-dokumenti li jappoġġaw l-ammont ta’ ħsara sofruta bħala riżultat tar-reat u r-relazzjoni bejn il-kawża u l-effett (eż. fattura, riċevuta, kwotazzjoni preliminari jew dokument ieħor)

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu meta t-talba tasal u tiġi pproċessata?

Le, is-sottomissjoni tal-applikazzjoni hija mingħajr ħlas.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-Uffiċċju tal-Gvern tal-Muniċipalità ta’ Budapest (Budapest Főváros Kormányhivatala) jaġixxi bħala l-awtorità li tiddeċiedi fir-rigward tal-kumpens mill-Istat.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

L-applikazzjoni tista’ titressaq lis-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ kwalunkwe uffiċċju tal-gvern tal-kontea (awtoritajiet ta’ assistenza) jew direttament lill-awtorità ta’ deċiżjoni (l-Uffiċċju tal-Gvern tal-Muniċipalità ta’ Budapest – Budapest Főváros Kormányhivatala).

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u / jew meta t-talba tiegħi tkun qed tiġi deċiża?

Le.

Kemm indum nistenna (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

L-iskadenza għall-ipproċessar tat-talbiet hija massimu ta’ 60 jum.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Il-proċedimenti amministrattivi jistgħu jitressqu quddiem il-qrati kontra d-deċiżjoni li tingħata fil-prim’istanza.

Fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

http://igazsagugyiinformaciok.kormany.hu/aldozatsegito-szolgalat

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Linja telefonika 24/7 għall-Appoġġ lill-Vittmi (Áldozatsegítő Vonal): 06-80-225-225 bl-Ungeriż u bl-Ingliż, u s-sit web http://www.vansegitseg.hu/

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Iva, il-persunal kemm tas-servizzi lokali ta’ appoġġ għall-vittmi kif ukoll taċ-Ċentri ta’ Appoġġ għall-Vittmi jipprovdi assistenza fil-mili tal-applikazzjoni, u jipprovdu wkoll pariri legali f’każijiet sempliċi. Inkella, l-għajnuna legali hija possibbli fuq il-bażi tal-Att LXXX tal-2003 dwar l-għajnuna legali.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Servizzi biex jgħinuk tiddikjara l-interessi tiegħek huma disponibbli minn kwalunkwe unità organizzazzjonali tas-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi, jiġifieri fl-uffiċċji tal-kontej u tal-Gvern f’Budapest u fiċ-Ċentri tas-Servizz ta’ Appoġġ għall-Vittmi, fejn il-konsulenti tal-appoġġ għall-vittmi se jipprovdu assistenza prattika (pereżempju: assistenza fil-mili tal-applikazzjonijiet) u informazzjoni lill-partijiet interessati. Il-vittmi jistgħu wkoll jirrikorru għand l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (pereżempju: Ċirku Abjad (Fehérgyűrű), Għajnuna Battista Ungeriża(Baptista Szeretetszolgálat), eċċ.)

L-aħħar aġġornament: 03/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.