Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Għall-vittmi ta’ terroriżmu, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima aktar ’l isfel f’din il-paġna billi tikklikkja hawn.

Liema tip ta’ reat nista’ niġi kkumpensat għalih?

Il-Kummissjoni għall-assistenza finanzjarja lill-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza intenzjonali (Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes intentionnels de violence) tista’ tagħti assistenza finanzjarja lill-vittmi (u lill-qraba stretti tal-vittmi) ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali li jkun seħħ fil-Belġju.

Għall-vittmi ta’ terroriżmu, jekk jogħġbok irreferi għall-informazzjoni speċifika hawn taħt.

Liema tip ta’ korriment nista’ niġi kkumpensat għalih?

It-tipi ta’ korrimenti meqjusa mill-Kummissjoni jvarjaw skont il-kategorija tal-vittma:

A. Vittmi diretti – nies li sofrew korriment fiżiku u/jew mentali b'riżultat dirett ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali fil-Belġju.

Għal vittmi diretti, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • diżabbiltajiet temporanji u permanenti;
  • dannu mhux materjali;
  • telf ta’ qligħ;
  • sfigurar;
  • telf ta’ snin tal-iskola (fallimenti akkademiċi);
  • spejjeż mediċi;
  • spejjeż ta’ proċedimenti (inkluż kumpens proċedurali) sa massimu ta’ EUR 6 000;
  • spejjeż materjali (massimu ta’: EUR 1 250).

B. Vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li tkun mietet b’konsegwenza ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali.

Għal din il-kategorija ta’ vittma, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • spejjeż fuq il-funeral (sa massimu ta’ EUR 6 000 kull mewta);
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti;
  • telf ta’ manteniment ta’ qraba stretti li qabel il-mewt tal-vittma kienu jiddependu finanzjarjament fuqha;
  • telf ta’ snin tal-iskola.

C. Vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li tkun weġġgħet serjament b’konsegwenza ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali.

Għal din il-kategorija ta’ vittma, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Nista’ nirċievi kumpens jekk inkun qarib jew dipendenti ta’ vittma li mietet b’konsegwenza ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jirċievu kumpens?

Iva, qraba stretti (werrieta) sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li mietet b’konsegwenza ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien qarib jew dipendenti superstita tal-vittma? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jirċievu kumpens f’dan il-każ?

Iva, qraba stretti (werrieta) sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li ma mititx iżda li weġġgħet serjament b’konsegwenza diretta ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva. Il-Kummissjoni tista’ tagħtik assistenza finanzjarja irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus legali/illegali tiegħek fil-Belġju.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew jekk jien minn hawnhekk (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anke jekk ir-reat twettaq f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn ikun twettaq ir-reat? Jekk iva, b’liema kundizzjonijiet?

Le, il-Kummissjoni tista’ tagħti assistenza finanzjarja biss għal atti li jkunu seħħew fil-Belġju.

Madanakollu, hemm eċċezzjoni waħda: fil-każ ta’ atti ta’ terroriżmu mwettqa barra mill-pajjiż fejn il-vittmi jkunu ċittadini Belġjani jew għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-Belġju (ara t-taqsima “vittmi ta’ terroriżmu”).

Għandi l-ewwel inkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija, qabel ma nkun nista’ nitlob kumpens?

Iva, ir-reat irid ikun ġie rrappurtat lill-pulizija. Il-Liġi tal-1 ta’ Awwissu 1985, li tirregola l-Kummissjoni, titlob ukoll li inti tkun fittixt lit-trażgressur għad-danni fi proċedimenti kriminali.

Għandi nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċedimenti kriminali qabel ma nitlob il-kumpens?

L-assistenza finanzjarja prinċipali mogħtija mill-Istat tista’ tintalab biss fi tmiem il-proċedimenti legali u abbażi tad-deċiżjoni finali tal-qrati.

Madankollu, tista’ tingħata assistenza ta’ emerġenza, skont ċerti kundizzjonijiet, qabel tmiem il-proċedimenti legali.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mingħand it-trażgressur – jekk dan ikun ġie identifikat?

Iva. Il-vittma jeħtiġilha tfittex lit-trażgressur għad-danni fi proċedimenti kriminali, jekk it-trażgressur ikun ġie identifikat, minħabba li l-assistenza tal-Kummissjoni hija forma alternattiva ta’ kumpens li tingħata biss bħala l-aħħar alternattiva.

