Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

L-Ingilterra u Wales

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

Int tista’ tapplika għal kumpens jekk inti vittma bla ħtija ta’ reat vjolenti, jew jekk persuna qrib tiegħek mietet minħabba reat vjolenti. L-Anness B tal-Iskema jelenka dak li hu u dak li mhuwiex reat ta’ vjolenza għall-finijiet tal-Iskema. Hu disponibbli wkoll kumpens għal dawk li jkorru waqt li jieħdu riskju eċċezzjonali u ġustifikat għall-finijiet ta’ prevenzjoni jew ta’ konteniment ta’ reat, inkluża l-interpellanza ta’ suspettat trasgressur.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ nikseb kumpens?

Int tista’ tapplika għal kumpens għal:

  • dannu mentali jew fiżiku;
  • abbuż sesswali jew fiżiku
  • pagament għal fatalità

Mhux kull talba għal kumpens tirnexxi; trid tkun eliġibbli skont ir-regoli tal-Iskema.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Jekk int qarib ta’ persuna li mietet minħabba l-korrimenti tagħha, int jaf tkun tista’ tapplika għal pagament. Biex tkun eliġibbli għal pagamenti bħal dawn, int trid tkun dak li l-Iskema ssejjaħ “qarib(a) li jikkwalifika”.

Qarib(a) li jikkwalifika hu persuna li fil-mument tal-mewt tad-deċedut(a) kienet:

  • konjuġi jew sieħeb/sieħba ċivili tad-deċedut(a), li kien qed jgħix mad-deċedut(a) fl-istess dar;
  • is-sieħeb/sieħba tad-deċedut (għajr konjuġi jew sieħeb ċivili), li kien qed jgħix magħhom fl-istess unità domestika u kien ilu jagħmel dan għal perjodu kontinwu ta’ tal-anqas sentejn eżatt qabel id-data tal-mewt;
  • persuna li tissodisfa l-punti ta’ hawn fuq iżda li ma kinitx tgħix mad-deċedut(a) minħabba l-mard jew id-diżabilità tal-persuna;
  • konjuġi jew sieħeb/sieħba ċivili, jew eks konjuġi jew sieħeb/sieħba ċivili, tad-deċedut(a) li kien finanzjarjament dipendenti fuq id-deċedut(a);
  • ġenituri tad-deċedut(a); jew
  • iben/bint id-deċedut(a).

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti superstitu/a ta’ vittma? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Int tista’ tkun eliġibbli biex tagħmel talba għal dannu mentali jekk int kont xhud u preżenti f’inċident li fih persuna qrib tiegħek korriet minħabba reat ta’ vjolenza. Int tista’ tkun eliġibbli jekk int kont involut(a) fil-mumenti eżatti ta’ wara inċident li fih korriet persuna qrib tiegħek.

Jekk int qed titlob pagament għaliex int kont xhieda jew kont involut(a) fil-mumenti eżatti ta’ wara l-korriment ta’ xi ħadd qrib tiegħek, int trid tkun ġarrabt korriment fiżiku bħala konsegwenza. Ser ikollok bżonn evidenza medika mingħand psikjatra jew psikologu kliniku li tikkonferma li dan hu l-każ.

Il-qraba li x’aktarx jikkwalifikaw huma elenkati hawn fuq.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Int tkun eliġibbli għal pagament minn din l-Iskema ta’ kumpens biss jekk int tissodisfa wieħed mir-rekwiżiti ta’ residenza, ta’ nazzjonalità jew rekwiżiti oħra skont il-paragrafu 10. Dan ifisser li int trid tkun resident abitwali fir-Renju Unit fid-data tal-inċident jew inkella trid tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet fil-paragrafu 11 jew 13 tal-Iskema.

Int tkun eliġibbli għal kumpens jekk int ċittadin ta’ stat membru tal-Unjoni Ewropea (UE), taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kumpens għall-Vittmi ta' Reati Vjolenti. Japplikaw dispożizzjonijiet speċjali għal vittmi potenzjali ta’ traffikar tal-bniedem u għal nies li għamlu applikazzjonijiet għal ażil. Il-kriterji kollha kemm huma jinsabu fil-paragrafu 10 tal-Iskema.

Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Il-kumpens hu pagabbli taħt l-Iskema għal inċidenti li jseħħu fil-Gran Brittanja (l-Iskozja, l-Ingilterra u Wales).

