Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Iva, hemm regoli li jimponu restrizzjonijiet fuq jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ ċerti assi.

FIL-KODIĊI ĊIVILI

L-Artikoli 1476(1)(a) u 1485 tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil) jistipulaw li l-użufrutt u d-dritt in rem tal-użu u l-abitazzjoni huma drittijiet in rem li jintemmu bil-mewt tad-detentur tagħhom, bis-saħħa tal-liġi.

L-Artikoli 2103-A u 2103-B tal-Kodiċi Ċivili jipprovdu għal legat legali: il-konjuġi superstiti għandu prijorità, fil-mument tal-qsim, fir-rigward tad-dritt għall-abitazzjoni tad-dar tal-familja u d-dritt li juża l-kontenut tagħha, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi.

Il-verżjoni aġġornata tal-Kodiċi Ċivili tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż fuq:

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=775&tabela=leis&so_miolo=&

FIL-KODIĊI TAL-KUMPANIJI

L-Artikolu 184 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji (Código das Sociedades Comerciais) jipprovdi li, jekk sieħeb ta’ soċjetà ordinarja jmut, sakemm l-istatut ta’ assoċjazzjoni ma jistipulax mod ieħor, is-soċji li jifdal jew il-kumpanija jridu jħallsu l-valur rispettiv lis-suċċessur li jakkumula d-drittijiet tad-deċedut, sakemm ma jagħżlux li jxolju l-kumpanija u jinnotifikaw dan lis-suċċessur fi żmien 90 jum mid-data li fiha saru jafu bil-mewt tas-sieħeb. Is-sħab superstiti jistgħu, madankollu, ikomplu l-kumpanija mas-suċċessur tad-deċedut, dment li s-suċċessur jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu/tagħha.

L-Artikolu 225 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji jgħid li ftehim ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata jista’ jistabbilixxi li jekk imut soċju, is-sehem tiegħu ma jistax jiġi ttrasferit lis-suċċessuri tal-mejjet, u jista’ wkoll jissuġġetta t-trasferiment għal ċerti rekwiżiti.

Jekk, minħabba tali ftehim, is-sehem ma jiġix ittrasferit lis-suċċessuri tas-sieħeb deċedut, il-kumpanija trid tamortizzah, tiksbu jew tara li jiġi akkwistat minn sieħeb jew parti terza; jekk l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma titwettaq fi żmien 90 jum wara li kwalunkwe wieħed mid-diretturi jsir jaf bil-mewt tas-sieħeb, is-sehem jitqies trasferit.

Skont l-Artikoli 469 u 475 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji, l-istess sistema tapplika f’każ ta’ mewt ta’ soċju ta’ soċjetà in akkomandita.

Skont l-Artikolu 252(4) tal-Kodiċi tal-Kumpaniji, l-amministrazzjoni ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata ma tistax tkun suġġetta għal suċċessjoni minħabba mewt, anki jekk flimkien ma’ sehem.

Il-verżjoni aġġornata tal-Kodiċi tal-Kumpaniji tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż fuq:

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=524&tabela=leis&so_miolo=&

IL-QAFAS LEGALI GĦALL-ARMI U L-MUNIZZJON

L-Artikolu 37 tal-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon (Regime Jurídico das Armas e Munições), approvat mil-Liġi Nru 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006, jipprovdi li l-akkwist b’suċċessjoni mortis causa ta’ kull arma ddikjarata huwa permess biss bl-awtorizzazzjoni tad-direttur nazzjonali tal-PSP (Polícia de Segurança Publica (forza tal-pulizija)), li tista’ tinkiseb skont id-dispożizzjoni legali msemmija qabel.

Il-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon, approvat bil-Liġi Nru 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006, jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq:

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=692&tabela=leis&so_miolo=

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

It-tweġiba hija iva fil-każ ta’ estinzjoni minħabba mewt tal-użufrutt u tad-dritt in rem tal-użu u l-abitazzjoni, kif ukoll tar-regoli stabbiliti fil-Kodiċi tal-Kumpaniji u fil-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon, imsemmi hawn fuq.

Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(h), (k) u (l) tar-Regolament Nru 650/2012.

It-tweġiba hija le fil-każ tal-legat legali previst fl-Artikoli 2103-A u 2103-B tal-Kodiċi Ċivili.

Madankollu, it-tweġiba ta’ hawn fuq ma tippreġudikax interpretazzjonijiet differenti mill-Qrati.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Fil-każ tal-ftuħ ta’ suċċessjoni, hemm regoli fil-Kodiċi Ċivili li jikkonferixxu setgħat ta’ amministrazzjoni tal-wirt u li jistgħu jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq.

Il-proċeduri u l-preċetti tal-Kodiċi Ċivili huma kif ġej:

  • Meta l-wirt ikun għadu sospiż – fi kliem ieħor, miftuħ iżda għadu mhux aċċettat jew iddikjarat bħala li ma intalabx affavur tal-Istat - is-suċċessuri fit-titolu (l-Artikolu 2047) jew l-eżekutur tas-suċċessjoni sospiża (l-Artikolu 2048) jistgħu jagħmlu arranġamenti għall-amministrazzjoni tal-assi jekk dewmien f’tali miżuri jista’ jkun ta’ detriment;
  • Wara l-aċċettazzjoni tal-wirt, l-amministrazzjoni tal-wirt taqa’ f’idejn l-amministratur tal-patrimonju (l-Artikolu 2079 u 2087);
  • L-amministratur tal-patrimonju jista’ jitlob lill-eredi jew lill-partijiet terzi biex jikkonsenjaw l-assi li għandhom jiġu amministrati, u jużaw azzjonijiet ta’ pussess mill-ġdid jew żgumbrament kontrihom biex iżommu jew jiżguraw l-irkupru tal-pussess tal-oġġetti soġġetti għall-ġestjoni tagħhom (l-Artikolu 2088);
  • L-amministratur tal-patrimonju jista’ jiġbor djun ta’ wirt riċevibbli meta l-irkupru jista’ jiġi pperikolat minħabba dewmien jew meta l-ħlas isir volontarjament (l-Artikolu 2089);
  • Barra minn hekk, il-werriet jista’ jressaq pretensjoni ta’ wirt biex ifittex rikonoxximent ġudizzjarju tal-kapaċità tiegħu bħala suċċessur u l-irkupru tal-assi kollha tal-wirt tiegħu, jew parti minnhom, kontra dawk li jipposseduhom bħala werriet jew b’titolu ieħor, jew saħansitra mingħajr titolu (Artikolu 2075).

N.B.

L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva mhijiex eżawrjenti jew vinkolanti fuq il-Punt ta’ Kuntatt, il-Qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħra. Għalkemm dawn jiġu aġġornati b’mod regolari, l-iskedi informattivi jistgħu ma jkunx fihom ir-reviżjonijiet kollha li jsiru fil-liġi, u għalhekk ma jistgħux jissostitwixxu l-konsultazzjoni tat-testi legali fis-seħħ fi kwalunkwe ħin.

L-aħħar aġġornament: 19/09/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.