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat sa tmiem il-proċedimenti legali jew jekk il-każ jingħalaq mingħajr azzjoni ulterjuri minħabba li t-trażgressuri ma jkunux ġew identifikati, vittma tista’ titlob assistenza finanzjarja lill-Kummissjoni. F’tali każijiet, jeħtieġ li tal-anqas il-vittma tkun irrappurtat ir-reat (lill-pulizija jew lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku).

Hemm limitu ta’ żmien li fih għandi nitlob kumpens?

Talba għall-assistenza finanzjarja ewlenija trid tiġi sottomessa fi żmien tliet snin mid-deċiżjoni finali tal-qorti li ssir fil-każ jew fi żmien tliet snin minn deċiżjoni biex jingħalaq il-każ mingħajr azzjoni ulterjuri minħabba li t-trażgressuri ma jkunux ġew identifikati.

Liema telf u spejjeż huma koperti mill-kumpens?

Għal vittmi diretti, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • diżabbiltajiet temporanji u permanenti;
  • dannu mhux materjali;
  • telf ta’ qligħ;
  • sfigurar;
  • telf ta’ snin tal-iskola (fallimenti akkademiċi);
  • spejjeż mediċi;
  • spejjeż ta’ proċedimenti (inkluż kumpens proċedurali) sa massimu ta’ EUR 6 000;
  • spejjeż materjali (massimu ta’: EUR 1 250).

Għal vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li mietet minħabba att ta’ vjolenza intenzjonali –

il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • spejjeż fuq il-funeral (sa massimu ta’ EUR 6 000 kull mewta);
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti;
  • telf ta’ manteniment ta’ qraba stretti li qabel il-mewt tal-vittma kienu jiddependu finanzjarjament fuqha;
  • telf ta’ snin tal-iskola.

Għal vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li tkun weġġgħet serjament b’konsegwenza ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali –

  • il-Kummissjoni tista’ tqis:
  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew fi ħlasijiet parzjali kull xahar?

L-assistenza finanzjarja tal-Kummissjoni titħallas f’pagament uniku.

B’liema mod tista' l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas tiegħi milli nikkoopera matul il-proċedimenti tal-kumpens taffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Il-Kummissjoni tista’ tqis l-imġiba tal-vittma diretta tal-att ta’ vjolenza intenzjonali fil-mument ta’ dak l-att u l-fatt li l-vittma kkontribwiet għall-korriment tagħha.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma titqiesx.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw iċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Il-Kummissjoni tqis il-kumpens imħallas mit-trażgressur u kwalunkwe pagament li jkun sar minn organizzazzjonijiet jew kumpaniji tal-assigurazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku (il-prinċipju tas-sussidjarjetà).

Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-Kummissjoni, li hija tribunal amministrattiv, tagħti l-assistenza finanzjarja abbażi tal-korrettezza.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ammont minimu: EUR 500

L-ammont massimu tal-assistenza prinċipali (u assistenza sħiħa): EUR 125 000

Mistenni nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Dan mhux meħtieġ.

Kwalunkwe kumpens li nirċievi għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħall-iskema tal-assigurazzjoni privata jew dik tal-impjegatur tiegħi) se jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva, l-assistenza tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-kumpens imħallas mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni (kif ukoll mit-trażgressur) għalhekk jittieħed inkonsiderazzjoni.

Nista’ nirċievi avvanz fuq il-kumpens? Jekk iva, b’liema kundizzjonijiet?

L-assistenza ta’ emerġenza tista’ tingħata anke meta deċiżjoni tal-qorti tkun għadha ma ttiħditx fil-każ. F’konformità mal-każistika, il-Kummissjoni tista’ tagħti assistenza ta’ emerġenza biss għall-ispejjeż mediċi (minimu ta’ EUR 500) li jkunu pagabbli mill-vittma (wara li kwalunkwe kumpanija tal-assigurazzjoni tkun għamlet jew irrifjutat li tagħmel il-kontribuzzjoni tagħha).

L-assistenza ta’ emerġenza hija limitata għal EUR 30 000.

