Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Tista’ tapplika għal kumpens jekk tkun vittma ta’ reat intenzjonat vjolenti kommess fit-territorju Kroat li rriżulta f’dannu serju lill-ġisem jew ħsara serja għas-saħħa jew mewt.

Reat ta’ vjolenza huwa:

  1. Kwalunkwe reat imwettaq b’intenzjoni u bil-forza jew billi tinkiser l-integrità sesswali ta’ persuna oħra
  2. Kwalunkwe reat li jipperikola l-ħajja u l-proprjetà minħabba azzjoni ġeneralment meqjusa bħala perikoluża jew bl-użu ta’ strument li kkawża l-mewt, dannu serju lill-ġisem jew ħsara serja lis-saħħa ta’ persuna waħda jew aktar, u li ġie provdut mill-Kodiċi Kriminali bħala forma gravi ta’ reat intenzjonat fundamentali.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ nikseb kumpens?

  • M’hemm l-ebda kumpens għal danni in ġenerali. Sabiex tikkwalifika għal kumpens, reat vjolenti jrid jirriżulta f’dannu serju lill-ġisem jew ħsara serja lis-saħħa jew mewt.
  • Il-vittmi immedjati huma intitolati għal kumpens għal telf ta’ qligħ sa HRK 35 000 jekk twettaq reat vjolenti li rriżulta f’dannu serju lill-ġisem jew ħsara serja lis-saħħa, u jekk – skont jekk jiġux sodisfatti l-pattijiet u l-kondizzjonijiet l-oħra kollha fl-Att – jista’ jiġi ppruvat li dan irriżulta f’telf ta’ qligħ.
  • Il-vittmi immedjati huma intitolati għal rimborż għal spejjeż mediċi jekk twettaq reat vjolenti li rriżulta f’dannu serju lill-ġisem jew ħsara serja lis-saħħa, u jekk – skont jekk jiġux sodisfatti l-pattijiet u l-kondizzjonijiet l-oħra kollha fl-Att – tista' tingħata prova li dan irriżulta fi spejjeż mediċi li l-vittma kellha tħallas hi stess. Dawn l-ispejjeż mediċi jistgħu jintalbu sal-livell limitu tal-kura tas-saħħa stabbilit fir-regolamenti dwar assigurazzjoni obbligatorja tal-kura tas-saħħa fir-Repubblika tal-Kroazja, sakemm dawn l-ispejjeż jiġu rikonoxxuti biss jekk il-vittma immedjata ma tkunx intitolata għal rimborż ta’ spejjeż fuq il-bażi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa.
  • Vittmi indiretti huma intitolati għal kumpens minħabba telf ta’ manteniment statutorju jekk il-vittma immedjata tkun mietet mill-konsegwenzi tar-reat vjolenti u jekk – skont jekk jiġux issodisfati l-pattijiet u l-kondizzjonijiet l-oħra kollha fl-Att – jista’ jiġi ppruvat li l-vittma indiretta tilfet dan il-manteniment statutorju. Jekk il-vittma indiretta tkun intitolata għall-benefiċċji mill-iskema obbligatorja tal-assigurazzjoni tal-pensjoni, imbagħad ma tkunx intitolata għal kumpens minħabba telf ta’ manteniment statutorju. Il-kumpens minħabba telf ta’ manteniment statutorju jista’ jiġi rikonoxxut sa total ta’ HRK 70 000 għall-vittmi indiretti kollha.
  • Persuni li ħallsu għall-ispejjeż tal-funeral ta’ persuna li mietet bħala vittma immedjata ta’ reat intenzjonat vjolenti huma intitolati għal rimborż tal-ispejjeż tal-funeral, u jekk – skont jekk jiġux issodisfati l-pattijiet u l-kondizzjonijiet l-oħra kollha fl-Att – jista’ jiġi ppruvat li huma koprew l-ispejjeż tal-funeral. L-ispejjeż tal-funerali jistgħu jiġu rikonoxxuti sa HRK 5 000.

