Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Italien

Indholdet er leveret af
Italien

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Tista’ titlob kumpens mill-Istat għar-reati kollha li jsiru intenzjonalment bi vjolenza kontra l-persuna, u fi kwalunkwe każ għall-intermedjazzjoni illegali u għall-isfruttament ta’ ħaddiema definit fl-Artikolu 603-bis tal-Kodiċi Kriminali, iżda minbarra attakk (percosse) u offiża fuq il-persuna (lesioni) kif imsemmijin fl-Artikoli 581 u 582 tal-Kodiċi sakemm ma jkunx hemm preżenti ċirkostanzi aggravanti previsti mill-Artikolu 583 (jiġifieri, jekk ir-reati jirriżultaw fil-konsegwenzi serji ħafna enumerati speċifikament).

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

Tista’ titlob kumpens biss għal spejjeż mediċi u tal-assistenza, ħlief f’każijiet ta’ attakk sesswali, ta’ omiċidju, ta’ offiża serja ħafna fuq il-persuna u ta’ sfreġju kkawżat minn korrimenti personali fil-wiċċ, f’liema każ il-vittmi jitħallsu ammont fiss ta’ kumpens iddeterminat minn Digriet Ministerjali anke jekk ma jkun hemm l-ebda spiża medika jew tal-assistenza x’titħallas.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b'riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Il-persuni intitolati għal kumpens huma l-parti leża (il-vittma), jew, jekk il-vittma mietet, il-konjuġi u t-tfal superstiti tagħha; jekk il-vittma ma kellhiex konjuġi jew tfal, il-kumpens ikun pagabbli lill-ġenituri tagħha, u fin-nuqqas tal-ġenituri tagħha, lill-aħwa koabitanti li kienu dipendenti fuq il-vittma meta twettaq ir-reat. Parti fi sħubija ċivili bejn persuni tal-istess sess tiġi ttrattata bl-istess mod bħal konjuġi. Jekk il-vittma ma kinitx miżżewġa jew fi sħubija ċivili, konkubin li kellu tfal mal-vittma jew li kien jikkoabita mal-vittma fit-3 snin qabel it-twettiq tar-reat jiġi ttrattat bl-istess mod bħal konjuġi. Jekk ikun hemm aktar minn rikorrent wieħed, il-kumpens jinqasam f’ishma skont id-drittijiet rispettivi tas-suċċessjoni tagħhom.

L-intitolament ta’ persuna għal kumpens huwa limitat f’ċerti każijiet:

  • meta l-vittma (jew persuna intitolata oħra) kienet kompliċi, intenzjonalment jew b’negliġenza kolpevoli, fit-twettiq tar-reat jew ta’ reati oħra assoċjati miegħu fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 12 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali;
  • meta l-vittma tkun ġiet ikkundannata, minn sentenza finali, għal xi waħda mir-reati msemmija fl-Artikolu 407(2)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew ta’ reati li twettqu bi ksur tal-leġiżlazzjoni għall-prevenzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu u evażjoni tal-VAT, jew meta tiġi ppreżentata t-talba, tkun is-suġġett tal-proċedimenti kriminali għal xi waħda minn dawn ir-reati.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Jekk il-vittma tibqa’ ħajja, il-membri tal-familja tal-vittma għandhom id-dritt jieħdu azzjoni direttament kontra l-awtur tar-reat (l-Artikoli 2043 u 2059 tal-Kodiċi Ċivili) għall-ħsara indiretta (mhux materjali) li jkunu sofrew bħala riżultat tad-dannu inflitt fuq il-qarib tagħhom; f’dan il-każ, madankollu, il-liġi fis-seħħ ma titlobx xi kumpens min-naħa tal-Istat (il-Liġi Nru 122/2016, kif emendata mil-Liġi Nru 167/2017). Il-leġiżlazzjoni dwar il-vittmi ta’ reati vjolenti tipprevedi benefiċċji għal persuni bħal dawn biss meta jkunu superstiti ta’ vittma primarja li mietet.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Il-kumpens jista’ jingħata kemm lir-rikorrenti li jgħixu fi Stat Membru tal-UE minbarra l-Italja kif ukoll lil rikorrenti li jgħixu fl-Italja.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?

Il-vittma tista’ tippreżenta talba għal kumpens fl-Italja lill-awtoritajiet ta’ deċiżjoni Taljani diment li r-reat ikun seħħ fl-Italja.

Għandi nkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija qabel inkun nista’ nitlob kumpens?

Le, iżda t-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 60 jum wara digriet li jsib li r-reat sar minn persuna jew persuni mhux magħrufa (decisione che ha definito il giudizio per essere ignoto l'autore del reato), jew wara l-aħħar stadju fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li jittieħdu mingħajr suċċess, jew wara d-data meta kundanna kriminali ssir finali.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Jekk jogħġbok ara hawn fuq:

It-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 60 jum wara digriet li jsib li r-reat twettaq minn persuna jew persuni mhux magħrufa, jew wara l-aħħar stadju fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li jittieħdu mingħajr suċċess, jew wara d-data meta kundanna kriminali ssir finali.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand min wettaq ir-reat – jekk ikun ġie identifikat?

Kif deskritt hawn fuq, it-talba għal kumpens għandha tiġi akkumpanjata minn dokumentazzjoni li turi li l-proċedimenti għall-irkupru tal-ħsarat minn awtur tar-reat ma rnexxewx, jew li l-aħħar stadju fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ma kienx ta’ suċċess, jew li l-kundanna kriminali saret finali.

Din il-kundizzjoni ma tapplikax meta l-awtur tar-reat jibqa’ mhux identifikat, jew meta l-awtur tar-reat ikun applika għal għajnuna legali mħallsa mill-Istat fi proċedimenti kriminali jew ċivili li fiha seta’ jinżamm responsabbli, u jingħata t-tali għajnuna, jew meta l-awtur tar-reat ikun wettaq ir-reat ta’ omiċidju volontarju kontra l-konjuġi tiegħu, anke meta jkun legalment separat jew divorzjat, kontra l-parti l-oħra fi sħubija ċivili, anke meta s-sħubija tkun intemmet, jew kontra persuna li magħha jkun jew kien f’relazzjoni personali li tinvolvi koabitazzjoni fit-tul.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

It-talba għal kumpens għandha tiġi akkumpanjata minn kopja ta’ sentenza li tikkundanna waħda mir-reati previsti mil-liġi, jew minn kopja ta’ digriet li jsib li r-reat sar minn persuna jew persuni mhux magħrufa.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Kif iddikjarat hawn fuq, it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 60 jum wara digriet li jsib li r-reat sar minn persuna jew persuni mhux magħrufa, jew wara l-aħħar stadju fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li jittieħdu mingħajr suċċess, jew wara d-data meta kundanna kriminali ssir finali.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ikopri:

(a) Għall-vittma tar-reat:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi tal-korriment (kura medika – kura ambulanti u fi sptar, irkupru)
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn korriment (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija ta’ edukazzjoni fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)
  • korrimenti permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ waqt kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)
    • telf ta’ opportunità
    • spejjeż relatati mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara, bħal tariffi legali u spejjeż tal-qorti
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara
    • oħrajn

- Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma

(b) Għall-persuni intitolati jew għall-qraba ta’ vittma:

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral
  • spejjeż mediċi tal-korriment (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fi sptar, riabilitazzjoni)
  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità

- Ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet

Il-kumpens jitħallas (soġġett għal miżuri aktar favorevoli li jkunu diġà fis-seħħ minn dispożizzjonijiet legali oħrajn għal reati speċifiċi) sabiex ikopri spejjeż mediċi u tal-assistenza, ħlief f’każijiet ta’ attakk sesswali, ta’ omiċidju, ta’ offiża serja ħafna fuq il-persuna u ta’ sfreġju kkawżat minn korrimenti personali fil-wiċċ, f’liema każ il-vittmi jingħataw ammont fiss ta’ kumpens anke jekk ma jkun hemm l-ebda spiża medika jew ta’ assistenza x’titħallas.

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew f’pagamenti fix-xahar?

B’mod ġenerali, il-kumpens jitħallas bħala pagament uniku, billi jittieħed mill-Fond ta’ Rotazzjoni għall-Appoġġ ta’ Vittmi ta’ Kriminalità bl-istil tal-Mafja, Estorsjoni, Użura u Reati Vjolenti Intenzjonati (Fondo di rotazione per la solidarieta' alle vittime dei reati di tipo mafioso, delle richieste estorsive, dell'usura e dei reati intenzionali violenti), li huwa ġestit mill-Ministeru tal-Intern, iżda l-ammont imħallas għandu jibqa’ fil-limiti tal-finanzjament disponibbli fis-sena attwali.

Fil-każ li ma jkunx hemm biżżejjed finanzjament disponibbli fis-sena rilevanti, dawk intitolati għal kumpens jistgħu jaċċessaw il-Fond għal proporzjon f’dik is-sena, u fis-snin sussegwenti għall-bqija, li jitqassam mingħajr ebda imposta, interessi jew evalwazzjonijiet mill-ġdid addizzjonali.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Il-kumpens jitħallas bil-kondizzjoni li l-vittma ma tkunx kompliċi, b’mod intenzjonat jew b’negliġenza kolpevoli, fit-twettiq tar-reat jew ta’ reati oħra assoċjati; li l-vittma qatt ma tkun wettqet, skont sentenza finali, xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 407(2)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (qerda mhux provokata, serq u qtil tal-massa, involviment fi gwerra ċivili, konfoffa bl-istil tal-Mafja, tiġi pperikolata s-sigurtà tal-pubbliku, omiċidju, serq, estorsjoni, ħtif ta’ persuni, terroriżmu, konfoffa subversiva, konfoffa armata, pussess ta’ splussivi, rikattar organizzat, drogi, tjassir, prostituzzjoni u pornografija tat-tfal, traffikar ta’ persuni, skjavitù, attakk sesswali, atti sesswali ma’ minorenni, attakk sesswali fi grupp) jew ta’ reati li jitwettqu bi ksur tal-leġiżlazzjoni għall-prevenzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu u l-evażjoni tal-VAT; u li meta tiġi ppreżentata t-talba, il-vittma ma tkunx is-suġġett ta’ proċedimenti kriminali għal xi wieħed minn dawn ir-reati.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

L-introjtu tal-vittma m’għandu l-ebda piż fuq id-dritt tagħha għal kumpens.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Il-kumpens jitħallas bil-kondizzjoni li l-vittma ma tkunx irċiviet, fir-rigward tal-istess reat, pagamenti li jilħqu jew jisbqu dak li huwa dovut skont l-Artikolu 11 tal-Liġi 122 tal-2016, mingħand kwalunkwe sors pubbliku jew privat. Jekk il-vittma diġà tkun irċiviet, f’dik il-kapaċità u bħala konsegwenza diretta u immedjata tar-reat, somom anqas mill-ammont dovut skont l-Artikolu 11 tal-Liġi 122 tal-2016 minn sorsi pubbliċi jew privati, il-kumpens jitħallas biss għad-differenza.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-kumpens ikun jikkorrispondi għall-ispejjeż imġarrba, soġġett għal-limiti stipulati mil-Liġi rilevanti u s-somom stabbiliti mid-Digriet Ministerjali li jimplimenta din il-Liġi.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Id-Digriet tat-22 ta’ Novembru 2019 maħruġ mill-Ministeru tal-Intern u mill-Ministeru tal-Ġustizzja li jaġixxu flimkien mal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi (kif previst mill-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 122 tas-7 ta’ Lulju 2016) jistabbilixxi dan li ġej:

1. L-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas skont l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 122 tas-7 ta’ Lulju 2016 għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

a) għad-delitt ta’ omiċidju, l-ammont għandu jkun fiss għal EUR 50 000;

b) għad-delitt ta’ omidiċju mwettaq mill-konjuġi tal-vittma, anke jekk tkun separata jew divorzjata, jew minn persuna li tkun jew kienet involuta f’relazzjoni personali mal-vittma, l-ammont għandu jkun fiss għal EUR 60 000 u għandu jkun pagabbli biss lit-tfal tal-vittma;

c) għad-delitt ta’ attakk sesswali, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi mitiganti li r-reat ikun ta’ gravità anqas minn dik prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 609-bis tal-Kodiċi Kriminali, l-ammont għandu jkun fiss għal EUR 25 000;

d) għad-delitt ta’ offiża serja ħafna fuq il-persuna msemmi fl-Artikolu 583(2) tal-Kodiċi Kriminali, u għad-delitt ta’ sfreġju kkawżat minn korrimenti permanenti fil-wiċċ imsemmi fl-Artikolu 583‑quinquies tal-Kodiċi Kriminali, l-ammont għandu jkun iffissat għal EUR 25 000.

2. Għar-reati msemmijin fil-paragrafu 1, l-ammont fiss tal-kumpens għandu jiżdied b’somma ekwivalenti għall-ispejjeż mediċi u tal-kura dokumentati, sa żieda massima ta’ EUR 10 000.

3. Għar-reati għajr dawk imsemmijin fil-paragrafu 1, il-kumpens għandu jitħallas biss għar-rimborż tal-ispejjeż mediċi u tal-kura dokumentati, sa massimu ta’ EUR 15 000.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni(ja) nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

L-ammont totali tal-ispejjeż mediċi u tal-assistenza mġarrba għandu jiġi indikat u ddokumentat.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew imħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Il-kumpens jitħallas bil-kundizzjoni li l-vittma ma tkunx irċiviet, fir-rigward tal-istess reat, somom li jaqbżu l-ammont dovut skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-Liġi 122 tal-2016, mingħand kwalunkwe sors pubbliku jew privat fuq kwalunkwe bażi. Jekk il-vittma diġà tkun irċiviet, f’dik il-kapaċità u bħala konsegwenza diretta u immedjata tar-reat, somom anqas mill-ammont dovut skont l-Artikolu 11 tal-Liġi 122 tal-2016 minn sorsi pubbliċi jew privati, il-kumpens jitħallas biss għad-differenza.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?

Le

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara eż. tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Le, għalkemm jista’ jkun possibbli li tippreżenta t-talba sussegwenti f’każ li jiġu mġarrba aktar spejjeż mediċi; dan ikun jeħtieġ li jiġi vvalutat mill-awtorità ta' deċiżjoni.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

It-talba għal kumpens għandha tiġi ppreżentata mill-parti interessata, jew mill-persuni intitolati l-oħrajn fil-każ li l-vittma tar-reat tkun mietet, u għandha tiġi ppreżentata wiċċ imb wiċċ jew bi prokura speċjali (a mezzo di procuratore speciale); biex tkun ammissibbli, din għandha tiġi akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

a) kopja ta’ sentenza li tagħti kundanna għal wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 11, jew kopja ta’ digriet li jsib li r-reat twettaq minn persuna jew persuni mhux magħrufa;

b) dokumentazzjoni li turi li tressqu l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għal ħlas tad-danni kontra l-awtur tar-reat mingħajr suċċess; dan ma jkunx neċessarju meta l-awtur tar-reat jibqa’ mhux identifikat, jew l-awtur tar-reat ikun talab u ngħata għajnuna legali mħallsa mill-Istat fil-proċedimenti kriminali jew ċivili li fihom l-awtur tar-reat inżamm responsabbli;

c) dikjarazzjoni minflok affidavit b’ġurament (dichiarazione sostitutiva dell’atto di notorietà) fir-rigward tan-nuqqas ta’ xi impediment u l-istatus ta’ benefiċjarju;

d) ċertifikat mediku li juri l-ispejjeż imġarrba għal servizzi relatati mas-saħħa, jew ċertifikat tal-mewt għall-vittma tar-reat.

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Ministeru tal-Intern

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Lill-Prefettura - l-Uffiċċju tal-Gvern Lokali li għandu ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn hija bbażata l-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-kundanna għal wieħed mir-reati msemmijin fl-Artikolu 11 tal-Liġi 122 tal-2016, jew fuq il-post ta’ residenza tal-parti interessata jew ta’ persuni intitolati oħrajn f’każ li l-vittma tar-reat mietet, jew fuq il-post ta’ residenza ta’ rappreżentant legali bi prokura speċifika meta l-vittma jew persuni intitolati oħrajn ikunu Taljani jew ċittadini tal-UE li ma jgħixux l-Italja.

Il-lista ta’ prefetturi rilevanti hija disponibbli fuq:

http://www.prefettura.it/portale/multidip/index.htm

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le

Kemm jgħaddi żmien (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

Ladarba din tkun irċiviet it-talba, l-awtorità ta’ deċiżjoni fl-Italja għandha tagħti deċiżjoni “mingħajr dewmien”.

Jekk ma nkunx issodisfat(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

M’hemm l-ebda mekkaniżmu speċifiku fis-seħħ; peress li d-deċiżjoni hija waħda amministrattiva, din tista’ tiġi kkontestata skont ir-regoli standard li japplikaw għal miżuri amministrattivi domestiċi li jittieħdu mill-istess awtorità.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?

L-awtorità ta’ assistenza tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha; l-awtorità ta’ assistenza fl-Italja hija l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Procura della Repubblica) fil-qorti b’ġuriżdizzjoni fil-post ta’ residenza tar-rikorrent. Il-formoli huma mehmużin mad-Digriet Ministerjali Nru 222 tat-23 ta’ Diċembru 2008 li jistipula r-regoli f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 204 tad-9 ta’ Novembru 2007 li jimplimenta d-Direttiva 2004/80/KE li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti (Decreto 23 dicembre 2008, n. 222 ‘Regolamento ai sensi dell’articolo 7 del decreto legislativo 9 novembre 2007, n. 204, recante attuazione della direttiva 2004/80/CE relativa all'indennizzo delle vittime di reato”).

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Le

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Le, dan ir-rwol isir mill-awtorità ta’ assistenza.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

L-uffiċċju li jforni din l-informazzjoni ma jafx b'dan.

L-aħħar aġġornament: 03/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.