Jekk int resident tar-Renju Unit (UK) u ġarrabt korriment minħabba reat ta’ vjolenza f’pajjiż ieħor li hu parti mill-Unjoni Ewropea (UE), aħna nistgħu ngħinuk tapplika għal kumpens mingħand dak il-pajjiż. Ċempel lit-Tim ta’ Assistenza tal-UE tagħna fuq 0300 003 3061 jew ibgħat ittra elettronika fuq eucat@cica.gsi.gov.uk

Jekk int korrejt barra mill-UE, jaf tkun tista’ tapplika taħt skema simili operata mill-pajjiż ikkonċernat. Ikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth (“Foreign and Commonwealth Office”) għal aktar informazzjoni. Id-dettalji jistgħu jinsabu fuq https://www.gov.uk.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva. Jekk ir-reat li għalih qed tfittex kumpens ma ġiex irrapportat lill-pulizija, aħna ma nistgħux noħorġu pagament. Hu rekwiżit tal-Iskema li l-inċidenti kollha li għalihom issir talba jiġu rrapportati lill-pulizija.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le. M’għandekx bżonn tistenna l-eżitu ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew ta’ proċess kriminali qabel ma tagħmel talba.

L-ewwel għandi nfittex kumpens mingħand it-trasgressur – jekk dan ikun ġie identifikat?

L-Iskema hi maħsuba biex tkun l-aħħar possibbiltà. Fejn teżisti opportunità biex int tikseb kumpens minn xi mkien ieħor, hekk għandek tagħmel. Aħna nistennew li int tieħu kull pass raġonevoli biex tikseb benefiċċji tas-sigurtà soċjali, pagamenti tal-assigurazzjoni, danni jew kumpens li għalihom tista’ tkun intitolat(a) bħala riżultat tal-korrimenti tiegħek.

Jekk it-trasgressur ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Int tista’ tkun eliġibbli għal premju skont l-Iskema anki jekk it-trasgressur tiegħek mhuwiex magħruf, jew ma jiġix ikkundannat. Aħna nistennew li int tkun ikkooperajt bis-sħiħ ma’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija. Id-deċiżjonijiet skont l-Iskema jsiru wara li jiġu ponderati l-probabbiltajiet.

Hemm terminu preskrittiv li matulu rrid nitlob kumpens?

Int trid tapplika mill-aktar fis malli dan ikun raġonevolment prattikabbli għalik. Jekk int kont adult fil-mument tal-inċident, normalment m’għandhomx ikunu għaddew aktar minn sentejn mindu seħħ. Aħna nistgħu nestendu dan it-terminu preskrittiv biss meta:

  • minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, ma tkunx setgħet issir applikazzjoni qabel; u
  • l-evidenza pprovduta b’appoġġ tal-applikazzjoni tfisser li tista’ ssir determinazzjoni mingħajr inkjesti estensivi ulterjuri minn uffiċjal tat-talbiet.

X’tip ta’ telf u ta’ spejjeż hu kopert mill-kumpens?

(a) Għall-vittma tar-reat:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • l-ispejjeż mediċi tal-korriment (trattament mediku — trattament ambulanti u fl-isptar, meta tkun rikoverat(a)) - Le, l-ispejjeż mediċi immedjati ma jkunux koperti mill-iskema.
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-ħsara (jiġifieri kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, fiżjoterapija edukattiva fit-tul, adattament tal-akkomodazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.) - Jistgħu jinħarġu pagamenti għal dawn l-ispejjeż skont iċ-ċirkustanzi. Int tista’ titlobna nikkunsidraw dawn l-ispejjeż speċjali biss jekk il-korrimenti tiegħek fissru li ma stajtx taħdem jew sfajt inkapaċitat(a) f’livell simili għal aktar minn 28 ġimgħa.
  • korrimenti permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra) - Iva
    • telf ta’ dħul matul it-trattament mediku u wara (inkluż qligħ mitluf u telf ta’ ħila li taħdem jew manteniment imnaqqas, eċċ.) - Biss meta int ma jkollok ebda kapaċità jew ikollok kapaċità limitata li taħdem bħala l-konsegwenza diretta ta’ inġurji kriminali għal perjodu ta’ aktar minn 28 ġimgħa;
    • telf ta’ opportunità - Iva, soġġett għar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħna
    • spejjeż marbuta mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara, bħat-tariffi legali, l-ispejjeż tal-qorti) - Le
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara - Le
    • oħrajn - Ara l-Iskema għar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħna

- Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma - Iva, soġġetti għar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħna

(b) Għal persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral - Iva
  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, trattament ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni) - Le
  • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità - Iva, meta l-vittma tkun mietet, u soġġett għar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħna

- Ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija ta’ qraba jew ta’ nies intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma mietet - Int tista’ tkun eliġibbli biex tagħmel talba għal dannu mentali jekk int kont xhud u preżenti f’inċident li fih persuna qrib tiegħek korriet minħabba reat ta’ vjolenza. Int tista’ tkun eliġibbli jekk int kont involut(a) fil-mumenti eżatti ta’ wara inċident li fih korriet persuna qrib tiegħek. Jekk int qed titlob pagament għaliex int kont xhieda jew kont involut(a) fil-mumenti eżatti ta’ wara l-korriment ta’ xi ħadd qrib tiegħek, int trid tkun ġarrabt korriment fiżiku bħala konsegwenza. Ser ikollok bżonn evidenza medika mingħand psikjatra jew psikologu kliniku li tikkonferma li dan hu l-każ.