Nista’ nikseb kumpens jekk inkun qarib jew dipendenti ta’ vittma li mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

  • IVA, qraba jew dipendenti ta’ vittmi ta’ reat mejta jistgħu jiksbu kumpens minħabba telf ta’ manteniment statutorju u rimborż tal-ispejjeż standard tal-funeral.
  • Il-liġi ssejjaħ lil dawn il-qraba jew membri tal-familja “vittmi indiretti”. Qraba jew membri tal-familja (jiġifieri vittmi indiretti bil-liġi) huma: konjuġi, sieħba, tfal, ġenituri, dawk li ġew adottati, dawk li adottaw, ommijiet tar-rispett, missirijiet tar-rispett, tfal tar-rispett u sieħba tal-istess sess li magħhom kienet tgħix il-vittma immedjata; nanniet u neputijiet biss jekk huma vittmi immedjati nfushom, meta kienu jgħixu b’mod permanenti flimkien u n-nanniet ħadu post il-ġenituri tal-vittma immedjata.
  • L-eżistenza ta’ sħubijiet mhux maritali u tal-istess sess hija vvalutata skont il-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja.

Nista’ nikseb kumpens jekk inkun qarib jew dipendenti minn vittma li salvat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

  • LE, qraba jew membri tal-familja dipendenti ma jistgħux jiksbu kumpens jekk il-vittma salvat wara l-attakk.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

  • Il-kumpens huwa eliġibbli biss għal vittmi li huma ċittadini tal-Kroazja jew li joqogħdu fir-Repubblika tal-Kroazja, jiġifieri jekk huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE jew għandhom residenza permanenti fit-territorju tiegħu.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawn jew jekk jien minn hawn (dan huwa pajjiż tar-residenza jew nazzjonalità tiegħi) anke jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liem kundizzjonijiet?

LE, il-vittma ma tistax titlob kumpens mir-Repubblika tal-Kroazja jekk ir-reat twettaq fit-territorju ta’ stat ieħor. Ir-Repubblika tal-Kroazja tħallas biss kumpens diment li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stipulati fl-Att jiġu ssodisfati, u biss jekk ir-reat vjolenti jkun twettaq fit-territorju tiegħu (f’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Kroazja ma tħallasx kumpens għal reati mwettqa f'pajjiż ieħor).

Għandi nkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija qabel inkun nista’ nitlob kumpens?

  • IVA, sabiex tkun tista’ titlob kumpens, ir-reat għandu jiġi rrappurtat jew reġistrat mal-pulizija jew mal-uffiċċju tal-prosekutur bħala reat.
  • Ċertifikat tal-pulizija li l-inċident ġie rreġistrat jew irrappurtat bħala reat irid jiġi sottomess mat-talba għall-kumpens.
  • Fuq it-talba tal-vittma, il-pulizija hija obbligata toħroġ ċertifikat li jikkonferma li l-inċident in kwistjoni kien irrappurtat jew irreġistrat bħala reat.

Għandi nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew proċedimenti kriminali qabel ma nista’ nitlob kumpens?

  • LE, m’għandekx tistenna lir-riżultat ta’ xi investigazzjonijiet tal-pulizija jew proċeduri kriminali.
  • Id-dritt għal talba jista’ jiġi eżerċitat irrispettivament mill-fatt jekk l-awtur tar-reat hux magħruf u jekk inbdewx proċeduri kriminali.

Għandi nfittex kumpens mill-ħati l-ewwel – jekk ġie identifikat?

  • LE, m’għandekx tfittex kumpens mill-ħati l-ewwel.
  • Sottomissjoni ta’ talba skont l-Att tal-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità (Zakon o novčanoj naknadi žrtvama kaznenih djela, minn hawn ‘il quddiem: Att) ma jeskludix id-dritt tal-vittma li teżerċita d-dritt li tirċievi kumpens mingħand il-ħati;
  • Meta l-vittma tkun issottomettiet talba skont l-Att, u eżerċitat id-dritt li tirċievi kumpens direttament mingħand il-ħati, dan il-kumpens huwa inkluż fil-kumpens mitlub mill-vittma skont l-Att;
  • Jekk il-kumpens riċevut mill-ħati jissodisfa kompletament it-talba, it-talba mressqa skont l-Att hija miċħuda. Jekk il-proċedimenti dwar din it-talba jkunu diġà ġew konklużi, iżda l-ħlas ikun għadu ma sarx, tittieħed deċiżjoni biex il-kumpens ma jitħallasx;
  • Jekk l-istat diġà għamel ħlas lill-vittma skont l-Att, u l-vittma tirċievi kumpens sħiħ jew parzjali mill-ħati, allura l-istat għandu d-dritt għal rikors kontra l-vittma, għall-ammont irċevut direttament mingħand il-ħati, iżda sa massimu tal-ammont li ħallas lill-vittma.
  • Malli tirċievi ħlas ta’ kumpens mill-istat skont l-Att, il-vittma ma tibqax intitolata li titlob dan il-kumpens mill-ħati, peress li issa l-istat għandu d-dritt għal rikors kontra l-ħati.