Nista’ nirċievi kumpens kumplimentarju jew addizzjonali (wara eż. bidla fiċ-ċirkostanzi jew saħħa li sejra għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Assistenza addizzjonali (finanzjarja) tista’ tintalab jekk id-dannu jmur għall-agħar fl-10 snin wara li tkun ingħatat l-assistenza prinċipali, ħlief meta l-vittma tkun diġà rċeviet l-ammont massimu ta’ assistenza mill-Istat Belġjan (EUR 125 000). Il-vittma jeħtiġilha tipprova (permezz ta’ dokumenti mediċi dettaljati) li l-korriment tagħha sejjer għall-agħar.

X’dokumenti ta’ prova jeħtieġ li ninkludi mat-talba tiegħi?

  • formola tat-talba (fr Word (39 Kb) fr, nl Word (35 Kb) nl);
  • kopja tar-rapport tal-pulizija + deskrizzjoni dettaljata tal-att;
  • kopja tat-talba għall-ħsarat fil-proċedimenti kriminali;
  • kopja tad-deċiżjonijiet kollha li jkunu ttieħdu fil-każ;
  • kopja tar-rapporti mediċi li jiddeskrivu l-konsegwenzi fiżiċi u/jew mentali tal-att; kopja tal-evidenza tal-ispejjeż mediċi/tal-ispejjeż materjali/tal-ispejjeż tal-proċedimenti mhux koperti mill-assigurazzjoni;
  • evidenza tat-telf ta’ qligħ;
  • fil-każ ta’ mewt, kopja taċ-ċertifikat tal-mewt;
  • għall-qraba stretti ta’ vittma, ċertifikat uffiċjali tal-kompożizzjoni tal-unità domestika maħruġ mill-Uffiċċju tar-Reġistru (Etat civil);
  • evidenza tal-ispejjeż tal-funeral (fil-każ tal-mewt diretta tal-vittma);
  • evidenza ta’ falliment akkademiku;
  • evidenza ta’ kumpens imħallas mit-trażgressur jew mill-insolvenza tat-trażgressur;
  • evidenza ta’ pagamenti li jkunu saru minn kumpaniji tal-assigurazzjoni.

Hemm imposti amministrattivi jew oħrajn x’jitħallsu meta t-talba tasal jew tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Kummissjoni għall-assistenza finanzjarja għall-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza intenzjonali u salvaturi volontarji (COMMISSION POUR L’AIDE FINANCIERE AUX VICTIMES D’ACTES INTENTIONNELS DE VIOLENCE ET AUX SAUVETEURS OCCASIONNELS), li hija parti mis-Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja (SPF JUSTICE).

Fejn nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Talbiet (li jikkonsistu minn formoli ta’ talbiet u dokumenti ta’ prova) iridu jintbagħtu f'żewġ kopji lill-(indirizz postali):

Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes intentionnels de violence
SPF Justice
Boulevard de Waterloo 115
1000 BRUXELLES

Irrid inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta t-talba tkun qed tiġi deċiża?

Le. M’hemmx għalfejn tkun preżenti matul is-smigħ tal-Kummissjoni meta t-talba tiegħek tkun se tittieħed deċiżjoni dwarha.

Kemm indum (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni mill-awtorità dwar talba għall-kumpens?

Madwar 18-il xahar għall-assistenza prinċipali.

Jien m’iniex sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nappellaha?

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhix miftuħa għall-appell. Azzjoni għall-annullament biss tista’ titressaq quddiem il-Kunsill Belġjan tal-Istat (Conseil d’Etat).

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nitlob kumpens?

Mis-sit web tal-Kummissjoni jew permezz tat-telefon.

Hemm linja għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes intentionnels de violence et aux sauveteurs occasionnels

Tel.: +32 2 542 72 07, +32 2 542 72 08, +32 2 542 72 44

Indirizz tal-email: commission.victimes@just.fgov.be

Nista’ nirċievi għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nħejji t-talba?

Mhux permezz tal-Kummissjoni.

Għajnuna legali tista’ tintalab (taħt ċerti kundizzjonijiet) mingħand il-kamra tal-avukati fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun seħħ l-att jew fejn il-vittma tkun residenti.

Hemm xi organizzazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Hemm servizzi tal-appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinu lill-vittmi jitolbu assistenza finanzjarja lill-Kummissjoni.

L-appoġġ għall-vittmi huwa pprovdut mill-komunitajiet u mir-reġjuni tal-Belġju.

