Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Repubblika Ċeka

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Iċ-Ċekja tipprovdi assistenza finanzjarja lill-vittmi ta’ reati li jkunu sofrew ħsara personali u lis-superstiti tal-vittmi li jkunu mietu bħala riżultat tar-reat. Barra minn hekk, il-persuni intitolati għall-assistenza finanzjarja jinkludu vittmi ta’ reati sesswali li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem u tfal abbużati.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

L-assistenza finanzjarja sservi biex tingħeleb is-sitwazzjoni soċjali li tkun iddeterjorat bħala riżultat tar-reat kriminali; ma tieħux post l-obbligu tal-awtur tar-reat li jagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata lill-vittma.

Is-superstiti jirċievu l-assistenza finanzjarja bħala somma f’daqqa; barra minn hekk anki vittmi li jkunu sofrew ħsara personali jistgħu jfittxu assistenza bħala somma f’daqqa (l-ammont tagħha jvarja skont il-gravità tal-konsegwenzi kkawżati) jew jistgħu jitolbu rimborż għall-ispejjeż tat-trattament jew kumpens għal qligħ mitluf. Vittmi ta’ reati sesswali li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem jew tfal vittmi ta’ abbuż jistgħu jitolbu rimborż tal-ispejjeż tat-terapija biex ittaffi l-ħsara morali subita.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, is-superstiti ta’ vittmi li jkunu mietu bħala riżultat ta’ reat għandhom id-dritt għal assistenza finanzjarja jekk is-superstitu jkun il-ġenitur, il-konjuġi, is-sieħeb/sieħba rreġistrat(a), il-wild jew ħu/oħt il-mejjet u kien qiegħed jgħix fl-istess dar mal-mejjet fil-mument tal-mewt, jew jekk is-superstitu huwa persuna li lilha l-mejjet kien jagħti jew kien obbligat li jagħti manteniment.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

F’dan il-każ, m’għandekx dritt għal assistenza finanzjarja.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Tista’, jekk għandek residenza permanenti jew legalment residenti fi Stat Membru ieħor tal-UE u sfajt vittma ta’ reat imwettaq fiċ-Ċekja, jew jekk ilek legalment residenti fiċ-Ċekja għal aktar minn 90 jum u sfajt vittma ta’ reat imwettaq hawn, jekk tkun applikajt għal protezzjoni internazzjonali fiċ-Ċekja jew jekk tkun ingħatajt asil jew protezzjoni sussidjarja, jew, fejn rilevanti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi trattat internazzjonali.

Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk inti ċittadin(a) taċ-Ċekja, inti intitolat(a) għal assistenza finanzjarja miċ-Ċekja, irrispettivament mill-pajjiż li fih sar ir-reat li tiegħu sfajt vittma.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva, dan huwa meħtieġ.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

M’hemmx bżonn li tistenna r-riżultat tal-investigazzjoni; l-assistenza finanzjarja tista’ tingħata jekk l-investigazzjoni eżistenti tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi turi li m’hemm l-ebda dubju li r-reat sar u li l-kundizzjonijiet legali għall-intitolament għal assistenza finanzjarja ġew issodisfati.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand min wettaq ir-reat - jekk ikun ġie identifikat?

Jekk ma titlobx kumpens għad-danni mingħand min wettaq ir-reat, l-assistenza finanzjarja tista’ titnaqqas jew saħansitra ma tingħatax.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

F’dan il-każ hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn sitwazzjoni li fiha l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf u sitwazzjoni li fiha l-persuna mħarrka għar-reat ma tkunx instabet ħatja, minkejja li jkun ovvju li r-reat ikun sar (jiġifieri, ir-reat sar, iżda seta’ sar minn xi ħadd ieħor). F’dan il-każ, għandek id-dritt għall-assistenza finanzjarja. Madankollu, jekk il-ħati jkun ġie lliberat minħabba li l-att imħarrek mhuwiex reat, ma jistax ikollok id-dritt għall-assistenza finanzjarja. Talba tiġi primarjament ivvalutata abbażi ta’ evidenza miġbura mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; il-kompitu tiegħek huwa li turi l-ammont ta’ ħsara subita u, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe ħsara li tista’ titqies (spejjeż ta’ trattamenti u qligħ mitluf).

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

It-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien sentejn minn meta sirt taf bil-ħsara, iżda mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tar-reat. Wara li jiskadi wieħed minn dawn il-limiti ta’ żmien, id-dritt għall-assistenza ma jibqax jeżisti.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

(a) Għall-vittmi ta’ reat:

- ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi relatati ma’ korrimenti (kura medika - kura outpatient u fi sptar, konvalexxenza) - IVA
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali bħala riżultat ta’ korrimenti (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, riabilitazzjoni fit-tul, aġġustamenti fid-dar, għajnuniet speċjali, eċċ.)
  • fil-każ ta’ spejjeż relatati direttament mal-korrezzjoni tas-saħħa, allura iva (għajnuniet speċjali, kura medika jew riabilitazzjoni)
  • korrimenti b’konsegwenzi permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • profitti mitlufa waqt u wara l-kura medika (inklużi profitti mitlufa u telf ta’ kapaċità li wieħed jaqla’ l-għajxien jew tnaqqis fil-mezzi ta’ sussistenza, eċċ.) - IVA
    • telf ta’ opportunità - LE
    • spejjeż assoċjati ma’ proċedimenti ġudizzjarji relatati mal-avveniment li jkun wassal għall-ħsara inkwistjoni, bħal spejjeż legali, spejjeż tal-qorti) - LE
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara - LE
    • Oħrajn - LE

- ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma - LE

(b) Fil-każ ta’ persuni awtorizzati jew qraba tal-vittma:

- ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral - LE
  • spejjeż relatati mal-kura tas-saħħa (eż. terapija ta’ membru tal-familja, kura outpatient u fi sptar, riabilitazzjoni) - LE
  • telf ta’ mezzi ta’ sussistenza jew telf ta’ opportunitajiet - LE

- ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni awtorizzati / kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet - LE

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?

L-assistenza finanzjarja titħallas f’darba.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

L-istorja kriminali tiegħek ma tiddeterminalekx id-dritt tiegħek għall-assistenza finanzjarja; madankollu, jekk ma tikkooperax mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jissolva r-reat, ma tistax tingħata assistenza finanzjarja. Barra minn hekk ma tingħatax assistenza jekk tkun ipparteċipajt bħala kompliċi għar-reat.

Jekk ma tipprovdix il-kooperazzjoni meħtieġa fil-proċedura ta’ assistenza finanzjarja, il-proċedura tista’ tiġi tterminata jew it-talba tiegħek tista’ tiġi miċħuda.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

F’każ biss fejn ikun ovvju li s-sitwazzjoni soċjali tiegħek ma tkunx iddeterjorat bħala riżultat tar-reat, inti tista’ ma tingħatax assistenza finanzjarja.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Jekk b’xi mod tkun ikkontribwejt għall-ħsara, l-assistenza finanzjarja tista’ titnaqqas jew ma saħansitra ma tingħatax.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Vittmi li jkunu sofrew ħsara minuri għas-saħħa jistgħu jitolbu assistenza bħala somma f’daqqa ta’ CZK 10 000.

Vittmi li jkunu sofrew ħsara serja għas-saħħa jistgħu jitolbu assistenza bħala somma f’daqqa ta’ CZK 50 000.

Minflok assistenza bħala somma f’daqqa, vittmi li jkunu sofrew ħsara għas-saħħa jistgħu jitolbu sa CZK 200 000 f’assistenza finanzjarja, ekwivalenti għall-ispejjeż tat-trattament u/jew għal qligħ mitluf li dwarhom ikunu ppreżentaw evidenza li tixhed dan.

Is-superstiti huma intitolati għal assistenza finanzjarja li titħallas bħala somma f’daqqa ta’ CZK 200 000, ħlief għall-aħwa, li huma intitolati għal assistenza ta’ CZK 175 000.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Bħala vittma ta’ reat li tkun ġarrabt ħsara għas-saħħa jew bħala superstitu, inti tista’ tingħata sa CZK 200 000; barra minn hekk, f’każ ta’ mewt, l-assistenza finanzjarja totali mogħtija lis-superstiti kollha ma tistax taqbeż is-CZK 600 000, u jekk ikun hemm aktar superstiti, l-għajnuna mogħtija għandha tiġi mnaqqsa proporzjonalment sabiex ma jinqabiżx l-ammont massimu tal-assistenza finanzjarja.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

F’każ biss ta’ assigurazzjoni li tkopri l-obbligu tal-awtur tar-reat li jagħti kumpens għall-ħsara kkawżata, li, skont il-liġi Ċeka, huwa prattikament possibbli fil-każ ta’ inċidenti tat-traffiku u fuq il-post tax-xogħol.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Fil-każ ta’ assistenza finanzjarja ma jingħatawx ħlasijiet bil-quddiem.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar, eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Iva, sal-ammont massimu permissibbli ta’ assistenza finanzjarja.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • prokura, prova ta’ relazzjoni familjari mal-vittma
  • ċertifikat tal-mewt tal-vittma
  • kopja tar-rapport tal-pulizija
  • kopja tad-deċiżjoni tal-qorti
  • dokumentazzjoni dwar is-saħħa
  • kontijiet tal-isptar jew kontijiet għal spejjeż relatati
  • kontijiet għal spejjeż ta’ kura
  • irċevuti

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

It-talba għandha tiġi deċiża fi żmien 3 xhur.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Billi tippreżenta rikors amministrattiv fil-qorti.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?

Fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja, mingħand NGOs li jiffokaw fuq il-vittmi tal-kriminalità, u mis-Servizz ta’ Probation u ta’ Medjazzjoni.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Le.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Iva, iżda trid tħallas int għal dawn l-ispejjeż.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

L-akbar waħda hija Bílý kruh bezpečí (Ċirku Abjad ta’ Sigurtà); anki s-Servizz ta’ Probation u ta’ Medjazzjoni taċ-Ċekja jgħin lill-vittmi.

L-aħħar aġġornament: 25/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna