Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Saksa

Sisällön tuottaja:
Saksa

Il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpens għall-vittmi

Liġi dwar il-kumpens għall-vittmi ta’ reati vjolenti

Liġi dwar il-kumpens għall-vittmi ta’ reati vjolenti bl-Ingliż

Liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens għalih?

Fil-prinċipju, tista’ tikseb kumpens għal kwalunkwe attakk illegali intenzjonat (eż. attakk fiżiku, attakk sesswali, attakk terroristiku, qtil) taħt l-OEG. Il-kumpens jista’ jitħallas lill-vittmi jew lill-qraba superstiti tagħhom.

Liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens għalih?

Kumpens jitħallas mhux biss għal dannu għas-saħħa iżda wkoll għall-konsegwenzi ekonomiċi ta’ tali dannu għas-saħħa. Effetti psikoloġiċi negattivi huma rikonoxxuti wkoll bħala dannu għas-saħħa. Madankollu, id-dannu għas-saħħa għandu jkun fit-tul (jiġifieri għandu jdum aktar minn sitt xhur). Ma jitħallasx kumpens għal ħsara lill-propjetà u telf finanzjarju. Lanqas ma jitħallas kumpens għal uġigħ u tbatija taħt l-OEG.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b'riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Il-kumpens jitħallas ukoll lill-qraba superstiti ta’ vittma. Il-qraba superstiti huma l-konjuġi, is-sieħeb/sieħba reġistrat(a) u t-tfal tal-vittma u, f’każijiet eċċezzjonali, il-ġenituri tagħha. “Tfal” tinkludi tfal adottati, tfal taħt fostering u tfal minn żwieġ ieħor.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

Il-qraba ta’ vittma li tkun salvat jistgħu, taħt ċerti ċirkostanzi, jiksbu ħlasijiet għall-kura medika u għall-manteniment.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jisfaw vittmi ta’ reat vjolenti fil-Ġermanja jirċievu (retroattivament mill-1 ta’ Lulju 2018) l-istess kumpens bħall-vittmi li jkunu ċittadini Ġermaniżi.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew niġi minn hawnhekk (dan huwa l-pajjiż tar-residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anke jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Skont l-Artikolu 3a tal-OEG, il-vittmi ta’ reat vjolenti mwettqa barra mill-pajjiż li huma residenti fil-Ġermanja jistgħu wkoll jingħataw kumpens mill-Istat Ġermaniż. Dan isir fil-forma ta’ ħlas ta’ darba. Kwalunkwe kumpens mill-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat jiġi bbilanċjat ma’ dan il-kumpens.

Għandi nkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija qabel inkun nista’ nitlob kumpens?

L-applikanti taħt l-OEG għandhom id-dmir li jikkooperaw fil-proċedura ta’ kumpens. Dan ifisser li jagħtu rendikont taċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw il-fatti tal-każ. Dan ġeneralment ifisser li t-trażgressur jeħtieġ li jiġi rrappurtat lill-pulizija. F’ċerti każijiet, ir-rekwiżit li jiġi rrappurtat reat jista’ jitneħħa (eż. meta ma jistax ikun raġonevolment mistenni mill-vittma).

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le, l-awtoritajiet kompetenti ġeneralment jiddeċiedu b’mod indipendenti dwar talbiet magħmula taħt l-OEG. Madankollu, f’xi każijiet jista’ jkun meħtieġ li wieħed jistenna r-riżultat ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija jew ta' proċedimenti kriminali.

Għandi għalfejn l-ewwel nitlob kumpens mit-trażgressur — jekk ikun ġie identifikat?

Xejn

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat jew ma jkunx ġie kkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Iva, il-kumpens huwa disponibbli irrispettivament minn jekk it-trażgressur ikunx ġie identifikat jew ikkundannat. Biex tappoġġa t-talba tiegħek, jenħtieġ li tippreżenta d-dokumenti kollha li jistgħu jgħinu biex jiġu ċċarati l-fatti tal-każ u biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ ħsara kkawżata.

Hemm limitu ta’ żmien li fih għandi nitlob kumpens?

Le, ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien skont l-OEG. Madankollu, il-ħlasijiet ta’ kumpens jistgħu jsiru biss retroattivament għal perjodu ta’ sena qabel ma ssir it-talba.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?

Danni materjali u psikoloġiċi għas-saħħa li jirriżultaw minn reat vjolenti huma koperti mill-kumpens. Kumpens għall-vittmi jinkludi benefiċċji tal-pensjoni ta’ kull xahar. Hemm ukoll benefiċċji biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ekonomiċi.

L-ammont u t-tul ta' żmien tal-benefiċċji huma rregolati mill-Att dwar l-Assistenza Federali (Bundesversorgungsgesetz).

B’mod partikolari dawn għandhom ikopru:

  • L-ispejjeż mediċi, is-servizzi ta’ kura
  • L-għajnuniet mediċi (eż. prosteżi, prosteżi dentali, siġġu tar-roti)
  • Benefiċċji tal-pensjoni ta’ kull xahar, li jistgħu jkunu relatati mad-dħul jew le, għall-partijiet li ġarrbu dannu u għas-superstiti.
  • L-ispejjeż tal-funeral
  • Benefiċċji soċjali addizzjonali għal dawk li huma ekonomikament imċaħħda (eż. assistenza ta’ kura, assistenza addizzjonali għas-sussistenza).

Ma jitħallasx kumpens għall-uġigħ u t-tbatija (Schmerzensgeld). Fil-prinċipju, ma jitħallasx kumpens għal ħsara lill-proprjetà u għal telf finanzjarju. Isiru eċċezzjonijiet għal għajnuniet li jintlibsu, bħal nuċċalijiet, lentijiet tal-kuntatt u dentaturi.

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?

Il-pagamenti tal-pensjonijiet lill-vittmi u lill-qraba superstiti biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa tad-dannu għas-saħħa jitħallsu kull xahar sakemm ir-rekwiżiti kollha meħtieġa jiġu ssodisfati. Benefiċċji oħra jitħallsu jekk u meta jkun hemm bżonnhom (eż. għal spejjeż tal-funeral, prosteżi).

B’liema mod tista' l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nieħu kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Jekk il-parti leża tkun ikkawżat id-dannu hi stess jew jekk ikun inġust li jitħallas kumpens għal raġunijiet oħra, partikolarment minħabba l-imġiba tal-istess vittma, il-kumpens jiġi miċħud. Madankollu, is-sempliċi eżistenza ta’ fedina penali mhix biżżejjed biex tiġġustifika deċiżjoni bħal din. Ir-rikorrenti għandhom l-obbligu li jgħinu kemm jista’ jkun biex jiċċaraw il-fatti tal-każ. Jekk ma jissodisfawx dan l-obbligu, il-kumpens jista’ jiġi miċħud, jew kompletament jew parzjalment.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa l-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

Skont l-OEG, il-kumpens jitħallas irrispettivament mid-dħul jew mill-ġid tal-parti leża. Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti leża jista’ jkollha biss impatt fuq l-ammont ta’ kumpens mogħti sabiex tikkumpensa għal ħsara ekonomika, jew fil-każ ta’ benefiċċji tal-kura.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

Xejn

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

L-ammont tal-benefiċċji tal-pensjoni biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ta’ dannu relatat mas-saħħa jiġu kkalkulati skont il-firxa ta’ dawn il-konsegwenzi.

L-ammont tal-benefiċċji biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi tad-dannu ekonomiku huma bbażati fuq l-iżvantaġġi ekonomiċi mġarrba.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Xejn

Jiena mistenni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi istruzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Xejn. Mhux meħtieġ li tikkwota ammont fuq il-formola int stess. L-ammont huwa bbażat fuq id-dannu relatat mas-saħħa u d-dannu ekonomiku mġarrab u huwa stabbilit mill-awtorità li tiddeċiedi.

Jekk nirċievi xi kumpens għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħal mingħand min iħaddimni jew skema ta' assigurazzjoni privata) dan se jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/entità?

Il-pagamenti tal-pensjoni bħala kumpens għall-konsegwenzi ta’ dannu relatat mas-saħħa jsiru irrispettivament minn jekk tirċevix pagamenti minn entitajiet privati jew pubbliċi oħra. Madankollu, dawn il-pagamenti jistgħu jiġu kkunsidrati meta jsir il-kalkolu tal-pagamenti ta' kumpens għall-konsegwenzi ta’ dannu ekonomiku.

Nista’ nieħu ħlas bil-quddiem mill-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Pagamenti bil-quddiem mhumiex possibbli taħt l-OEG. Il-pagamenti biex ikopru kura medika jistgħu, madankollu, isiru qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (eż. wara bidla fiċ-ċirkostanzi jew jekk is-saħħa tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

F'każ li s-saħħa tmur għall-agħar, tista’ dejjem issir “talba ta’ aggravazzjoni” (Verschlimmerungsantrag) sabiex jintalab il-kalkolu mill-ġdid tal-ammont ta’ kumpens. Il-bidliet fid-dħul jistgħu dejjem jitqiesu fil-kalkolu tal-kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu ekonomiku.

X'dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Għandek tippreżenta d-dokumenti kollha li jistgħu jgħinu biex jiġu ċċarati l-fatti tal-każ u biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ ħsara kkawżata.

Hemm imposti amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tiegħi tiġi rċevuta u pproċessata?

Xejn

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet ta' kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-awtoritajiet li jiddeċiedu huma l-awtoritajiet tal-assistenza soċjali f'kull stat federali. Il-kompetenza hija tal-istat federali li l-vittma tkun residenti fih.

Jekk il-vittma ta’ reat vjolenti fil-Ġermanja ma tkun residenti l-Ġermanja, il-vittma tista’ tippreżenta talba lill-awtorità soċjali fl-istat federali fejn ikun seħħ ir-reat.

Biex ir-rikorrenti barranin ma jitilfux ħin ifittxu l-entità responsabbli, jistgħu jikkuntattjaw il-Punt ta’ Kuntatt Ċentrali fil-Ministeru Federali tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Zentrale KontaktstelleBundesministerium für Arbeit und Soziales), li jibgħat it-talba ta' kumpens lill-awtorità korretta.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

It-talba għandha tintbagħat lill-awtorità soċjali kompetenti.

Biex ir-rikorrenti barranin ma jitilfux ħin ifittxu l-entità responsabbli, jistgħu jikkuntattjaw il-Punt ta’ Kuntatt Ċentrali fil-Ministeru Federali tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Zentrale KontaktstelleBundesministerium für Arbeit und Soziales).

Għandi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Xejn

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Ma hemmx risposta definittiva għal din il-mistoqsija. It-tul tal-proċedura jiddependi, b’mod partikolari, fuq kemm ikun faċli jew diffiċli li jiġu ċċarati il-fatti tal-każ u jekk ikunx meħtieġ li jinkisbu rapporti mediċi.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Tista' tappella kontra d-deċiżjoni. Jekk l-awtorità kompetenti ma tiħux deċiżjoni differenti wara l-proċedura tal-appell, tista' tressaq ilment quddiem il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali (Sozialgericht).

Fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel talba?

Il-formoli tal-applikazzjoni u informazzjoni oħra jistgħu jinstabu fuq:

http://www.bmas.de/opferentschaedigung

https://www.bmas.de/SharedDocs/Downloads/DE/Rundschreiben-SE/application-for-crime-victims-compensation-2024.pdf?_blob=publicationFile&v=2

Hemm xi linja telefonika speċjali għall-għajnuna jew sit web li nista’ nuża?

Informazzjoni dwar dan tista’ tinstab fuq:

https://www.bmas.de/DE/Soziales/Soziale-Entschaedigung/Soziale-Entschaedigung/soziale-entschaedigung.html

http://www.bmas.de/victimscompensation

Tista’ ssib informazzjoni dwar organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi fil-Ġermanja fuq https://www.odabs.org/

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Xejn. L-ispejjeż legali mhumiex meqjusa bħala kumpens u għalhekk ma jistgħux jiġu mħallsa lura taħt l-OEG.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta' appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Iva, hemm numru ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u nazzjonali ta’ appoġġ lill-vittmi. L-akbar organizzazzjoni nazzjonali hija “der WEISSE RING”.

L-aħħar aġġornament: 16/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.