Għal aktar informazzjoni (b’mod partikolari dwar is-servizzi varji awtorizzati biex jipprovdu assistenza):

Il-Federazzjoni ta’ Wallonja-Brussell: http://www.victimes.cfwb.be/

Il-Fjandri: https://www.slachtofferzorg.be/

 

-------------------

 

Għal vittmi ta’ terroriżmu:

Liema tip ta’ reat nista’ niġi kkumpensat għalih?

Il-Kummissjoni għall-assistenza finanzjarja lill-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza intenzjonali (Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes de violence) tista’ tagħti assistenza finanzjarja lill-vittmi (u lill-qraba stretti tal-vittmi) ta’ att ta’ terroriżmu. Il-każijiet ta’ vittmi ta’ terroriżmu huma ġestiti mid-Diviżjoni tat-Terroriżmu tal-Kummissjoni.

Liema tip ta’ korriment nista’ niġi kkumpensat għalih?

It-tipi ta’ korrimenti meqjusa mill-Kummissjoni jvarjaw skont il-kategorija tal-vittma:

A. Vittmi diretti – nies li sofrew korriment fiżiku u/jew mentali b'riżultat dirett ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali fil-Belġju.

Għal vittmi diretti, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • diżabbiltajiet temporanji u permanenti;
  • dannu mhux materjali;
  • telf ta’ qligħ;
  • sfigurar;
  • telf ta’ snin tal-iskola (fallimenti akkademiċi);
  • spejjeż mediċi;
  • spejjeż ta’ proċedimenti (inkluż kumpens proċedurali) sa massimu ta’ EUR 6 000;
  • spejjeż materjali (massimu ta’: EUR 1 250).

B. Vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li tkun mietet b’konsegwenza ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali.

Għal din il-kategorija ta’ vittma, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • spejjeż fuq il-funeral (sa massimu ta’ EUR 6 000 kull mewta);
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti;
  • telf ta’ manteniment ta’ qraba stretti li qabel il-mewt tal-vittma kienu jiddependu finanzjarjament fuqha;
  • telf ta’ snin tal-iskola.

C. Vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li tkun weġġgħet serjament minħabba att ta’ vjolenza intenzjonali.

Għal din il-kategorija ta’ vittma, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien ikun qarib jew dipendenti ta’ vittma li mietet minħabba reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jirċievu kumpens?

Iva, qraba stretti (werrieta) sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li mietet minħabba att ta’ terroriżmu jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien qarib jew dipendenti superstita tal-vittma? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jirċievu kumpens f’dan il-każ?

Iva, qraba stretti (werrieta) sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li ma mititx iżda li weġġgħet serjament b'riżultat dirett ta’ att ta’ terroriżmu jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva. Il-Kummissjoni tista’ tagħtik assistenza finanzjarja irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus legali/illegali tiegħek fil-Belġju.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew jekk jien minn hawnhekk (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anke jekk ir-reat twettaq f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn ikun twettaq ir-reat? Jekk iva, b’liema kundizzjonijiet?

It-Taqsima tat-Terroriżmu tal-Kummissjoni tista’ tagħti assistenza finanzjarja fil-każ ta’ atti ta’ terroriżmu mwettqa barra mill-pajjiż meta l-vittmi jkunu ċittadini tal-Belġju jew meta r-residenza abitwali tagħhom tkun fil-Belġju. Madanakollu, tali atti jridu jiġu rikonoxxuti bħala atti ta’ terroriżmu mill-Gvern Federali Belġjan permezz ta’ Digriet Irjali.

Għandi l-ewwel inkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija, qabel ma nkun nista’ nitlob kumpens?

Le, iżda huwa fl-interess tal-vittma jew tal-qraba stretti tagħha li tirreġistra bħala vittma (tal-att ta’ terroriżmu) mal-pulizija jew fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku federali.

Għandi nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċedimenti kriminali qabel ma nitlob il-kumpens?

Le.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mingħand it-trażgressur – jekk dan ikun ġie identifikat?

Le.

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva. L-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni lill-vittmi ta’ atti ta’ terroriżmu hija indipendenti minn kwalunkwe proċediment legali.

Hemm limitu ta’ żmien li fih għandi nitlob kumpens?