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew f’pagamenti akkont fix-xahar?

Kull fejn dan ikun possibbli, aħna noħorġu l-pagamenti għat-talbiet billi noffru pagament uniku b’somma f’daqqa.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

It-talba tiegħek tista’ tkun affettwata jekk:

  • int ma tikkooperax bis-sħiħ mal-Pulizija u mas-Sistema tal-Ġustizzja Kriminali
  • ikollok kundanna mhux skontata li attirat piena ta’ kustodja jew ta’ servizz fil-komunità.
  • l-imġiba tiegħek ikkontribwiet għall-inċident;
  • il-karattru tiegħek kif muri mill-kundanni kriminali jew minn evidenza oħra jkun tali li ma jkunx xieraq li tintlaqa’ t-talba; jew int ma tikkooperax bis-sħiħ mas-CICA.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

L-Iskema ma tagħmilx testijiet tal-mezzi.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Aħna ma nistgħux inħallsu kumpens fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

  • int ġarrabt korriment qabel l-1 ta’ Awwissu 1964.
  • il-korriment seħħ barra l-Gran Britannja.
  • int diġà applikajt għas-CICA għall-istess korriment bħala riżultat tal-istess inċident.
  • għotja tista’ tkun benefiċċju għat-trasgressur.
  • il-korriment seħħ qabel l-1 ta’ Ottubru 1979 u int u t-trasgressur kontu qed tgħixu flimkien bħala membri tal-istess familja.

Il-kumpens jinżamm jew jitnaqqas ukoll meta int tkun irċivejt kumpens għall-istess korriment mingħand ċerti sorsi oħra li jinkludu danni miksuba wara sentenza ta’ qorti ċivili.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Ir-regoli tal-Iskema u l-valur tal-pagamenti mogħtija huma stabbiliti mill-Parlament u huma kkalkolati b’referenza għal tariffa tal-korrimenti. L-ammont tal-għotja jvarja biex jirrifletti l-gravità tal-korriment.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

L-ammont minimu li nagħtu hu ta’ £1,000 u l-pagament massimu hu ta’ £500,000.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni(ja) nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Aħna nikkalkulaw kwalunkwe ammont pagabbli.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi mingħand sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi), dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Aħna nnaqqsu l-ammont ta’ għotja jekk int tkun irċivejt jew tkun intitolat(a) għal pagament għall-istess korriment minħabba:

  • kwalunkwe għotja ta’ kumpens oħra għal inġurji kriminali jew pagament simili;
  • ordni għad-danni minn qorti ċivili;
  • tiġi paċuta talba għad-danni; jew
  • kwalunkwe ordni ta’ kumpens jew offerta ta’ kumpens magħmula matul proċedimenti kriminali.

Meta jingħata kumpens għal spejjeż speċjali, aħna nnaqqsu l-pagament tiegħek biex dan ikun jirrifletti l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-istess dannu u l-assigurazzjoni mħallsa, indipendentement minn min ikun ħallas il-primjum jekk int tkun qed tagħmel talba għal oġġetti bħal adattamenti għad-dar jew għall-kura personali tiegħek.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Meta aħna niddeċiedu li int eliġibbli għal pagament iżda ma nistgħux nieħdu deċiżjoni finali, aħna nistgħu nikkunsidraw li nagħmlu pagament interim. Jekk ma nkunux nistgħu nieħdu deċiżjoni finali, x'aktarx li dan ikun minħabba li nkunu qegħdin nistennew sakemm jiġi mifhum l-impatt fit-tul tal-korriment imġarrab minnek.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Aħna nistgħu nikkunsidraw il-ftuħ mill-ġdid ta’ talba wara li jsir pagament finali jekk:

  • persuna li, wara li tkun aċċettat għotja, tmut minħabba l-inġurji kriminali li kienu wasslu għall-għoti ta’ kumpens; jew
  • ikun seħħ tibdil tant materjali fil-kundizzjoni medika tal-applikant li jekk tinżamm id-determinazzjoni oriġinali din tkun inġustizzja għall-applikant.

Normalment ma nerġgħux niftuħ każ jekk dan ma jseħħx fi żmien sentejn mid-deċiżjoni finali. Jekk int titlobna niftħu każ aktar minn sentejn wara d-deċiżjoni tagħna, aħna nikkunsidraw li nagħmlu dan biss meta int tkun tista’ tagħtina biżżejjed evidenza biex nieħdu deċiżjoni dwar il-każ mingħajr il-bżonn ta’ inkjesti estensivi ulterjuri.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

L-informazzjoni li għandna bżonn mingħandek tiddependi mit-tip ta’ applikazzjoni li tippreżenta. Il-proċess ta’ applikazzjoni se jindika x’informazzjoni tkun meħtieġa f’dak iż-żmien. Aħna se nibagħtulek ukoll għal kwalunkwe informazzjoni ulterjuri meta nkunu neħtiġuha.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

M’hemmx ħlas involut biex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal kumpens. Fejn xieraq, aħna nitolbuk tipprovdi evidenza medika. Jekk ikun hemm spiża marbuta mal-kisba tal-evidenza medika, int tista’ tkun mistenni(ja) tkopriha. L-ispiża tal-kisba tal-evidenza medika tvarja iżda mhux se tkun mistenni(ja) tħallas aktar minn £50 b’kollox.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-Awtorità dwar il-Kumpens tal-Inġurji Kriminali (Criminal Injuries Compensation Authority).

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Criminal Injuries Compensation Authority (CICA)
Alexander Bain House
Atlantic Quay
15 York Street
Glasgow
G2 8JQ

Tel.: Mir-Renju Unit: +44 (0)300 003 3601; (minn barra r-Renju Unit): +44(0)203 684 2517

Sit web: https://www.gov.uk/

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le, aħna nikkorrispondu miegħek.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

It-tul ta’ żmien meħtieġ għall-valutazzjoni tat-talba tiegħek ivarja skont kemm tkun ikkumplikata. Pereżempju, talbiet li jinvolvu telf ta’ qligħ jieħdu aktar żmien minn dawk li jinvolvu biss pagament skont it-tariffa tal-korrimenti. Is-CICA ma tiffinalizzax it-talba tiegħek qabel ma int tikkonferma li tkun irkuprajt, sa fejn possibbli, mill-korrimenti tiegħek. Aħna nippruvaw insolvu każijiet sempliċi fi żmien 12-il xahar minn meta nirċivuhom.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Jekk int ma taqbilx mad-deċiżjoni oriġinali u tridna nirrieżaminawha, trid tibgħatilna l-applikazzjoni miktuba tiegħek għal rieżami fi żmien 56 jum mid-data tad-deċiżjoni oriġinali. Ikollok bżonn tehmeż kwalunkwe evidenza addizzjonali li tixtieqna nikkunsidraw b’sostenn tat-talba tiegħek.

Meta taslilna t-talba tiegħek għal rieżami flimkien mal-informazzjoni ta’ sostenn kollha tiegħek, din tiġi kkunsidrata minn uffiċjal tat-talbiet li ma jkunx dak li ħa d-deċiżjoni oriġinali. Id-deċiżjoni ta’ rieżami tista’ tkun aktar jew anqas favorevoli mid-deċiżjoni oriġinali, jew inkella d-deċiżjoni oriġinali tista’ tibqa’ kif inhi.

Jekk ma taqbilx ma’ deċiżjoni ta’ rieżami, int tista’ tappella quddiem it-Tribunal tal-Prim’Istanza (Kumpens għal Inġurji Kriminali) skont ir-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal. Tista’ ssib dawn ir-regoli fuq is-sit web tat-Tribunal tal-Prim’Istanza.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?

Int tista’ tapplika għal kumpens permezz tas-sit web tagħna li għandu informazzjoni siewja wkoll dwar l-Iskema.

Hemm xi linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Il-link għas-sit web tagħna hi mogħtija aktar ’il fuq, u l-konsulenti taċ-Ċentru ta’ Servizz għall-Klijenti tagħna jistgħu jagħtu l-għajnuna fuq +44(0)300 003 3601. Jekk jogħġbok kun af li l-Konsulenti tas-Servizz għall-Klijenti se jitkellmu bl-Ingliż biss.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

M’għandekx bżonn rappreżentant imħallas bħal avukat jew kumpanija ta’ ġestjoni tat-talbiet biex tapplika għal kumpens. Jekk int tagħżel rappreżentazzjoni bi ħlas, aħna ma nistgħux inkopru l-ispiża għal din, u jkollok tħallas għal dawn l-ispejjeż int stess.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Tista’ tikkuntattja lis-Servizz ta’ Informazzjoni għall-Vittmi għal għajnuna fl-applikazzjoni tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 01/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.