Jekk il-ħati ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, nista’ nikkwalifika għall-kumpens xorta? Jekk iva, liema evidenza għandi bżonn nippreżenta bħala sostenn għat-talba tiegħi?

  • IVA, r-rikorrent għandu jinkludi d-dokumenti kollha ġeneralment meħtieġa li jsostnu t-talba tiegħu għal kumpens, li huma elenkati fil-formola tat-talba uffiċjali li tiġi sottomessa irrispettivament mill-fatt jekk il-ħati jkunx ġie identifikat jew ikkundannat jew jekk ikunux inbdew il-proċedimenti kriminali.
  • B’mod ġenerali, it-talba hija appoġġata minn: ċertifikat tal-pulizija li l-inċident ġie rreġistrat jew irrappurtat bħala reat, prova tan-nazzjonalità, ċertifikat ta’ residenza, ċertifikat tal-mewt tal-vittma, dikjarazzjoni ċċertifikata tar-rikorrent li d-dritt li jirċievi kumpens skont L-Att tal-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità ma ġiex eżerċitat fuq bażi legali differenti, id-dokumenti mediċi tal-vittma li fuq il-bażi tagħhom jintalab kumpens (formola ta’ applikazzjoni tal-isptar, konklużjonijiet u rapporti mediċi, rapport tal-ħruġ mill-isptar, rapport tal-leave minħabba mard, irċevuti relatati mas-saħħa), irċevuti għall-ispejjeż standard tal-funeral, ċertifikati jew dokumenti rilevanti oħra li jistgħu jkunu sinifikanti meta jiġi deċiż il-kumpens.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

  • IVA, it-talba trid tiġi sottomessa mhux aktar tard minn sitt xhur mill-jum meta r-reat iddikjarat fl-applikazzjoni jkun twettaq.
  • Jekk il-vittma ma setgħetx tissottometti t-talba f’dak il-perjodu ta’ żmien għal raġunijiet iġġustifikati, it-talba għandha tiġi sottomessa mhux aktar minn tliet xhur mid-data meta r-raġunijiet iġġustifikati waqfu, u mhux aktar minn tliet snin mill-jum li r-reat ġie kommess. (Il-vittma jeħtiġilha tiddikjara u turi r-raġunijiet ġustifikati)
  • Jekk il-vittma hija minuri jew persuna mċaħħda mill-kapaċità legali u r-rappreżentant legali tagħha ma jkunx issottometta talba fi żmien 6 xhur mid-data li fiha twettaq ir-reat, l-iskadenza ta’ sitt xhur tibda mill-ġurnata li fiha l-persuna tilħaq l-età ta’ 18-il sena jew mill-jum meta, wara li l-vittma tkun saret adult, inbdew il-proċedimenti kriminali, jew mill-ġurnata meta l-kapaċità legali tal-persuna ġiet restawrata.

X’tip ta’ telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?

(a) Għall-vittma tar-reat:

- Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż mediċi tal-korriment (kura medika — trattament ambulatorju u fl-isptar, irkupru)
    • Il-vittma immedjata għandha d-dritt għal kumpens tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li jammontaw għal-limitu tal-kura tas-saħħa stabbilit fir-regolamenti dwar assigurazzjoni obbligatorja tal-kura tas-saħħa fir-Repubblika tal-Kroazja. Dawn l-ispejjeż huma rikonoxxuti biss jekk il-vittma immedjata ma tkunx intitolata għal rimborż ta’ spejjeż fuq il-bażi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa.
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn korriment (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija ta’ edukazzjoni fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)
    • Ara r-risposta għall-ewwel punt (dritt għal kumpens tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li jammontaw għal-limitu tal-kura tas-saħħa stabbilit fir-regolamenti dwar assigurazzjoni obbligatorja tal-kura tas-saħħa fir-Repubblika tal-Kroazja.).
  • korrimenti permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħrajn)
    • telf ta’ qligħ waqt kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.).
  • Il-vittmi immedjati huma intitolati għal kumpens għall-qligħ mitluf, li jingħata bħala pagament uniku li jammonta għal massimu ta’ HRK 35 000.
    • telf ta’ opportunità
    • spejjeż marbutin mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-korriment, pereżempju tariffi legali u spejjeż tal-qorti)
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara
    • Oħrajn.

- Dannu psikoloġiku (morali):

  • LE
    • uġigħ u tbatija tal-vittma
  • LE

(b) Għall-persuni intitolati jew qraba tal-vittma:

- Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż tal-funeral
Spejjeż tal-funeral standard li jammontaw għal massimu ta’ HRK 5 000.
  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, trattament ambulatorju u fl-isptar, riabilitazzjoni)
  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità

Vittmi indiretti li jirċievu manteniment mill-vittma immedjata li mietet bħala riżultat tal-konsegwenzi tar-reat vjolenti għandhom id-dritt għal kumpens minħabba telf ta’ manteniment legali. Dan il-kumpens jingħata bħala pagament uniku fuq il-bażi ta’ kalkoli attwarji li jibdew mill-pensjoni tal-familja l-iktar baxxa taħt l-Att tal-Assigurazzjoni tal-Pensjoni (Zakon o mirovinskom osiguranju) ikkalkulat skont reġistru ta’ ħames snin ta’ xogħol u l-perjodu mistenni ta’ manteniment tal-vittma indiretta. Il-kumpens jingħata biss jekk il-vittma indiretta ma tkunx intitolata għall-benefiċċji mill-assigurazzjoni statutorja tal-pensjoni. Il-kumpens jista’ jingħata sa massimu ta’ HRK 70 000 għall-vittmi indiretti kollha.

- Dannu psikoloġiku:

  • LE
    • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens lis-superstiti jekk il-vittma tkun mietet
  • LE

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti fix-xahar?

  • Il-kumpens isir f’pagament wieħed.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u / jew l-ammont li nirċievi?

  • Meta tittieħed deċiżjoni dwar id-dritt għal kumpens, jitqiesu l-azzjonijiet tal-vittma immedjata qabel, fil-mument ta’ u wara li jkun sar ir-reat; ir-rwol tal-vittma immedjata fir-rigward tal-okkorrenza u l-ammont tad-dannu; jekk il-vittma immedjata irrapportatx u f’liema perjodu ta’ żmien irrapportat ir-reat lill-awtoritajiet kompetenti, sakemm ma setgħetx tagħmel dan minħabba raġunijiet iġġustifikati; il-kooperazzjoni tal-vittma immedjata mal-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti sabiex il-ħati jitressaq quddiem il-ġustizzja; il-vittma immedjata li kkontribwiet għad-dannu li seħħ jew li żiedet l-ammont tad-dannu hija intitolata biss għal kumpens imnaqqas b’mod proporzjonali.
  • It-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda fejn jinstab li l-vittma hija involuta fil-kriminalità organizzata, jew assoċjata ma’ organizzazzjoni kriminali;
  • Il-kumpens jista’ jiġi miċħud jew imnaqqas fejn l-għoti ta’ kumpens sħiħ jopponi l-prinċipju tal-ġustizzja, il-moral jew tal-liġi u l-ordni;
  • L-imġiba tal-vittma immedjata titqies meta tittieħed deċiżjoni dwar id-dritt tal-vittma indiretta għal kumpens.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

  • LE
  • Iċ-ċirkostanzi finanzjarji, jiġifieri dawk eżistenzjali, tar-rikorrent ma jaffettwawx, fil-prinċipju, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, madankollu, meta tittieħed deċiżjoni dwar il-kumpens għal telf ta’ manutenzjoni legali, iċ-ċirkostanzi finanzjarji jistgħu jaffettwaw iċ-ċansijiet li tirċievi kumpens.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

  • IVA
  • Meta tittieħed deċiżjoni dwar id-dritt għal kumpens, jitqiesu l-azzjonijiet tal-vittma immedjata qabel, fil-mument ta’ u wara li jkun sar ir-reat; ir-rwol tal-vittma immedjata fir-rigward tal-okkorrenza u l-ammont tad-dannu; jekk il-vittma immedjata irrapportatx u f’liema perjodu ta’ żmien irrapportat ir-reat lill-awtoritajiet kompetenti, sakemm ma setgħetx tagħmel dan minħabba raġunijiet iġġustifikati; il-kooperazzjoni tal-vittma immedjata mal-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti sabiex il-ħati jitressaq quddiem il-ġustizzja; il-vittma immedjata li kkontribwiet għad-dannu li seħħ jew li żiedet l-ammont tad-dannu hija intitolata biss għal kumpens imnaqqas b’mod proporzjonali.
  • It-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda fejn jinstab li l-vittma hija involuta fil-kriminalità organizzata, jew assoċjata ma’ organizzazzjoni kriminali;
  • Il-kumpens jista’ jiġi miċħud jew imnaqqas fejn l-għoti ta’ kumpens sħiħ jopponi l-prinċipju tal-ġustizzja, il-moral jew tal-liġi u l-ordni.
  • L-imġiba tal-vittma immedjata titqies meta tittieħed deċiżjoni dwar id-dritt tal-vittma indiretta għal kumpens.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

  • Il-kumpens finanzjarju jiġi kkalkulat billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, ir-rikorrent irid jagħti prova li ġew issodisfati r-rekwiżiti legali u li nġarrbu spejjeż speċifiċi jew telf, jiġifieri danni.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

  • Il-liġi ma tipprevedix ammont minimu li jista’ jingħata (iżda l-liġi tillimita l-ammont massimu li jista’ jingħata).

Inkun mistenni nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nista’ nikseb xi struzzjonijiet dwar kif tikkalkulah jew dwar aspetti oħrajn?

  • IVA, ir-rikorrenti mistennija jikkwotaw l-ammont li qed jitolbu.
  • L-istruzzjonijiet dwar kif jiġi kkalkulat l-ammont mhumiex mogħtija (ir-rikorrent jeħtieġlu juri l-ispejjeż jew it-telf mitlub).

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew imħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

  • F’xi każijiet IVA, f’oħrajn LE, skont is-sors tal-kumpens irċevut.
  • Il-kumpens irċevut fuq il-bażi ta’ saħħa, pensjoni jew assigurazzjoni u sorsi oħra huwa kkalkulat fil-bażi ta’ kumpens xieraq, sabiex il-kumpens mogħti lill-vittma jikkonsisti fid-differenza bejn il-kumpens totali li l-vittma hija intitolata għalih skont l-Att tal-Kumpens għall-Vittmi tal-Kriminalità (minn hawn ‘il quddiem l-Att) u f’dak li l-vittma tirċievi għal raġuni waħda jew aktar.
  • Assigurazzjoni volontarja mħallsa mill-vittma immedjata jew indiretta mhix inkluża fl-ammont ta’ kumpens.
  • Ladarba l-vittma tirċievi kumpens direttament mingħand il-ħati, dan ikun inkluż fil-kumpens mitlub mir-Repubblika tal-Kroazja; Meta l-kumpens irċevut mill-ħati jissodisfa għalkollox it-talba, it-talba tkun miċħuda; Meta l-kumpens irċevut mill-ħati jissodisfa għalkollox it-talba, jekk il-proċedimenti ġew konklużi, iżda l-ħlas għadu ma sarx, tingħata deċiżjoni biex il-kumpens ma jitħallasx lill-vittma.
  • Jekk l-istat diġà għamel ħlas lill-vittma skont l-Att, u l-vittma tirċievi kumpens sħiħ jew parzjali mill-ħati, allura l-istat għandu d-dritt għal rikors kontra l-vittma, għall-ammont irċevut direttament mingħand il-ħati, iżda sa massimu tal-ammont li ħallas lill-vittma.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liem kundizzjonijiet?

  • LE

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara eż. tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

  • L-Att dwar il-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità ma jipprovdix għal kumpens kumplimentari jew addizzjonali.

X'inhuma d-dokumenti ta’ sostenn li għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • Id-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu inklużi mat-talba huma elenkati fil-formola uffiċjali. It-talba tiġi sostnuta bi: prova tan-nazzjonalità, ċertifikat ta’ residenza, ċertifikat tal-mewt tal-vittma, ċertifikat tal-pulizija li l-inċident ġie rreġistrat jew irrappurtat bħala reat, dikjarazzjoni ċċertifikata tal-rikorrent li d-dritt li jirċievi kumpens skont L-Att tal-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità ma ġiex eżerċitat fuq bażi legali differenti, id-dokumenti mediċi tal-vittma li fuq il-bażi tagħhom jintalab kumpens (formola ta’ applikazzjoni tal-isptar, konklużjonijiet u rapporti mediċi, rapport tal-ħruġ mill-isptar, rapport tal-leave minħabba mard, irċevuti relatati mas-saħħa), irċevuti għall-ispejjeż standard tal-funeral, ċertifikati jew dokumenti rilevanti oħra li jistgħu jkunu sinifikanti meta jiġi deċiż il-kumpens.
  • Id-dokumenti msemmija hawn fuq huma sottomessi fil-kopja oriġinali jew permezz ta’ kopja ċċertifikata.

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

  • M’hemmx imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li għandhom jitħallsu fil-proċess tat-talba taħt l-Att tal-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

  • L-awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens minn vittmi tal-kriminalità skont l-Att tal-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità, fejn jitħallas kumpens mill-baġit nazzjonali hija l-“Kumitat għall-Kumpens ta’ Vittmi tal-Kriminalità” (Odbor za novčanu naknadu žrtvama kaznenih djela).
  • Jekk il-kumpens mill-ħati jintalab permezz ta’ azzjoni legali matul il-proċedimenti kriminali, l-ilment li jipprova jidħol f’azzjoni ċivili għal proċedimenti għal ħsarat, jiġi sottomess lill-qorti kompetenti li quddiemha jkunu pendenti l-proċedimenti kriminali kontra l-ħati.
  • Il-vittma tista’ wkoll tagħżel li tressaq azzjoni biex tfittex kumpens mill-ħati f’kawża quddiem il-qorti kompetenti.

Fejn nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

  • It-talba għal kumpens ta’ vittmi ta’ reat skont l-Att dwar il-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità tiġi sottomessa lill-Kumitat għall-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità, jiġifieri l-ministeru responsabbli għall-ġustizzja.

Republic of Croatia
Ministarstvo pravosuđa
Ulica Grada Vukovara 49
10000 ZAGREB

  • Jekk il-kumpens mill-ħati jintalab permezz ta’ azzjoni legali matul il-proċedimenti kriminali, l-ilment li jipprova jidħol f’azzjoni ċivili għal proċedimenti għal ħsarat, jiġi sottomess lill-qorti kompetenti li quddiemha jkunu pendenti l-proċedimenti kriminali kontra l-ħati.
  • Il-vittma tista’ wkoll tagħżel li tressaq azzjoni biex tfittex kumpens mill-ħati f’kawża quddiem il-qorti kompetenti.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

  • Bħala regola, fil-proċedura tat-talba għall-vittmi tal-kriminalità, it-tweġiba hija LE, iżda skont il-każ, l-awtorità kompetenti, jiġifieri “l-Kumitat”, tista’ b’deroga titlob, jekk ikollha bżonn ta’ dan sabiex tieħu deċiżjoni, lill-partijiet, lix-xhieda jew lill-qorti jinnominaw esperti biex jixhdu quddiem il-qorti.

Kemm jgħaddi żmien (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

  • L-awtorità kompetenti tasal għal deċiżjoni dwar talba fi żmien 60 jum jekk it-talba tkun sħiħa u kif suppost (jekk id-dokumenti kollha meħtieġa jkunu nkisbu u ġew sottomessi, l-informazzjoni u l-evidenza kollha meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni). Madankollu, jekk it-talba ma tkunx kompluta, iż-żmien meħtieġ biex tittieħed deċiżjoni jista’ jkun itwal.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

  • Ma jista’ jitressaq l-ebda appell kontra d-deċiżjoni, madankollu, ir-rikorrent jista’ jressaq appell amministrattiv billi jissottometti lment amministrattiv lill-qorti amministrattiva kompetenti fi żmien 30 jum minn meta tiġi notifikata d-deċiżjoni.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta l-pretensjoni?

  • Il-formola u l-informazzjoni huma disponibbli fi kwalunkwe għassa tal-pulizija, fl-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku, fil-qrati muniċipali u tal-kontea u f’forma elettronika fuq is-sit uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministarstvo pravosuđa), Ministeru għall-Intern (Ministarstvo unutarnjih poslova), l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja (Državno odvjetništvo RH) u l-qrati muniċipali u tal-kontea.
  • L-informazzjoni tista’ tinkiseb billi ċċempel il-hotline taċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali għall-Vittmi ta’ Reati u Reati Minuri (Nacionalni pozivni centar za žrtve kaznenih djela i prekršaja) 116-006.
  • Il-pulizija, l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku u l-qrati jridu jipprovdu informazzjoni dwar id-dritt għal kumpens u l-korp li għalih il-parti tista’ tapplika biex teżerċita dawn id-drittijiet lill-persuni kollha li, skont l-Att tal-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità, għandhom id-dritt li jfittxu kumpens mir-Repubblika tal-Kroazja.
  • Il-pulizija, l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi u l-ministeru responsabbli għall-ġustizzja jridu joħorġu l-formoli meħtieġa biex jissottomettu talba lill-persuni kollha li skont l-Att għandhom id-dritt għal kumpens, u fuq talba għandhom jipprovdu istruzzjonijiet u informazzjoni ġenerali dwar kif timla l-formola għat-talba u liema dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu inklużi fit-talba.
  • Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħareġ fuljett disponibbli bil-Kroat u bl-Ingliż li fih l-informazzjoni kollha dwar id-dritt għal kumpens, ir-rekwiżiti u kif teżerċita dan id-dritt. Il-fuljetti u l-formoli tat-talbiet ġew ippubblikati bil-Kroat u bl-Ingliż fuq is-siti web tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Intern.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

  • Jekk it-talba ma tkunx kompluta, tkun inkomprensibbli jew illeġibbli mhux se tiġi miċħuda minħabba dawn ir-raġunijiet, iżda r-rikorrent jiġi infurmat kif tista’ titjieb jew tiġi ssupplimentata. F’dak is-sens, din tista’ titqies bħala għajnuna/assistenza lir-rikorrent.
  • Ir-rikorrent jista’ jqabbad persuna awtorizzata jew avukat fit-tħejjija tat-talba jew għar-rappreżentazzjoni fil-proċedimenti (bi spejjeż tagħhom stess).
  • Informazzjoni u għajnuna biex timtela l-Formola ta’ Talba għall-Kumpens hija disponibbli f’kull għassa tal-pulizija, fl-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku, fil-qrati muniċipali u tal-kontea jew billi ċċempel il-helpline bla ħlas taċ-Ċentru Telefoniku Nazzjonali għal Vittmi ta’ Reati u Reati Minuri 116-006.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

  • IVA

https://pravosudje.gov.hr/o-ministarstvu/djelokrug-6366/iz-pravosudnog-sustava-6372/podrska-zrtvama-i-svjedocima/6156

X'inhu r-rwol tal-awtorità ta’ għajnuna?

  • L-awtorità ta’ għajnuna hija l-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja u lir-rikorrent jista’ jissottometti talba lil din l-awtorità f’tali avvenimenti
  • (imsejħa każijiet transfruntiera (prekogranični slučajevi) skont il-Liġi Kroata)
  • L-awtorità ta’ għajnuna ser, kemm jista’ jkun malajr, tissottometti t-talba u l-annessi tagħha lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn ir-rikorrent jitlob kumpens, fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż jew f’lingwa oħra meqjusa aċċettabbli mill-pajjiż ikkonċernat.
  • It-talba msemmija hawn fuq se tiġi sottomessa bl-użu tal-formola preskritta mill-Kummissjoni Ewropea.
  • Jekk l-awtorità responsabbli biex tiddeċiedi dwar it-talba fil-pajjiż in kwistjoni titlob li r-rikorrent, ix-xhieda, l-esperti maħtura mill-qorti jew persuni oħra jinstemgħu fir-Repubblika tal-Kroazja, dan isir mill-Kumitat għall-Kumpens ta’ Vittmi tal-Kriminalità, li mbagħad jissottometti rapport dwar is-seduta lill-awtorità ta’ pajjiż ieħor responsabbli biex tieħu deċiżjoni dwar it-talba.
  • Jekk l-awtorità tal-pajjiż l-ieħor li tkun responsabbli biex tieħu deċiżjoni dwar it-talba titlob li s-seduta ssir bl-użu ta’ għajnuniet tekniċi, is-seduta ssir f’kooperazzjoni mal-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja bil-kondizzjoni li l-persuna li ser tinstema’ taqbel ma’ din il-proċedura.

Din l-awtorità ser tittraduċi d-dokumenti ta’ sostenn, jekk it-talba li toħroġ teħtieġ dan? Jekk iva, min iħallas għal dan?

Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja, bħala l-awtorità ta’ għajnuna, għandu jittraduċi t-talba fil-lingwa tal-pajjiż li minnu jintalab il-kumpens, jew f’lingwa oħra magħżula bħala l-lingwa tal-komunikazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat.

Hemm ħlasijiet amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tintbagħat barra?

  • M’hemmx ħlasijiet amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tintbagħat barra.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens f’każijiet transfruntiera?

https://pravosudje.gov.hr/o-ministarstvu/djelokrug-6366/iz-pravosudnog-sustava-6372/podrska-zrtvama-i-svjedocima/6156

Nista’ nibgħat it-talba tiegħi direttament lill-awtorità li tiddeċiedi f’dan il-pajjiż anke f’każijiet transfruntiera (mingħajr ma jkolli bżonn immur permezz tal-awtorità ta’ għajnuna f’pajjiżi)?

Iva, billi tissottometti t-talba lill-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja direttament jew bil-posta reġistrata.

B’liema lingwa/i l-awtorità/awtoritajiet tal-kumpens jaċċettaw:

Jekk l-awtorità għal kumpens tittraduċi t-talba/d-dokumenti ta’ prova minn pajjiż ieħor tal-UE, min iħallas għal dan?

  • L-awtorità li tiddeċiedi ma tittraduċix it-talba jew id-dokumenti ta’ sostenn u ma tkoprix l-ispejjeż tat-traduzzjoni.

Hemm ħlasijiet amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu f’dan il-pajjiż għall-ipproċessar tat-talba tiegħi (irċevuti minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif nista’ nħallas dawn?

L-ebda ħlas amministrattiv jew ħlas ieħor m’għandu jitħallas fil-proċedimenti ta’ din it-talba.

Jekk hemm bżonn li nkun preżenti waqt il-proċediment u/jew meta t-talba tiegħi qed tiġi deċiża, nista’ nitħallas lura għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar? Kif nista’ nitlobhom? Lil min għandi nikkuntattja?

  • Jekk il-Kumitat għall-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità jiddeċiedi li jsejjaħ lir-rikorrent għal seduta jew jipparteċipa fil-proċedimenti personalment, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-rikorrent jitħallsu lura.
  • Bħala regola, matul il-proċedimenti u waqt li tkun qed tittieħed deċiżjoni, il-preżenza tar-rikorrent mhix meħtieġa, u jekk ir-rikorrent, ix-xhieda, l-esperti maħtura mill-qorti jew persuni oħra jeħtiġilhom jinstemgħu, il-Kumitat għall-Kumpens ta’ Vittmi tal-Kriminalità bħala l-awtorità li tiddeċiedi jista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tal-UE, fejn ġiet sottomessa t-talba ta’ kumpens, biex twettaq dawn l-azzjonijiet.
  • Barra minn hekk, is-seduta meħtieġa minn proċedura bħal din tista’ ssir bl-użu ta’ għajnuniet tekniċi, inkluża t-teknoloġija tal-kompjuter, in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-għajnuniet oħra tat-trażmissjoni tal-immaġini u l-ħsejjes. F’dak il-każ is-seduta ser titmexxa mill-Kumitat għall-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità, jiġifieri l-awtorità li tiddeċiedi.

Jiġi pprovdut interpretu, f’każ li jkolli nkun personalment preżenti?

  • Iva

Iċ-ċertifikati mediċi, li jingħataw mit-tobba fil-pajjiż ta’ residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew rikonoxxuti – jew l-istat ta’ saħħa / il-korriment tiegħi jkun irid jiġi eżaminat mill-esperti mediċi tagħkom stess?

  • Id-dokumenti mediċi barranin huma aċċettati, madankollu, il-Kumitat għall-Kumpens ta’ Vittmi tal-Kriminalità, bħala l-awtorità li tiddeċiedi, tivverifika u tivvaluta d-dokumenti mediċi u, jekk meħtieġ, tista’ tordna li jinkiseb rapport ta’ espert mediku.

Ningħata l-flus lura għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħi, jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

  • Le

Kemm tieħu żmien, bejn wieħed u ieħor, biex l-awtorità/l-entità tiddeċiedi dwar kumpens?

  • L-awtorità kompetenti tasal għal deċiżjoni dwar talba, bejn wieħed u ieħor, fi żmien 60 jum jekk it-talba tkun sħiħa u kif suppost (jekk id-dokumenti kollha meħtieġa jkunu nkisbu u ġew sottomessi, l-informazzjoni u l-evidenza kollha meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni). Madankollu, jekk it-talba ma tkunx kompluta, iż-żmien meħtieġ biex tittieħed deċiżjoni jista’ jkun itwal.

B’liema lingwa nirċievi d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

  • Id-deċiżjoni dwar it-talba tkun bil-lingwa Kroata.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni, kif nista’ nikkontestaha?

  • Ma jista’ jitressaq l-ebda appell kontra d-deċiżjoni, madankollu, ir-rikorrent jista’ jressaq appell amministrattiv billi jissottometti lment amministrattiv lill-qorti amministrattiva kompetenti fi żmien 30 jum minn meta tiġi notifikata d-deċiżjoni.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) skont ir-regoli tal-pajjiż l-ieħor?

  • Le

F’dan il-pajjiż, hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens f’każ transfruntiera?

  • Iva
L-aħħar aġġornament: 03/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.