Talba għall-assistenza dovuta għal atti ta’ terroriżmu trid tiġi sottomessa lill-Kummissjoni fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali li jirrikonoxxi dawk l-atti bħala atti ta’ terroriżmu.

Liema telf u spejjeż huma koperti mill-kumpens?

Għal vittmi diretti, il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • diżabbiltajiet temporanji u permanenti;
  • dannu mhux materjali;
  • telf ta’ qligħ;
  • sfigurar;
  • telf ta’ snin tal-iskola (fallimenti akkademiċi);
  • spejjeż mediċi;
  • spejjeż ta’ proċedimenti (inkluż kumpens proċedurali) sa massimu ta’ EUR 6 000;
  • spejjeż materjali (massimu ta’: EUR 1 250).

Għal vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li mietet minħabba att ta’ vjolenza intenzjonali –

il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • spejjeż fuq il-funeral (sa massimu ta’ EUR 6 000 kull mewta);
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti;
  • telf ta’ manteniment ta’ qraba stretti li qabel il-mewt tal-vittma kienu jiddependu finanzjarjament fuqha;
  • telf ta’ snin tal-iskola.

Għal vittmi indiretti – werrieta sat-tieni grad u qraba biż-żwieġ sat-tieni grad ta’ vittma li tkun weġġgħet serjament b’konsegwenza ta’ att ta’ vjolenza intenzjonali –

il-Kummissjoni tista’ tqis:

  • dannu mhux materjali;
  • spejjeż mediċi ta’ qraba stretti;
  • l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Jenħtieġ li jiġi nnutat li l-proċedura tal-assistenza finanzjarja għall-vittmi ta’ terroriżmu se tinbidel matul l-2018.

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew fi ħlasijiet parzjali kull xahar?

L-assistenza finanzjarja tal-Kummissjoni titħallas f’pagament uniku, għalkemm il-vittma tista’ tirċievi avvanz kif ukoll l-assistenza finanzjarja prinċipali.

B’liema mod tista' l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas tiegħi milli nikkoopera matul il-proċedimenti tal-kumpens taffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Il-Kummissjoni tista’ tqis l-imġiba tal-vittma diretta tal-att ta’ vjolenza intenzjonali fil-mument ta’ dak l-att u l-fatt li l-vittma kkontribwiet għall-korriment tagħha.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma titqiesx.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw iċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Il-Kummissjoni tqis il-kumpens imħallas mit-trażgressur u kwalunkwe pagament li jkun sar minn organizzazzjonijiet jew kumpaniji tal-assigurazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku (il-prinċipju tas-sussidjarjetà).

Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-Kummissjoni, li hija tribunal amministrattiv, tagħti l-assistenza finanzjarja abbażi tal-korrettezza.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ammont minimu: EUR 500
Ammont massimu tal-avvanz: EUR 30 000
L-ammont massimu tal-assistenza prinċipali (u assistenza sħiħa): EUR 125 000

Mistenni nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Dan mhux meħtieġ.

Kwalunkwe kumpens li nirċievi għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħall-iskema tal-assigurazzjoni privata jew dik tal-impjegatur tiegħi) se jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva, l-assistenza tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-kumpens imħallas mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni (kif ukoll mit-trażgressur) għalhekk jittieħed inkonsiderazzjoni.

Nista’ nirċievi avvanz fuq il-kumpens? Jekk iva, b’liema kundizzjonijiet?

Avvanz jista’ jitħallas lil vittmi ta’ terroriżmu. L-assistenza ta’ emerġenza tista’ tingħata lill-vittmi ta’ terroriżmu li ntbagħtu l-isptar u lill-qraba stretti ta’ vittma li mietet minħabba att ta’ terroriżmu.

L-assistenza ta’ emerġenza hija limitata għal EUR 30 000.

Nista’ nirċievi kumpens kumplimentarju jew addizzjonali (wara eż. bidla fiċ-ċirkostanzi jew saħħa li sejra għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Assistenza addizzjonali (finanzjarja) tista’ tintalab jekk id-dannu jmur għall-agħar fl-10 snin wara li tkun ingħatat l-assistenza prinċipali, ħlief meta l-vittma tkun diġà rċeviet l-ammont massimu ta’ assistenza mill-Istat Belġjan (EUR 125 000). Il-vittma jeħtiġilha tipprova (permezz ta’ dokumenti mediċi dettaljati) li l-korriment tagħha sejjer għall-agħar.

X’dokumenti ta’ prova jeħtieġ li ninkludi mat-talba tiegħi?

  • formola tat-talba speċifika għall-vittmi ta’ terroriżmu (fr Word (73 Kb) fr, nl Word (66 Kb) nl jew en Word (67 Kb) en);
  • kopja tar-rapport tal-pulizija + deskrizzjoni dettaljata tal-att;
  • kopja tar-rapporti mediċi li jiddeskrivu l-konsegwenzi fiżiċi u/jew mentali tal-atti;
  • kopja tal-evidenza tal-ispejjeż mediċi/l-ispejjeż materjali/l-ispejjeż tal-proċedimenti mhux koperti mill-assigurazzjoni;
  • evidenza tat-telf ta’ qligħ;
  • fil-każ ta’ mewt, kopja taċ-ċertifikat tal-mewt;
  • għall-qraba stretti ta’ vittma, ċertifikat uffiċjali tal-kompożizzjoni tal-unità domestika maħruġ mill-Uffiċċju tar-Reġistru (Etat civil);
  • evidenza tal-ispejjeż tal-funeral (fil-każ tal-mewt diretta tal-vittma);
  • evidenza ta’ falliment akkademiku;
  • evidenza ta’ pagamenti li jkunu saru minn kumpaniji tal-assigurazzjoni.

Hemm imposti amministrattivi jew oħrajn x’jitħallsu meta t-talba tasal jew tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Kummissjoni għall-assistenza finanzjarja għall-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza intenzjonali u salvaturi volontarji - Taqsima tat-Terroriżmu (COMMISSION POUR L’AIDE FINANCIERE AUX VICTIMES D’ACTES INTENTIONNELS DE VIOLENCE ET AUX SAUVETEURS OCCASIONNELS – DIVISION TERRORISME).

Fejn nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Talbiet (li jikkonsistu minn formoli tat-talba u dokumenti ta’ prova) jistgħu jintbagħtu b’email jew bil-posta lil:

Indirizz postali:
Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes intentionnels de violence – Division Terrorisme
SPF Justice
Boulevard de Waterloo 115
1000 BRUXELLES
Indirizz tal-Email: terrorvictims@just.fgov.be

Irrid inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta t-talba tkun qed tiġi deċiża?

Le. M’hemmx għalfejn tkun preżenti matul is-smigħ tal-Kummissjoni meta t-talba tiegħek tkun se tittieħed deċiżjoni dwarha.

Kemm indum (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni mill-awtorità dwar talba għall-kumpens?

Għall-avvanz, id-deċiżjoni ssir fi żmien erbgħa sa sitt ġimgħat mis-sottomissjoni tat-talba, jekk din tkun kompluta.

Għall-assistenza prinċipali, il-Kummissjoni se teżamina t-talba biss wara li kwalunkwe kumpanija tal-assigurazzjoni tkun għamlet il-pagamenti tagħha, abbażi tal-konsegwenzi fuq terminu twil għall-vittmi.

Jien m’iniex sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nappellaha?

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhix miftuħa għall-appell. Azzjoni għall-annullament biss tista’ titressaq quddiem il-Kunsill Belġjan tal-Istat (Conseil d’Etat).

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nitlob kumpens?

Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes intentionnels de violence – Division Terrorisme
Indirizz tal-Email: terrorvictims@just.fgov.be

Hemm linja għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Commission pour l’aide financière aux victimes d’actes intentionnels de violence – Division Terrorisme
Indirizz tal-Email: terrorvictims@just.fgov.be
Tel.: +32 471 123 124

Nista’ nirċievi għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nħejji t-talba?

Le.

Hemm xi organizzazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Hemm servizzi tal-appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinu lill-vittmi jitolbu assistenza finanzjarja lill-Kummissjoni.

L-appoġġ għall-vittmi huwa pprovdut mill-komunitajiet u mir-reġjuni tal-Belġju.

Għal aktar informazzjoni (b’mod partikolari dwar id-diversi servizzi approvati biex jipprovdu assistenza):

Il-Federazzjoni ta’ Wallonja-Brussell: http://www.victimes.cfwb.be/

Il-Fjandri: https://www.slachtofferzorg.be/

L-aħħar aġġornament: 22/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna