Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

L-Att dwar id-Denazzjonalizzazzjoni (Zakon o denacionalizaciji) jistipula regoli speċjali dwar is-suċċessjoni fir-rigward ta’ assi privatizzati.

Dawn ir-regoli japplikaw f’każ ta’ proċedimenti ta’ suċċessjoni fejn l-assi li huma soġġetti għal privatizzazzjoni ma ġewx diskussi, u ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet F’din iċ-ċirkostanza il-qorti tista', fuq talba ta’ “suċċessur legali”, twettaq proċediment ta’ suċċessjoni ġdid u speċjali dwar l-assi privatizzati. Id-deċiżjoni dwar il-privatizzazzjoni tiġi indirizzata lill-individwu li kien sid l-assi dak iż-żmien tan-nazzjonalizzazzjoni.

Hemm regoli speċjali dwar is-suċċessjoni tal- assi ta’ kumpanija. Ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ assi li kien qiegħed juża d-decujus li kien kummerċjant uniku għall-attività bi qligħ jew it-trasferiment tal-parteċipazzjoni/ishma minn parteċipazzjoni (sħubija) fi sħubija jew kumpanija kapitali lil suċċessur jew suċċessuri legali. L-Att dwar il-Wirt (Zakon o dedovanju) ma fihx dispożizzjoni speċifika dwar dan il-każ. Skont l-Att dwar il-Wirt, mal-mewt tat-testatur, tinħoloq komunità ta’ ko-eredi sakemm issir id-diviżjoni tal-wirt, li jfisser li l-kumpanija tiġi ġestita b’mod konġunt mill-eredi wkoll. Fejn il-patrimonju li ntiret huwa l-kumpanija, jistgħu iqumu diversi sitwazzjonijiet: Jekk is-suċċessur tal-kumpanija kien ġie maħtur fit-testment, iżda ma jixtieqx ikompli bil-kumpanija, soluzzjoni alternattiva trid tiġi aċċettata mill-eredi kollha. Jekk it-testatur għamel testment mingħajr ma speċifika lis-suċċessur tiegħu jew ma għamilx testment, l-eredi jridu jaqblu dwar il-kontinwazzjoni tan-negozju. Huma jistgħu jiddeċiedu li ħadd minnhom mhu se jkompli n-negozju bħala kummerċjant uniku, u b’hekk in-negozju jieqaf jew jinbiegħ. Alternattivament, huma jistgħu jiddeċiedu li wieħed mill-eredi, bħala kummerċjant uniku, se jkompli bin-negozju jew se jkomplu bih l-eredi kollha. Fil-każ tal-aħħar, jittrasformaw in-negozju f’wieħed minn fost tipi differenti ta’ kumpanija.

Sħubija ġenerali tieqaf teżisti mal-mewt ta’ wieħed mill-imsieħba sakemm il-ftehim ta’ sħubija ma jipprovdix mod ieħor. L-interess ta’ parteċipazzjoni tad-decujus f’kumpanija b’responsabbiltà limitata jista’ jintiret. Jekk hemm diversi eredi, l-interess ta’ parteċipazzjoni jsir propjetà konġunta tal-komunità ta’ eredi. Huma jridu jieħdu ħsieb il-patrimonju flimkien sakemm jiġu determinati l-ishma rispettivi tagħhom. Meta jinqasam il-wirt, hemm żewġ possibiltajiet: L-interess ta’ parteċipazzjoni jibqa’ fil-komunità’ ta’ eredi, li jaqblu li jkollhom partijiet indaqs jew mhux indaqs, jew l-interess ta’ parteċipazzjoni jinqasam bi ftehim sakemm mhux pprovdut mod ieħor fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni. Jekk l-interess ta’ parteċipazzjoni jiġi maqsum, jinħolqu interessi ta’ parteċipazzjoni ġodda minn dak ta’ qabel.

L-ishma f’kumpanija b’ishma konġunti jistgħu jintirtu. Jekk hemm diversi eredi, l-interess ta’ parteċipazzjoni jsir il-propjetà konġunta tal-komunità ta’ eredi. Huma jieħdu ħsieb u jiddisponu mill-interess ta’ parteċipazzjoni/ishma fi ħdan il-komunità ta’ eredi.

Hemm regoli speċjali fuq is-suċċessjoni ta’ azjendi agrikoli, stabbiliti fl- Att dwar is-Suċċessjoni ta’ Azjendi Agrikoli (Zakon o dedovanju kmetijskih gospodarstev).

Il-prinċipju globali ta’ dawn ir-regoli huwa li f’każ ta’ suċċessjoni jiġi evitat li jinqasmu l-irziezet. Minn dak il-prinċipju jsegwu aktar dispożizzjonijiet tal-Att. Bħala regola ġenerali, eredi wieħed biss jista’ jingħata s-sjieda tar-razzett iżda jrid jissodisfa aktar kundizzjonijiet. Jekk it-testatur kien is-sid uniku ta’ razzett protett, ir-razzett jintiret mill-eredi li jkun beħsiebu jaħdem fir-razzett u kien magħżul b’mod reċiproku mill-eredi kollha. Jekk l-eredi ma jistgħux jaqblu, l-eredi li jkun wera l-intenzjoni tiegħu li jaħdem fir-razzett, pereżempju billi jlesti taħriġ fil-qasam tal-agrikoltura jew jiġi mħarreġ f'dan il-qasam, jieħu preċedenza fuq l-eredi l-oħra kollha. Bl-istess kundizzjonijiet, il-konjuġi tad-deċedut jieħu preċedenza fuq id-dixxendenti tat-testatur. Jekk ir-razzett kien il-propjetà konġunta tat-testatur u tal-konjuġi superstiti tiegħu, jew kien il-propjetà speċifika ta’ xi ħadd minnhom, jew jekk il-konjuġi huma l-kopropjetarji tar-razzett, l-eredi tar-razzett jiġi l-konjuġi superstiti tat-testatur. Jekk ir-razzett protett huwa protett minn wieħed mill-ġenituri u d-dixxendent tiegħu jew minn persuna li adottat wild u l-wild adottat tagħha, l-eredi jiġi d-dixxendent jew il-wild adottat. L-interessi tal-parteċipazzjoni statutorji ta’ dawk il-persuni li ma jkunux wirtu r-razzett jitqiesu bħala porzjoni riservata. Barra minn hekk, l-eredi ta’ razzett protett irid ikun kapaċi jieħu r-razzett f’idejh b’kundizzjonijiet li ma jimponux piż eċċessiv fuqu.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Il-wirt ta’ razzett protett huwa każ fejn il-liġi tal-pajjiż fejn jinsabu ċerti kategoriji speċjali ta’ assi għandha regoli speċjali li jistipulaw restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni marbuta ma’ dawk l-assi. Għalhekk, f’każijiet fejn razzett protett fis-Slovenja jifforma parti minn patrimonju, tapplika l-liġi nazzjonali Slovena, irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (l-Att dwar is-Suċċessjoni ta’ Azjendi Agrikoli).

L-aħħar aġġornament: 08/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.