Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Iva, jeżistu restrizzjonijiet bħal dawn fil-liġi tal-Lussemburgu. Din hija sehem riżervat, kif definit fil-Kodiċi Ċivili (Code civil). Madankollu, ta’ min jinnota li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux restrizzjonijiet fuq ċerti tipi ta’ proprjetà jew intrapriżi speċifiċi skont it-tifsira tal-mistoqsija, jew fuq il-kategoriji speċjali ta’ assi msemmija fil-mistoqsija. Sehem riżervat jimponi restrizzjonijiet fuq parti legali ta’ patrimonju, irrispettivament min-natura tal-proprjetà inkluża f’dan is-sehem.

L-Artikolu 913 tal-Kodiċi Ċivili jiddefinixxi l-prinċipji li skonthom il-legati fit-testmenti ma jistgħux jaqbżu nofs l-assi tat-testatur jekk dan tal-aħħar fadallu wild wieħed, terz jekk fadallu żewġ ulied, u kwart jekk fadallu tliet ulied jew aktar. Skont l-Artikolu 916 tal-Kodiċi Ċivili, meta ma jkunx hemm dixxendenti, il-legati fit-testmenti jew ir-rigali tul il-ħajja permezz ta’ atti jistgħu jikkonċernaw l-assi kollha.

Għall-finijiet tal-kompletezza, għalkemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jirriżultawx mil-liġi dwar is-suċċessjonijiet, għandha tissemma l-Liġi emendata tat-18 ta’ Lulju 1983 dwar il-konverżjoni u l-protezzjoni ta’ siti u monumenti nazzjonali (loi modifiée du 18 juillet 1983 concernant la conservation et la protection des sites et monuments nationaux). Proprjetà immobbli li ġiet elenkata skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi msemmija hija soġġetta għal ċerti restrizzjonijiet, irrispettivament minn jekk hijiex koperta minn suċċessjoni futura jew miftuħa. Għalhekk, pereżempju, l-Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, l-ewwel sentenza, tal-Liġi msemmija jipprevedi li proprjetà immobbli elenkata ma tistax tinqered jew titmexxa, l-użu tagħha ma jistax jinbidel, u din ma jistax isirilha restawr, tiswija jew xogħol ta’ alterazzjoni mingħajr ma jkun ta l-awtorizzazzjoni l-ministru kompetenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 15, l-ewwel paragrafu, tal-istess Liġi msemmija jiddikjara li l-ebda struttura ġdida ma tista’ tingħaqad ma’ proprjetà immobbli elenkata mingħajr awtorizzazzjoni speċjali mill-ministru.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Hemm diversi opinjonijiet esperti dwar jekk is-sehem riżervat jaqax taħt politika pubblika internazzjonali u għalhekk għandux jiġi rispettat irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Iva, fir-rigward tas-sehem riżervat. Jekk l-attribuzzjonijiet, sew jekk ikunu rigali tul il-ħajja jew legati mal-mewt, jaqbżu s-sehem disponibbli, dawn jistgħu jitnaqqsu sa dak is-sehem meta tinfetaħ is-suċċessjoni. L-Artikolu 920 et seq. tal-Kodiċi Ċivili jistipula l-proċedura għat-tnaqqis ta’ donazzjonijiet u legati li hija applikabbli f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 03/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.