Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Għal liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens?

Tista’ tikseb kumpens għal ċertu numru ta’ reati intenzjonati li jinvolvu l-użu tal-vjolenza, li jsiru fir-reġjuni kkontrollati mir-Repubblika ta’ Ċipru u li jissemmew fil-liġi nazzjonali (eż. offiżi serji fuq il-persuni, qtil premeditat).

Għal liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens?

Tista’ tikseb kumpens għal korriment fiżiku serju jew għal problemi ta’ saħħa li, abbażi ta’ opinjoni medika, jirrikjedu rikoveru l-isptar jew l-astensjoni mix-xogħol għal perjodu ta’ mill-inqas 8 ijiem.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien qarib(a) jew dipendenti ta’ vittma li mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Iva, tista’ tikseb kumpens jekk int dipendenti ta’ vittma li mietet b'riżultat tar-reat, jiġifieri l-konjuġi u/jew it-tifel/tifla tal-vittma.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien qarib(a) jew dipendenti ta’ vittma li baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Le, ma tistax tikseb kumpens jekk int qarib(a) jew dipendenti ta’ vittma li baqgħet ħajja.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin(a) ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, tista’ tikseb kumpens jekk m’intix ċittadin(a) tal-UE, diment li int ċittadin(a) ta’ Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa u residenti permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru, jew jekk int ċittadin(a) ta’ stat li huwa parti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Kumpens għall-Vittmi ta’ Reati Vjolenti.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jekk jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, ma tistax titlob kumpens minn dan il-pajjiż, jekk int tgħix hawn jew int tkun minn hawn, għal reat li jkun sar f’pajjiż ieħor tal-UE. Il-kumpens jingħata biss għal reati li jsiru fir-reġjuni kkontrollati mir-Repubblika ta’ Ċipru.

Għandi bżonn nirrapporta r-reat lill-pulizija l-ewwel, sabiex inkun nista’ nitlob kumpens?

Iva, trid tirrapporta r-reat lill-pulizija fi żmien ħamest ijiem mid-data ta' meta jkun sar jew, jekk ma jkunx raġonevolment fattibbli li jsir dan sa dik l-iskadenza, fi żmien ħamest ijiem mill-mument meta kien raġonevolment fattibbli biex tirrapportah.

Għandi nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew ta' proċeduri kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le, it-talba għal kumpens trid issir fi żmien sentejn mir-reat irrispettivament minn jekk l-investigazzjoni tal-pulizija u/jew il-proċeduri kriminali jkunux għaddejjin.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mill-awtur tar-reat – jekk dan ikun ġie identifikat?

Iva, qabel ma tkun tista’ titlob kumpens, jeħtieġ li l-ewwel tfittex kumpens mill-awtur tar-reat, jekk dan ikun ġie identifikat. Madankollu, it-talba għal kumpens trid issir fi żmien sentejn minn meta jkun sar ir-reat, irrispettivament minn jekk tkunx għadha għaddejja l-azzjoni kontra l-awtur tar-reat.

Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva, int xorta se tkun intitolat(a) għal kumpens jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat. Int trid tippreżenta rapport tal-pulizija li juri li l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Iva, l-iskadenza biex ttitlob kumpens hija sentejn mid-data minn meta jkun sar ir-reat.

X’tip ta’ telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?

a) Għall-vittma tar-reat:

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • l-ispejjeż mediċi tal-korriment (il-kura medika — il-kura biex il-vittma terġa’ timxi u fl-isptar, l-irkupru)

Kura tas-saħħa mingħajr ħlas tingħata mill-istituzzjonijiet u mis-servizzi tas-saħħa pubblika sal-ammont ta’ EUR 1 709.

  • bżonnijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn korriment (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)

Inklużi fl-ammont t’hawn fuq.

  • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabbiltajiet permanenti oħra)

Fil-każ ta’ inkapaċità permanenti għax-xogħol, tingħata pensjoni tad-diżabbiltà. L-ammont huwa ugwali għat-tnaqqis fil-perċentwal fil-kapaċità għax-xogħol immultiplikat bil-pensjoni bażika sħiħa li tingħata skont il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali.

  • telf ta’ qligħ waqt u wara l-kura medika (inklużi qligħ mitluf u telf jew tnaqqis fil-ħila li l-persuna taqla’ l-għajxien, eċċ.)

Fil-każ ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, jingħata benefiċċju tal-mard għal perjodu ta’ massimu ta’ sitt xhur. L-ammont huwa ugwali għall-benefiċċju tal-mard bażiku sħiħ imħallas skont il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali.

  • telf ta’ opportunità

Mhux applikabbli.

  • spejjeż relatati ma' proċeduri legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara, bħall-ispejjeż tal-avukat, l-ispejjeż tal-qorti)

Mhux applikabbli.

  • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara

Mhux applikabbli.

  • oħrajn

Mhux applikabbli.

- Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma

Mhux applikabbli.

(b) Għal persuni awtorizzati jew qraba ta’ vittma:

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral

Tingħata għotja għall-funeral. L-ammont huwa ugwali għall-għotja għall-funeral imħallsa skont il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali.

  • spejjeż mediċi (eż. kura għal membru tal-familja, kura għal pazjenti ta’ barra jew ta’ ġewwa, riabilitazzjoni)

Mhux applikabbli.

  • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità

Tingħata pensjoni tas-superstiti jew jingħata benefiċċju tal-iltima. L-ammont huwa ugwali għall-pensjoni bażika sħiħa jew il-benefiċċju bażiku sħiħ imħallas skont il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali.

- Trawma psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet

Mhux applikabbli.

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti ta’ kull xahar?

Il-kumpens jitħallas f’somma waħda iżda l-pensjoni tad-diżabbiltà, il-pensjoni tas-superstiti u l-benefiċċji għall-iltima jitħallsu fuq bażi ta’ kull xahar.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Mhux se jitħallas kumpens meta ssir vittma ta’ reat tiegħek stess, tkun involut(a) fil-kriminalità organizzati, jew tkun membru ta’ organizzazzjoni li tkun involuta f'reati ta’ vjolenza, anki jekk l-att kriminali vjolenti li tisfa’ vittma tiegħu ma jkunx rilevanti jew ma tkunx ħadt sehem fih.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax il-probabbiltà li tirċievi kumpens.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Jekk tonqos jew tirrifjuta milli tikkoopera bis-sħiħ mal-pulizija jew awtorità kompetenti oħra.

Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?

Il-kumpens jiġi kkalkolat bil-mod imsemmi fil-mistoqsija t’hawn fuq: “X’tip ta’ telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?”

Hemm ammont minimu u/jew massimu li jista’ jingħata?

Ma hemm l-ebda ammont minimu ta’ kumpens. L-ammont massimu li jista’ jingħata huwa msemmi fil-mistoqsija t’hawn fuq: “X’tip ta’ telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?”

Fil-formola tal-pretensjoni jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Le, dan m’hemmx għalfejn isir.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva, kwalunkwe kumpens li jiġi rċevut minn sorsi oħra jitnaqqas.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, b'liema kundizzjonijiet?

Le, ma tistax.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Le, ma tistax.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mal-pretensjoni tiegħi?

Trid tippreżenta rapport tal-pulizija u ċertifikat mediku flimkien mat-talba għal kumpens. Tista’ tintalab tippreżenta xi wieħed mid-dokumenti msemmija hawn taħt jew kollha kemm huma:

  • prokura/prova ta’ awtorità jew relazzjoni mal-vittma
  • ċertifikat tal-mewt tal-vittma
  • kopja tar-rapport tal-pulizija
  • kopja tas-sentenza/tad-deċiżjoni tal-qorti
  • rapporti u ċertifikati mediċi
  • kontijiet tal-isptar
  • kontijiet għal spejjeż oħra (kura, funeral)
  • dħul (salarju, pagamenti ta’ protezzjoni/assistenza soċjali)
  • konferma tal-ġbir (jew in-nuqqas) ta’ ammonti ta’ flus rilevanti minn sorsi oħra (assigurazzjoni tal-impjegatur, assigurazzjoni privata)
  • rekord kriminali
  • kwalunkwe dokument ta’ sostenn ieħor relatat mal-każ tiegħek

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu meta tasal il-pretensjoni u tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar pretensjonijiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Id-Direttur tas-Servizzi tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Fejn għandi nippreżenta l-pretensjoni (f’każijiet nazzjonali)?

Tista’ tippreżenta l-pretensjoni tiegħek bl-idejn jew tibgħatha bil-posta fl-indirizz li ġej: Social Insurance Services, 7 Lord Byron Ave., 1465, Nicosia, Ċipru.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta l-pretensjoni tiegħi tkun qed tiġi deċiża?

Le, dan m’hemmx għalfejn isir.

Kemm irid jgħaddi żmien (bejn wieħed u ieħor) biex tiġi ppubblikata deċiżjoni mill-awtorità kompetenti dwar pretensjoni għal kumpens?

Iridu jgħaddu 6 xhur mid-data meta l-informazzjoni kollha tkun disponibbli biex tittieħed deċiżjoni.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Tista’ tikkontesta d-deċiżjoni billi tressaq pretensjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva fi żmien 75 jum tad-deċiżjoni.

Fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nippreżenta l-pretensjoni?

Tista’ ssib il-formoli tal-pretensjoni u informazzjoni dwar il-kumpens – bil-Grieg u bl-Ingliż – fl-uffiċċji tas-Servizzi tal-Assigurazzjoni Soċjali jew fuq is-sit web tas-Servizzi tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Ma hemm l-ebda linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali għall-kumpens. Tista’ tikseb informazzjoni billi tikkuntattja direttament lis-Servizzi tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji l-pretensjoni?

Tista’ tapplika għal għajnuna legali fir-rigward tal-proċeduri tal-każ tiegħek. M’hemm l-ebda għajnuna legali għat-tħejjija tat-talbiet għal kumpens li jiġu ppreżentati lil din l-awtorità.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Tista’ tikseb informazzjoni u titlob kumpens billi tikkuntattja direttament lis-Servizzi tal-Assigurazzjoni Soċjali.

L-aħħar aġġornament: 07/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna