Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Danimarka

Il-kontenut ipprovdut minn
Danimarka

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

L-Istat jipprovdi l-kumpens u d-danni għar-rikorrent fil-każ ta’ ksur tal-Kodiċi Penali tad-Danimarka jew tal-“Att dwar ir-residenza, il-projbizzjoni ta’ residenza u t-tkeċċija” li jkun irriżulta f’korriment personali jew f’mewt. Dan isegwi mill-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi. Ksur ta’ leġiżlazzjoni speċjali, li tinkludi l-Att dwar it-Traffiku fit-Triq, il-Kodiċi Penali Militari u ordnijiet statutorji, ma jistax jifforma l-bażi għall-għoti tal-kumpens u tad-danni skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi. Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali jagħmel valutazzjoni indipendenti ta’ jekk inċident huwiex kopert mill-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi. Madankollu, il-valutazzjoni mill-pulizija tal-inċident normalment tipprovdi gwida għall-valutazzjoni mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali. Ma jingħatawx kumpens jew danni jekk l-azzjoni ma tkunx punibbli minħabba, pereżempju, awtodifiża, jus necessitatis jew kunsens.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

Il-kamp ta’ applikazzjoni ewlieni ta’ dan l-Att huwa l-korriment personali, peress li l-kumpens għad-dannu fuq il-proprjetà jingħata sa ċertu punt limitat biss. Il-korriment personali jinftiehem li jirreferi kemm għal korrimenti fiżiċi kif ukoll għal korrimenti psikoloġiċi.

Fil-prinċipju, kumpens jitħallas biss lir-rikorrent dirett affettwat mir-reat kriminali. Madankollu, jista’ jkun li int tant kont qrib l-avveniment li tkun tista’ tikseb kumpens u d-danni skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi, anki jekk fil-verità ma tkunx tista’ titqies li ġarrabt korriment dirett. Huwa possibbli wkoll li, bħala qarib, tirċievi kumpens għall-ispejjeż tal-funeral, għat-telf tal-persuna li tkun is-sors ewlieni ta’ dħul, eċċ. ara aktar ’il quddiem.

Fil-każ ta’ korriment personali, il-kumpens u d-danni jistgħu jingħataw għal:

  • Spejjeż tal-irkupru
  • Qligħ mitluf
  • Uġigħ u tbatija
  • Korrimenti permanenti
  • Telf tal-kapaċità ta’ dħul
  • Delitt
  • Kumpens għal ksur serju
  • Telf ieħor (bħal prolungament tat-taħriġ jew ħtieġa ta’ għajnuniet speċjali)
  • Spejjeż legali

Jekk ir-rikorrent imut, huwa possibbli li jitfittex kumpens għal:

  • Spejjeż tal-funeral
  • Telf ta’ persuna li tkun is-sors ewlieni ta’ dħul
  • Ammont tranżitorju għall-konjuġi/koabitanti superstiti
  • Pensjoni għas-superstiti

F’sitwazzjonijiet li fihom tkun seħħet ukoll ħsara fuq il-proprjetà, jitħallas kumpens għall-ilbies u għall-oġġetti personali li l-vittma kienet liebsa jew kellha fuqha meta seħħ il-korriment personali, kif ukoll kumpens għad-dannu fuq proprjetà kkawżat minn ċerti individwi detenuti, bħal persuni kkundannati.

Ma hemm ebda kumpens għal telf pekunarju, pereżempju bħala riżultat ta’ frodi. B’mod simili, ma jitħallas ebda kumpens għal privazzjoni, għal telf operatorju, għal profitt mitluf, u l-bqija.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva. Kif intqal aktar ’il fuq, kumpens u d-danni jistgħu jitħallsu fil-każ ta’ mewt tal-parti li ġġarrab il-korriment.

Kumpens għall-ispejjeż tal-funeral huwa pagabbli għall-persuna li ħallset għall-funeral, indipendentement minn jekk din il-persuna hijiex membru tal-familja jew le.

Kumpens għat-telf ta’ persuna li tkun is-sors ewlieni ta’ dħul jiġi pprovdut għas-sħab konjuġi/koabitanti u għat-tfal superstiti, li għalihom il-persuna deċeduta kienet il-persuna li kienet is-sors ewlieni ta’ dħul.

Jekk il-persuna deċeduta ma tħallix warajha konjuġi/koabitanti, tista’ tingħata pensjoni tranżitorja lil superstiti oħrajn jekk din tkun sostnuta minn ċirkustanzi speċjali. Dawn jistgħu jkunu aħwa li għal ħafna snin għexu flimkien u qasmu dar mal-persuna deċeduta.

Barra minn hekk, tista’ tingħata pensjoni lil superstiti lil magħhom il-persuna deċeduta kienet minn ta’ ġewwa. Bħala punt tat-tluq, din il-pensjoni tingħata lil konjuġi, lil koabitanti, lil minorenni u lill-ġenituri tal-persuna deċeduta.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Il-ġenituri jistgħu jingħataw rimborż għall-ispejjeż għal viżti mediċi b’rabta ma’ viżti għat-tfal tagħhom stess li ġarrbu korriment.

Għal tfal u għal adoloxxenti, jista’ jkun kruċjali għal titjib fl-istat tas-saħħa tagħhom li ommhom jew missierhom ikunu preżenti fl-isptar jew jieħdu sehem fir-riabilitazzjoni. F’każijiet speċjali bħal dawn, it-telf tad-dħul tal-omm jew tal-missier jista’ jkun kopert kollu kemm hu jew f’parti minnu.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva. L-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi ma fih ebda rekwiżit għaċ-ċittadinanza jew għar-residenza sabiex tikseb kumpens, iżda biss li l-inċident kriminali jkun seħħ fid-Danimarka. Jekk mill-bqija l-kundizzjonijiet tal-Att ikunu ssodisfati, huwa irrilevanti jekk ir-rikorrent ikunx barrani resident fid-Danimarka, sempliċi turist jew ikunx resident għal żmien qasir fit-territorju Daniż.

Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

B’mod ġenerali, le. Madankollu, hemm possibbiltà limitata li tikseb kumpens mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali anki jekk il-korriment personali jkun seħħ minħabba reat kriminali mwettaq barra l-pajjiż. Il-kumpens jiġi pprovdut biss jekk ikun raġonevoli li jiġi pprovdut. Il-possibbiltà li jingħata kumpens hija maħsuba li jkollha kamp ta’ applikazzjoni ristrett u tintuża biss f’każijiet speċjali meta tkun sostnuta minn ċirkustanzi speċifiċi.

F’każijiet speċjali, kumpens jitħallas għal korriment ikkawżat minn atti mwettqa barra d-Danimarka jekk ir-rikorrent ikun domiċiljat fid-Danimarka, ikun ta’ nazzjonalità Daniża, jew fil-mument tar-reat ikun stazzjonat sabiex jirrappreżenta lid-Danimarka barra l-pajjiż. Il-kumpens u d-danni jitħallsu għal korrimenti li jseħħu meta persuna ta’ nazzjonalità Daniża jew domiċiljata fid-Danimarka tattakka barra pajjiżha lil persuna oħra ta’ nazzjonalità Daniża jew domiċiljata fid-Danimarka. Madankollu, dan iseħħ biss meta l-korriment iseħħ fi ħdan ambjent Daniż magħluq, bħal b’rabta ma’ vjaġġ skolastiku. Jekk kemm il-vittma kif ukoll l-awtur ikollhom konnessjonijiet mad-Danimarka b’mod koinċidenti, ma jingħata ebda kumpens.

Il-kumpens jista’ jingħata wkoll meta t-tali atti jitwettqu kontra rikorrent li jkun resident fid-Danimarka u jkun barra mid-Danimarka fuq xogħol. Dan jinkludi xogħol professjonali għal terminu qasir barra l-pajjiż biss f’ċirkustanzi fejn ma jkunx jista’ jkun mistenni li r-rikorrent jew l-impjegatur ser ikun ħa assigurazzjoni privata sabiex ikopri l-korriment. Il-korriment irid ikun seħħ matul il-ħinijiet tax-xogħol.

Studju u internships barra l-pajjiż ma jitqisux bħala attivitajiet okkupazzjonali.

Rikorrent li jkun minorenni li jirresjedi barra l-pajjiż minħabba l-attivitajiet professjonali tal-ġenituri tiegħu jista’ jikseb kumpens u d-danni. Hawnhekk, l-enfasi tinxteħet fuq iċ-ċirkustanzi tal-ġenituri.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva, hija kundizzjoni fundamentali li sabiex jinkiseb kumpens mingħand l-Istat, ir-reat krimnali jrid ikun ġie rrapportat lill-pulizija fi żmien 72 siegħa.

Notifika tfisser talba lill-pulizija sabiex tinvestiga l-każ. F’każijiet aktar serji, rarament ser ikun hemm bżonn li ssir talba espliċita għall-investigazzjoni, iżda f’każijiet anqas serji ġeneralment din tkun neċessarja. Għaldaqstant, il-fatt li l-pulizija kienet preżenti u forsi tkellmet ukoll mal-parti li ġarrbet il-korriment mhux dejjem ikun biżżejjed sabiex ir-reat jitqies li ġie rrapportat.

Huwa possibbli li f’ċerti ċirkustanzi l-iskadenza għan-notifika tiġi injorata. Pereżempju, il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali kważi dejjem jinjora r-rekwiżit għan-notifika lill-pulizija fi żmien 72 siegħa jekk, minkejja n-notifika tard, it-trasgressur jiġi arrestat u jkun is-suġġett ta’ proċedura kriminali b’suċċess.

Skont il-liġi, biża’ ta’ ritaljazzjoni mhuwiex raġuni valida biex wieħed iżomm lura mill jagħmel rapport lill-pulizija fi żmien 72 siegħa.

L-iskadenza ta’ 72 siegħa titneħħa b’rabta ma’ każijiet ta’ stupru, ta’ inċest, ta’ reati sesswali serji fuq tfal u ċerti reati sesswali mwettqa fuq persuna taħt it-18-il sena. L-emenda għal-liġi tikkonċerna biss l-iskadenza ta’ 72 siegħa, u xorta waħda huwa supponut li hija kundizzjoni li r-reat kriminali jiġi rrapportat lill-pulizija. L-iskadenza tneħħiet b’effett għal korrimenti kkawżati minn reati kriminali mwettqa wara l-1 ta’ April 2016.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Ipproċessar amministrattiv

L-applikazzjoni għal kumpens trid tiġi sottomessa lid-distrett tal-pulizija fejn tkun saret in-notifika tar-reat. L-applikazzjoni għandha tingħadda mill-pulizija lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali.

Jekk il-każ ikun għadu qed jiġi pproċessat mill-pulizija, mill-prosekutur jew mill-qrati, il-pulizija ma tissottomettix l-applikazzjoni lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali qabel ma jingħalaq il-każ. Madankollu, il-każ jista’ jiġi indirizzat mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali qabel ma jkun ġie ffinalizzat mill-pulizija, mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew mill-qrati f’ċerti ċirkustanzi.

Is-sitwazzjoni msemmija l-aħħar isseħħ f’każijiet rari ħafna u normalment biss b’rabta ma’ reati serji ħafna, tipikament omiċidji, meta għall-fini tas-superstiti jista’ jkun hemm bżonn speċjali li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens jew parti minnha, anki jekk il-każ ma jkunx għadu tlesta mill-pulizija jew mill-qrati.

Indipendentement minn kemm ikun serju każ, il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ma jistax jindirizzah qabel ma l-każ jingħalaq mill-pulizija jew mill-qrati jekk ikun hemm xi dubju affattu dwar jekk seħħx reat kriminali, jekk hemmx raġunijiet oġġettivi għall-impunità jew jekk jistax ikun hemm raġunijiet sabiex jitnaqqas il-kumpens minħabba t-tort tar-rikorrent.

Proċeduri tal-Qorti

It-talba tar-rikorrent għal kumpens trid issir matul il-proċeduri kriminali fil-qrati. F’dan il-każ, l-imħallef jista’ jagħżel li jeżamina l-merti tat-talba jew jipposponiha għall-eżami mill-Bord tad-Danimarka għall-Ilmenti dwar id-Danni Kriminali jew taħt azzjoni ċivili. Dan jista’ jiddependi minn jekk l-awtur jikkontestax it-talba.

Jekk it-talba ġiet indirizzata mill-qrati matul il-proċeduri kriminali, ir-rikorrent jista’ jibgħat ukoll l-applikazzjoni lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand it-trasgressur – jekk ikun ġie identifikat?

Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ma jagħtix kumpens jekk id-danni tar-rikorrent jiġu rimborżati mit-trasgressur jew ikunu koperti minn polza tal-assigurazzjoni jew minn benefiċċji oħra li jkunu fin-natura tal-kumpens għad-danni. Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ma jiħux deċiżjoni sakemm jiġi stabbilit jekk id-danni humiex koperti minn xi mkien ieħor.

Mhijiex kundizzjoni li l-ewwel irid isir tentattiv li d-danni jiġu rkuprati mingħand it-trasgressur jew li t-trasgressur irid ikun ġie identifikat.

Jekk it-trasgressur ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens?

Iva. Anki jekk kawża kriminali ma tkunx tista’ tiġi ppreżentata għaliex it-trasgressur ma jkunx magħruf jew ma jkunx jista’ jinstab, l-Istat jista’ jipprovdi kumpens. Madankollu, xorta waħda hemm kundizzjoni li l-kundizzjonijiet statutorji l-oħra jridu jiġu ssodisfati.

F’dawn il-każijiet, il--Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali għandu jagħmel valutazzjoni indipendenti dwar jekk seħħx korriment personali minħabba reat kriminali.

Hemm terminu perentorju li fih irrid nitlob kumpens?

Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ma jistax jipproċessa applikazzjoni ppreżentata aktar minn sentejn (2) wara li jkun twettaq ir-reat, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali għal din. Jekk tkun inqatgħet sentenza fil-kawża, l-iskadenza tibda minn meta tingħata l-kundanna kriminali. Jekk il-pulizija tkun investigat il-każ u, wara, ma tkun infetħet ebda kawża kriminali, l-iskadenza tibda miż-żmien tad-deċiżjoni tal-pulizija li twaqqaf l-investigazzjoni.

Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jista’ ma jipproċessax applikazzjoni wkoll jekk dan tal-aħħar ikun xtarr talbiet għad-danni fl-imgħoddi mingħand l-istess rikorrent għall-istess reat, u t-talba l-ġdida ssir aktar minn sentejn (2) wara li r-rikorrent intebaħ jew missu ntebaħ bl-eżistenza ta’ din it-talba, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali għaliex sar hekk.

Il-pulizija għandha obbligu li tipprovdi gwida lil rikorrent rigward l-aċċess għall-kumpens skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi. Jekk il-pulizija ma tkunx irrispettat dan l-obbligu, il--Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali normalment jinjora l-iskadenza ta’ sentejn (2).

Jekk ir-rikorrent kien minorenni meta twettaq ir-reat, il--Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ser ikollu probabbiltà akbar li jinjora l-iskadenza.

Liema telf u spejjeż huma koperti bil-kumpens?

  1. Għall-vittma tar-reat:
    • Dannu materjali (mhux psikoloġiku):
      • l-ispejjeż mediċi tal-korriment (il-kura medika - kura ambulanti u fl-isptar, l-irkupru). IVA
      • bżonnijiet jew spejjeż addizzjonali bħala riżultat tal-korriment (jiġifieri, kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija ta’ edukazzjoni fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.). IVA
      • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabbiltajiet permanenti oħra) IVA
      • telf ta’ qligħ waqt kura medika u wara (inkluż telf ta’ qligħ u telf tal-ħila li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.). IVA
      • telf ta’ opportunità LE
      • spejjeż marbuta mal-proċeduri legali relatati mal-inċident li kkawża d-dannu, bħal miżati legali, spejjeż tal-qorti. IVA f’xi każijiet F’każijiet speċjali, il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jista’ jiddeċiedi li r-rikorrent irid ikun ħallas, bis-sħiħ jew b’mod parzjali, l-ispejjeż li huwa jkun ġarrab b’rabta mal-immaniġġjar tal-każ mill-Bord. Ir-rikorrent qatt mhu ser ikollu jħallas għal xi spejjeż legali marbuta mal-kawża kriminali stess, peress li din tiġi ppreżentata mill-pulizija.
      • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li ġġarrab ħsara IVA Jitħallas kumpens għal ilbies u għal oġġetti personali li l-vittma kienet liebsa jew kellha fuqha meta seħħ il-korriment personali.
    • Dannu psikoloġiku (morali):
      • uġigħ u tbatija għall-vittma IVA Ara aktar ’il fuq għal affarijiet oħra li għalihom jista’ jiġu riċevuti kumpens jew id-danni.
  2. Għal persuni awtorizzati jew qraba ta’ vittma:
    • Dannu materjali (mhux psikoloġiku):
      • spejjeż tal-funeral IVA
      • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni) LE
      • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità IVA/LE Jitħallas kumpens għat-telf ta’ persuna li tkun is-sors ewlieni ta’ dħul. Ara d-dettalji aktar ’il fuq.
    • Ħsara psikoloġika:
      • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet. LE/IVA Ma jingħata l-ebda kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija għall-qraba u għal oħrajn. Madankollu, jista’ jingħata ammont tranżitorju. Ara aktar ’il fuq għal deskrizzjoni aktar dettaljata.

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?

Il-kumpens u r-rimborż mogħtija mill-Bord jitħallsu madwar 14-il jum wara d-deċiżjoni tal-Bord. Il-ħlas jiġi pproċessat mill-pulizija fid-distrett tal-pulizija fejn ġie rrapportat ir-reat.

Il-ħlas isir f’ammont wieħed għat-talbiet li ġew approvati bid-deċiżjoni individwali.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċeduri għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

Ir-regolamenti ġenerali dwar il-kumpens skont il-liġi tad-Danimarka japplikaw b’mod korrispondenti għal applikazzjonijiet għal kumpens u għal rimborż għal vittmi fil-każ ta’ reati, inklużi r-regolamenti rigward it-tnaqqis u t-tħassir tal-kumpens dovut għall-parteċipazzjoni tar-rikorrent fid-dannu jew l-aċċettazzjoni tar-riskju ta’ korriment. L-aċċettazzjoni tar-riskju tista’, pereżempju, tapplika għal korrimenti kkawżati b’rabta ma’ kunflitti bejn bikers/gangs.

Jekk parti li ġġarrab dannu ma tikkontribwixxix b’mod suffiċjenti għall-investigazzjoni tal-każ, id-dritt għal kumpens jista’ jintilef. Dan japplika, pereżempju, jekk il-parti li ġġarrab id-dannu tirrifjuta milli tagħti spjegazzjoni lill-pulizija jew lill-qorti.

Il-kumpens jista’ jitnaqqas jew jitħassar ukoll jekk ir-rikorrent jonqos milli jissodisfa l-obbligi standard tiegħu ta’ limitazzjoni tat-telf. Dan ifisser li l-persuna li tkun ġarrbet korriment minħabba mġiba inġusta ta’ xi ħadd ieħor għandha l-obbligu, sa fejn possibbli, li tillimita t-telf tagħha bħala konsegwenza tal-korriment.

Qatt ma tinxteħet xi enfasi fuq il-fedina penali tar-rikorrent meta tiġi pproċessata l-applikazzjoni. Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali normalment ma jfittixx li jikseb fedini penali.

Jekk rikorrent ma jweġibx għat-talba min-naħa tal-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali għas-sottomissjoni tad-dokumentazzjoni għat-talba rikjesta, dan in-nuqqas jista’ jaffettwa l-kumpens mogħti. Huwa d-dmir tar-rikorrent li jiddokumenta t-talbiet tiegħu b’mod sodisfaċenti.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Applikazzjoni tista’ tingħata prijorità jekk inti, pereżempju, ġejt imħarrek/imħarrka sabiex tidher quddiem il-qorti tal-bailiff, jekk ikun hemm informazzjoni disponibbli rigward preklużjoni ta’ dritt ipotekarju, jew jekk irċivejt ittri mingħand il-bank dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ spejjeż regolari.

Għal applikazzjonijiet għal qligħ mitluf, il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali huwa konxju li s-sors ta’ dħul tar-rikorrent naqas, u għalhekk jinxteħet fokus fuq dawn il-każijiet.

Għajr dawn imsemmija hawn fuq, ma tingħatax prijorità għal każ sempliċiment fuq il-bażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent ma għandha l-ebda impatt b’xi mod ieħor fuq il-possibbiltà li jikseb kumpens jew fuq l-ammont tal-kumpens.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Il-kumpens jew id-danni ma jingħatawx jekk id-danni għar-rikorrent jitħallsu mill-awtur jew ikunu koperti mill-benefiċċji tal-assigurazzjoni jew minn benefiċċji oħra li huma tal-istess tip bħall-kumpens propju.

Ir-rikorrent irid ikun ikkontribwixxa, sa fejn jista’ u sa kemm hemm bżonn, għall-investigazzjoni tal-każ mill-pulizija. Ħabi deliberat ta’ informazzjoni jew nuqqas ta’ rieda b’mod simili għall-għoti ta’ assistenza fl-investigazzjoni tal-każ normalment iwassal sabiex ma jingħata ebda kumpens.

Sabiex jikseb kumpens mill-Istat, hemm ukoll il-kundizzjoni li, matul kawża kriminali possibbli kontra t-trasgressur, ir-rikorrent irid ikun applika għal kumpens jew ħa pożizzjoni dwar dan quddiem il-qorti.

Skont ir-regolamenti ġenerali tal-liġi dwar id-delitt, irid ikun hemm konnessjoni kawżawli bejn ir-reat kriminali mwettaq u d-dannu.

Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?

Il-kumpens jiġi kkalkolat skont it-talba individwali u fuq il-bażi tal-ammont li ssir applikazzjoni għalih. Jekk int, bħala r-rikorrent, tkun iddokumentajt it-talba tiegħek biżżejjed, id-danni jiġu kkalkolati skont it-telf imġarrab. Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jikkalkola t-telf għal kull talba għal kumpens fuq il-bażi tar-regoli applikabbli (pereżempju l-qligħ mitluf jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn id-dħul mistenni u d-dħul propju matul il-perjodu li ssir applikazzjoni għalih). Jekk int ipprovdejt biss dokumentazzjoni għal partijiet mit-talba tiegħek, il-kumpens jingħata biss għall-ammont iddokumentat. F’xi każijiet, il-kalkolu tat-talba mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ser ikun ammont stmat. Dan jista’ jseħħ f’każijiet li fihom int ma stajtx tikkalkola t-talba tiegħek int stess.

Il-kumpens jiġi kkalkolat fuq bażi tariffarja. Diversi minn dawn ir-rati jiġu aġġustati darba fis-sena fl-1 ta’ Jannar. Fost affarijiet oħra, il-kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija jitħallas b’rata ta’ DKK 200 (2018) għal kull jum ta’ mard. Korriment permanenti jiġi kkalkolat skont il-gradi tal-korriment, u l-kumpens jitħallas għal kull grad tal-korriment, li huwa ta’ DKK 8,790 (2018) għal kull grad. Il-kumpens għal delitt u għal ksur serju jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-gravità u tan-natura tal-attakk li l-vittma kienet esposta għalih, inkluż liema reat kriminali jkun involut.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ma hemm ebda limitu ġenerali fuq kemm jista’ jitħallas bħala kumpens u bħala danni. Bħalissa, id-Danimarka m’għandhiex limitu minimu għall-ammonti li jistgħu jingħataw bħala kumpens u bħala danni. Madankollu, hemm ammont massimu għal ċerti affarijiet li għalihom jista’ jitħallas kumpens. Ara l-lista ta’ hawn taħt f’dan ir-rigward:

  • Uġigħ u tbatija DKK 76 500 (2018)
  • Korriment permanenti DKK 879 000 (2018)
  • Telf ta’ kapaċità ta’ qligħ DKK 9 227 500 (2018)
  • Ammont tranżitorju DKK 165 500 (2018)
  • Dannu fuq proprjetà DKK 132 000 (2018)

Id-danni għal korriment permanenti, f’każijiet eċċezzjonali, jistgħu jiġu vvalutati għal 120 fil-mija, f’liema każ l-ammont massimu huwa ta’ DKK 1 054 000 (2018).

Fil-formola tat-talba jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkolah jew dwar aspetti oħra?

Mhuwiex mistenni li għandu jiġi kkalkolat ammont totali għat-talbiet kollha li ssir applikazzjoni għalihom. Huwa mistenni li, minbarra l-elementi individwali li għalihom jista’ jitħallas kumpens, int iddaħħal l-ammont li għalih qed tfittex kumpens. Madankollu, mhijiex kundizzjoni li sabiex jingħata kumpens iridu jiġu kkalkolati t-talbiet kollha.

Ara l-paġna ta’ quddiem tal-formola ta’ applikazzjoni dwar kif inhu kkalkolat il-qligħ mitluf. Bħala rikorrent jew rikorrent potenzjali, int dejjem ikollok il-fakultà li tikkuntattja lill-Bord għal informazzjoni dwar kif tikkalkola u tiddokumenta t-talbiet tiegħek għad-danni. Tista’ tikseb ukoll gwida rigward liema fatturi huma enfasizzati b’rabta mal-elementi individwali li għalihom jista’ jitħallas kumpens.

Ma hemm ebda aspettattiva li se jiġi kkalkolat il-kumpens għal dannu psikoloġiku, peress li d-danni jiġu kkalkolati fuq bażi tariffarja b’rabta mal-firxa tad-dannu.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħall-skema ta’ assigurazzjoni privata jew tal-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ma jħallasx kumpens jekk id-danni għar-rikorrent jiġu rimborżati mill-awtur jew ikunu koperti minn polza tal-assigurazzjoni jew minn benefiċċji oħra li huma tal-istess tip bħad-danni propji. Għaldaqstant, bħala prinċipju, mhijiex kwistjoni ta’ jekk, pereżempju, il-pagament tal-assigurazzjoni jitnaqqasx meta l-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jipproċessa t-talba, iżda aktar kwistjoni ta’ min għandu jħallas il-kumpens. Jekk jinstab li l-kumpanija tal-assigurazzjoni rrifjutat milli tħallas kumpens, il-każ jista’ jittieħed f’kunsiderazzjoni mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali.

Jekk ir-rikorrent ikun ħa polza tal-assigurazzjoni privata kontra aċċidenti u jkun irċieva kumpens għall-invalidità jew kumpens għal korriment permanenti, dan mhux se jirriżulta fi tnaqqas jew fi tħassir tal-kumpens għad-dannu permanenti jew tal-kumpens għat-telf ta’ kapaċità ta’ qligħ. Il-kumpens lanqas ma jitnaqqas jekk ir-rikorrent ikun irċieva benefiċċji soċjali mill-pubbliku minħabba d-dannu (bħal pensjoni, sussidju fuq il-paga jew xi ħaġa simili).

Jekk ir-rikorrent ikun ħa polza tal-assigurazzjoni ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni tas-saħħa, l-ispejjeż tal-kura mhux se jiġu rimborżati meta l-ispejjeż ikunu ġew rimborżati mill-polza tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, ma jingħata ebda kumpens meta l-kura tkun tista’ tingħata b’xejn permezz tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika jew permezz ta’ servizzi pubbliċi oħra.

B’rabta mal-korrimenti fuq ix-xogħol, il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jista’ jħallas kumpens biss għall-uġigħ u għat-tbatija, kumpens għall-qligħ mitluf u għal talbiet differenzjali, kif ukoll kumpens għal delitt u għal ksur serju, peress li l-affarijiet l-oħra kollha, inkluż il-kumpens għall-irkupru tal-ispejjeż, eċċ., huma koperti permezz tal-assigurazzjoni statutorja tal-impjegatur għal korrimenti fuq il-post tax-xogħol.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Il-pożizzjoni fundamentali hija li l-kumpens u d-danni ma jitħallsux minn qabel, iżda biss wara l-ipproċessar finali tat-talba.

Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali għandu politika f’ċerti każijiet li jħallas il-kumpens għal korriment permanenti. Il-pożizzjoni fundamentali hija li l-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jistenna lill-Assigurazzjoni tas-Suq tax-Xogħol (Erhvervssikring) sabiex tiddeċiedi dwar il-grad ta’ kumpens, iżda jekk jitqies probabbli li r-rikorrent ikun ġarrab korriment permanenti sostanzjali unikament minħabba l-korriment, il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jista’ jagħti d-danni għal dan.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Iva. Jekk, wara deċiżjoni mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali, jinstab li l-korriment jeqleb għall-agħar u dan jirriżulta f’telf ulterjuri, dan it-telf jista’ jiġi pproċesat mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali. F'dan ir-rigward ta’ min jgħid li hemm skadenza ta’ sentejn (2) għall-preżentazzjoni tat-talba lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali. L-iskadenza ta’ sentejn (2) tiġi kkalkolata mill-mument li fih ir-rikorrent kien jaf jew missu kien jaf li d-dannu kkawża telf ulterjuri.

Il-kumpens għal spejjeż futuri ta’ rkupru u għal telf futur ieħor minħabba d-dannu huwa stabbilit għal ammont kapitali. Għaldaqstant, jekk ir-rikorrent diġà rċieva kumpens għall-ispejjeż futuri ta’ rkupru, eċċ., ir-rikorrent ma jistax aktar tard jerġa’ jinfetaħlu l-każ sempliċiment bl-għan li jirċievi kumpens addizzjonali għall-ispejjeż ta’ rkupru u għal telf ieħor.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Ma hemm ebda rekwiżit għar-rikorrent sabiex jippreżenta dokumenti ta’ sostenn flimkien mal-applikazzjoni. L-applikazzjoni tiġi ppreżentata lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali permezz tal-pulizija, li tibgħat id-dokumenti mill-fajls tal-każ kriminali.

Jekk il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għall-Korrimenti Kriminali jsib li l-applikazzjoni hija koperta mill-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi, il-Bord ikompli jikkunsidra t-talbiet ippreżentati. Meta jipproċessahom, il-Bord spiss ikollu bżonn dokumentazzjoni differenti skont it-talbiet li għalihom ir-rikorrent ikun applika għal kumpens. Ir-rikorrent jista’ jħaffef l-ipproċessar tal-każ jekk, flimkien mal-formola ta’ applikazzjoni, jippreżenta dokumentazzjoni għat-talbiet ippreżentati. Ikun ta’ benefiċċju wkoll għa-rikorrent li, flimkien mal-applikazzjoni, jippreżenta kwalunkwe rifjut mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħu sabiex tħallas il-kumpens għad-danni.

Pereżempju, id-dokumentazzjoni tista’ tikkonsisti f’irċevuti għall-ispejjeż relatati mal-ksur tal-Kodiċi Penali Daniż. Barra minn hekk, rekords mediċi u ċertifikati mediċi spiss jintużaw b’rabta mad-determinazzjoni tal-gravità tal-korriment. Rigward il-qligħ mitluf u t-telf tal-kapaċità ta’ qligħ, ir-rikorrent għandu jippreżenta dokumentazzjoni b'rabta mal-qligħ tiegħu kemm qabel kif ukoll wara l-korriment fil-forma ta’ slips tal-paga, dikjarazzjonijiet annwali u, jekk applikabbli, dikjarazzjoni tas-salarju mill-impjegatur tiegħu. F’ċerti każijiet jintużaw il-fajls muniċipali wkoll.

F’każijiet li fihom il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jqis li hemm bżonn ta’ dokumentazzjoni addizzjonali għall-ipproċessar tal-każ, il-Bord jiġbed l-attenzjoni tar-rikorrent għal dan u jitlob il-preżentazzjoni tat-tali dokumentazzjoni.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le. L-immaniġġjar tal-każ mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali huwa mingħajr ħlas għar-rikorrent.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Fid-Danimarka, tittieħed deċiżjoni dwar il-kumpens u d-danni għall-vittmi ta’ reat minn bord imwaqqaf mill-Ministru tal-Ġustizzja. Din l-awtorità tissejjaħ il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali.

Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll mill-qrati Daniżi matul kawża kriminali jew inkella f’kawża ċivili aktar tard, pereżempju jekk id-deċiżjoni tal-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali tiġi ppreżentata quddiem il-qrati.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

L-applikazzjoni trid tintbagħat lill-pulizija responsabbli għal fejn ġie rrapportat ir-reat kriminali. Imbagħad il-pulizija tibgħat il-każ lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali flimkien mal-fajls tal-kawża kriminali.

Jekk int diġà għandek każ li qed jiġi kkunsidrat mill-Bord, trid tissottometti kopja stampata tal-applikazzjoni lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali fuq l-indirizz li ġej: Toldboden 2, 2. sal, DK-8800 Viborg, jew diġitalment fuq erstatningsnaevnet@erstatningsnaevnet.dk.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Ipproċessar amministrattiv

Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jindirizza l-applikazzjonijiet fuq bażi bil-miktub. Id-deċiżjoni tittieħed bil-miktub u tintbagħat kopja stampata lir-rikorrent jew inkella tintbagħat kopja diġitalment. Għaldaqstant, ir-rikorrent m’għandux bżonn ikun preżenti matul il-proċeduri.

Proċeduri tal-Qorti

Jekk it-talba tiġi indirizzata mill-qrati matul il-proċeduri kriminali jew aktar tard b’azzjoni kontra l-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali, ir-rikorrent ikollu l-opportunità li jkun preżenti matul is-seduta prinċipali. Hawnhekk, mhuwiex rekwiżit li r-rikorrent ikun preżenti jekk ir-rikorrent ikun rappreżentat minn avukat u ma jkunx imħarrek sabiex jixhed il-qorti.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) sabiex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Iż-żmien għall-ipproċessar tal-każ għall-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jista’ jvarja b’mod konsiderevoli minn każ għal ieħor. Fost affarijiet oħra - skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ - dan huwa dovut għall-ħtieġa possibbli li tinkiseb informazzjoni addizzjonali mingħand aġenziji bħall-pulizija, it-tobba jew awtoritajiet oħra; bl-istess mod, f’każijet li jinvolvu korriment permanenti jew telf ta’ kapaċità ta’ qligħ, jista’ jkun hemm bżonn li l-każ jiġi ppreżentat lill-Assigurazzjoni tas-Suq tax-Xogħol, pass li jista’ jestendi ż-żmien tal-ipproċessar.

Aktar minn 50% tal-każijiet il-ġodda riċevuti mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jiġu pproċessati fi żmien 50 jum skont proċedura partikolarment rapida użata f’każijiet mhux ikkumplikati. Dawn jinkludu każijiet li fihom jittieħed ġudizzju finali kemm rigward il-kwistjoni tal-ħtija kif ukoll rigward l-ammont tal-kumpens.

Jekk il-każ ma jkunx jista’ jiġi solvut skont din il-proċedura partikolarment rapida, iż-żmien normali għall-ipproċessar tal-każ mill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali bħalissa huwa jlaħħaq mat-18-il xahar minn meta l-Bord jirċievi applikazzjoni ġdida għal kumpens.

Int tista’ tħaffef l-immaniġġjar tal-każ tiegħek billi tippreżenta evidenza tat-talbiet tiegħek lill-Bord. Id-dokumentazzjoni tista’ tkun tikkonsisti, pereżempju, f’irċevuti għax-xiri ta’ mediċina, f’ċertifikat mediku għall-perjodu ta’ mard jew dikjarazzjoni mingħand l-impjegatur tiegħek rigward l-introjtu mitluf bħala riżultat tad-dannu.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Id-deċiżjoni tal-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ma tistax tiġi appellata quddiem awtoritajiet amministrattivi oħra. Jekk tixtieq tbiddel id-deċiżjoni, l-ewwel trid tikkuntattja lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali u tispjega għaliex ma taqbilx mad-deċiżjoni. Imbagħad il-Bord jivvaluta jekk hemmx bażi għall-ftuħ mill-ġdid tal-eżaminazzjoni tal-każ. Il-kriterju normalment ikun li r-rikorrent jippreżenta informazzjoni ġdida u rilevanti li tkun importanti għall-eżitu tal-każ.

Jekk il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali jikkonferma d-deċiżjoni tiegħu, int tista’ titlob lill-qrati jeżaminaw mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali.

Hemm ukoll il-possibbiltà li tappella quddiem l-Ombudsman Parlamentari.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?

Formoli u informazzjoni dwar kif tapplika għal kumpens u għad-danni jistgħu jinkisbu mis-sit web tal-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Ir-rikorrenti li għandhom mistoqsijiet rigward il-kumpens għall-vittmi ta’ reat jistgħu jikkuntattjaw lill-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali fuq in-numru tat-telefown: + 45 33 92 33 34 bejn l-10.00 am u t-03.00 pm mit-Tnejn sal-Ħamis, u bejn l-10.00 am u s-02.00 pm nhar ta’ Ġimgħa.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Iva. Bħala l-parti li ġarrbet id-dannu matul kawża kriminali, f’ċerti kundizzjonijiet int jista’ jkollok id-dritt li jinħatarlek avukat ad litem. Huwa l-kompitu tal-avukat ad litem li jassisti fil-preżentazzjoni ta’ talbiet għad-danni kemm fi proċeduri kriminali kif ukoll quddiem il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali.

Il-Bord tad-Danimarka għall-Kumpens għad-Danni Kriminali ma jistax jaħtar avukat għar-rikorrent. Il-ħatra ssir mill-qorti fid-distrett tal-qorti fejn ikun seħħ ir-reat kriminali.

Barra minn hekk, jeżistu diversi organizzazzjonijiet għall-għajnuna legali fid-Danimarka.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

L-aħħar aġġornament: 05/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna