Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Skont il-liġi tal-Iskozja, is-suċċessjoni għal proprjetà li tista’ tintiret u li tinsab barra mill-Iskozja hija rregolata bil-liġijiet tal-ġuriżdizzjoni fejn tkun tinsab.

Għal proprjetà li tinsab fl-Iskozja, meta jkun hemm testment, bħala protezzjoni kontra d-diżeredazzjoni, il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili superstitu għandu dritt legali għal terz tal-proprjetà mobbli tad-deċedut (proprjetà mobbli bħal flus, għamara eċċ.) jekk ikun hemm “dixxendenti” (ulied) jew għal nofs il-proprjetà mobbli jekk ma jkunx hemm dixxendenti. Id-dixxendenti jaqsmu nofs il-proprjetà mobbli jekk ma jkunx hemm konjuġi jew sieħeb ċivili superstitu jew terz jekk ikun hemm konjuġi jew sieħeb ċivili superstitu.

Meta persuna tmut mingħajr testment, japplikaw ir-regoli li ġejjin: skont l-Att (tal-Iskozja) tal-1964 dwar is-Suċċessjoni (Succession (Scotland) Act 1964).

Id-drittijiet preċedenti

Wara li jitħallsu d-djun, l-ewwel sejħa fuq il-patrimonju hija d-drittijiet preċedenti tal-konjuġi jew tas-sieħeb ċivili superstiti li jinkludu d-dritt għal dawn:

  • id-dar (proprjetà immobbli) fejn jgħix sa valur ta’ £473,000
  • għamara sa valur ta’ £29,000
  • is-somma ta’ £50,000 jew inkella ta’ £89,000, skont jekk id-deċedut ikunx ħalla tfal warajh

Is-sehem riżervat

Wara li jkunu ġew issodisfati d-drittijiet preċedenti, is-sejħa li jmiss fuq il-patrimonju hija s-sehem riżervat. Is-sehem riżervat jista’ jintalab biss mill-proprjetà mobbli tad-deċedut.

Il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili superstitu għandhom sehem riżervat ta’ terz tal-proprjetà mobbli tad-deċedut jekk hemm “dixxendenti” (tfal) jew għal nofs il-proprjetà mobbli jekk ma hemmx dixxendenti. Id-dixxendenti jaqsmu nofs il-proprjetà mobbli jekk ma jkunx hemm konjuġi jew sieħeb ċivili superstitu jew terz jekk ikun hemm konjuġi jew sieħeb ċivili superstitu.

Il-bqija tal-patrimonju

Dak li jifdal mill-patrimonju jitqassam lill-qraba li jiġu aktar mill-bogħod skont l-Artikolu 2 tal-Att tal-1964.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Meta persuna tmut domiċiljata l-Iskozja, is-suċċessjoni għall-proprjetà li tintiret ta’ dak l-individwu tiġi ddeterminata mil-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà li tintiret. Is-suċċessjoni għall-beni mobbli tal-mejjet tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Iskozja irrispettivament minn fejn jinsabu l-beni.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Skont il-liġi Skoċċiża, il-patrimonju ta’ deċedut normalment jiġi amministrat minn eżekutur wara għotja ta’ Konferma mill-qorti tax-xeriff (sheriff court). Eżekutur ikun f’relazzjoni speċjali mal-benefiċjarji meta jamministra patrimonju u jkollu numru ta’ dmirijiet x’jaqdi, inkluż li jiġbor il-patrimonju tad-deċedut, jieħu t-titolu għalih billi jikseb konferma, iħallas kwalunkwe dejn u jqassam il-bqija tal-patrimonju lill-benefiċjarji.

Ir-relazzjoni bejn eżekutur u benefiċjarju hija ta’ natura fiduċjarja. L-ebda eżekutur ma jista’ jpoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni fejn l-interess tiegħu u d-dmir tiegħu lejn benefiċjarju jkunu f’konflitt. Jekk eżekutur jew fiduċjarju jpoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni bħal din, din tista’ ssarraf fi ksur tal-fiduċja li l-benefiċjarju jista’ jkollu rimedju legali quddiem qorti fir-rigward tiegħu.

L-aħħar aġġornament: 24/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.