

Sib informazzjoni għal kull reġjun
NOTA PRELIMINARI
L-ewwel nett, għandu jkun innutat li d-drittijiet in rem jistgħu jkunu drittijiet ta’ użu (direitos reais de gozo) jew drittijiet ta’ sigurtà (direitos reais de garantia).
It-tieni, barra drittijiet in rem fuq oġġetti materjali, parti mid-duttrina tiddefendi l-eżistenza ta’ drittijiet in rem fuq oġġetti immaterjali.
Fl-aħħar nett, fil-Portugall il-liġi tiġbor fiha l-prinċipju ta’ numerus clausus, jew in-natura eżawrjenti tad-drittijiet in rem (l-Artikolu 1306 tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil)).
DRITTIJIET LI JISTGĦU JKUNU SOĠĠETTI GĦAL SUĊĊESSJONI
Il-ġabra ta’ drittijiet li ma jiskadux mal-mewt tal-utent tagħhom iżda li jissoktaw wara jistgħu jkunu soġġetti għal suċċessjoni.
L-Artikolu 2025 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż (Código Civil) jiddikjara dan li ġej rigward x’jista’ jkun soġġett għal suċċessjoni:
“1 - Ir-relazzjonijiet legali li jintemmu mal-mewt tas-sid rispettiv tagħhom, minħabba n-natura tagħhom jew bis-saħħa tal-liġi, mhumiex soġġetti għal suċċessjoni.
2 - Id-drittijiet rinunzjabbli wkoll jistgħu jintemmu mal-mewt tad-detentur jekk dan ikun xtaq hekk.”
Bħala eżempju, l-użufrutt jew id-dritt in rem tal-użu jew abitazzjoni huma drittijiet in rem li jintemmu mal-mewt tad-detentur tagħhom, bil-forza tal-liġi (l-Artikoli 1476(1)(a) u 1485 tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil)).
Il-verżjoni preżenti tal-Kodiċi Ċivili tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż minn http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=775&tabela=leis&so_miolo=&
Bl-eċċezzjoni tal-użufrutt, tad-dritt in rem tal-użu u l-abitazzjoni, tad-drittijiet in rem li jaqgħu taħt kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2025 tal-Kodiċi Ċivili, jew każijiet oħrajn previsti speċifikament f’dispożizzjonijiet legali oħrajn, bħala regola, id-drittijiet in rem li jifdal jistgħu jkunu soġġetti għal suċċessjoni.
Jeżistu limitazzjonijiet fuq ċerti drittijiet, bħalma huma d-drittijiet in rem li jikkonċernaw armamenti ddikjarati, li jistgħu jkunu biss soġġetti għal suċċessjoni taħt ċerti kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 37 tal-qafas legali dwar l-armamenti u l-munizzjon (Regime Jurídico das armas e munições), li jiddikjara dan li ġej:
“1 - L-akkwist b’suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna mejta ta’ kwalunkwe arma ddikjarata jiġi awtorizzat bil-permess tad-direttur nazzjonali tal-polícia de segurança publica – PSP (Pulizija).
2. Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, l-eżistenza ta’ armamenti trid tiġi ddikjarata lill-PSP fi żmien 90 ġurnata mill-mewt tas-sid preċedenti, jew mill-iskoperta tal-armamenti minn min ikollu dawn l-armamenti fil-pussess tiegħu.
3 - Id-direttur nazzjonali tal-PSP jista’ jawtorizza li l-arma tiġi rreġistrata f’isem l-amministratur tal-patrimonju sakemm tinqasam il-proprjetà tal-mejjet, li f’dan il-każ dan ikun obbligat li jiddepożita l-arma fil-kustodja tal-PSP.
4 - Fl-eventwalità li l-amministratur tal-beni jew eredi ieħor jissodisfa l-kondizzjonijiet legali għall-pussess tal-arma, ir-reġistrazzjoni tista’ tintalab f’isimhom, jekk din tibqa’ fil-kustodja tagħhom.
5 - Mal-applikazzjoni tal-amministratur tal-patrimonju, l-arma tkun tista’ tiġi ttrasferita lil dik il-parti li tissodisfa l-kriterji għall-pussess tagħha, bil-parti li tkun qed takkwista tintgħażel mill-parti interessata; jew l-arma tista’ tinbiegħ mill-PSP f'irkant, bil-valur taċ-ċessjoni, bl-ispejjeż imnaqqsa, imħallas lill-patrimonju.
6 - Wara li sseħħ id-diviżjoni, l-arma tingħata lill-eredi benefiċjarju, diment li dan jissodisfa l-kondizzjonijiet legali għall-pussess tagħha.
7 - Wara 10 snin mingħajr ma tkun saret talba għall-pussess, din tiġi ddikjarata bħala mħollija lill-Istat.”
Il-qafas legali dwar l-armamenti u l-munizzjon approvat bil-Liġi Nru 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż permezz ta’ http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=692&tabela=leis&so_miolo.
DRITTIJIET IN REM TAL-UŻU
Il-liġi tipprovdi għal dawn id-drittijiet in rem tal-użu (l-Artikoli 1302 sa 1575 tal-Kodiċi Ċivili u l-qafas legali dwar it-timesharing (Regime Jurídico da Habitação Periódica) imsemmija hawn taħt):
Il-qafas legali dwar it-timesharing kien approvat bid-Digriet Amministrattiv Nru 275/93 tal-5 ta’ Awwissu 1993, li jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż permezz ta’ http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=648&tabela=leis
DRITTIJIET IN REM DWAR IL-GARANZIJI
Il-Kodiċi Ċivili jipprovdi għad-drittijiet in rem dwar il-garanziji li ġejjin:
DRITTIJIET IN REM FUQ OĠĠETTI MATERJALI
L-Artikolu 1302 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li oġġetti materjali mobbli u immobbli biss (inkluż l-ilma) jistgħu jkunu soġġetti għad-dritt tal-pussess li hu regolat b’dak il-kodiċi.
DRITTIJIET IN REM FUQ OĠĠETTI IMMATERJALI
L-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili jirreferi għall-proprjetà intellettwali, li min-naħa tagħha hija regolata bil-Kodiċi dwar il-Proprjetà Industrijali (Código da Propriedade Industrial). Parti mid-duttrina tistabbilixxi li l-proprjetà intellettwali hija kunċett li tinkorpora d-dritt tal-kopja u drittijiet relatati, u proprjetà industrijali. Il-liġi Portugiża tirreferi għaż-żewġ denominazzjonijiet: il-proprjetà intellettwali (fil-Kodiċi Ċivili) u l-proprjetà industrijali (fil-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali).
Skont l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali, is-sajd, l-agrikoltura, il-forestrija, il-bhejjem u l-industriji estrattivi, l-industrija u l-kummerċ fis-sens strett, kif ukoll il-prodotti naturali jew manifatturati kollha u servizzi, jaqgħu fl-ambitu ta’ proprjetà industrijali.
Id-duttrina mhijiex waħda unanima fir-rigward ta' jekk il-liġi nazzjonali taċċettax id-dritt tal-pussess u drittijiet oħra in rem fuq oġġetti immaterjali, pereżempju l-pussess ta’ stabbiliment kummerċjali jew proprjetà intellettwali. Din il-materja hija soġġetta għall-interpretazzjoni tal-qrati.
Il-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali jirregola d-drittijiet għall-privattivi, mudelli ta’ utilità, prodotti semikondutturi, diżinji, trade marks, premjijiet, logos, titolu ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll il-modifikazzjoni jew it-trasferiment tagħhom.
Id-drittijiet li jiġu minn privattivi jew mudelli ta’ utilità, kif ukoll ir-reġistrazzjonijiet ta’ topografiji ta’ prodotti semikondutturi, diżinji jew trade marks, u sinjali kummerċjali distintivi oħra jistgħu jingħataw bħala pleġġ - l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali.
Il-verżjoni aġġornata tal-Kodiċi tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż.
Rigward kumpaniji kummerċjali, is-suċċessjoni għad-drittijiet fuq interessi parteċipanti jew ishma dovuta, għall-mewt ta’ wieħed mill-imsieħba u r-rekwiżiti ta’ dawn, hija regolata fil-Kodiċi tal-Kumpaniji (Código das Sociedades Comerciais), jiġifieri:
Il-verżjoni aġġornata tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż.
Iva, bħala regola dawn id-drittijiet jiġu rreġistrati f’reġistru, kif spjegat hawn taħt:
UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU TAL-ARTIJIET
Fl-Uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet (Conservatórias do Registo Predial), jiġu rreġistrati l-atti dwar l-istatus legali tal-bini, inklużi d-drittijiet in rem li ġejjin (l-Artikoli 1 u 2 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet (Código de Registo Predial)):
Huwa mandatorju li dawn il-fatti msemmija hawn fuq jiġu rreġistrati, ħlief għal dawk elenkati fl-Artikolu 8-A tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet.
Skont l-Artikolu 687 tal-Kodiċi Ċivili, l-ipoteka trid tiġi rreġistrata, jew inkella ma tiġix rikonoxxuta fir-rigward tal-partijiet.
Il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-art huma speċifikati fid-dispożizzjonijiet legali li ġejjin tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet:
Il-kodiċi tar-reġistru tal-artijiet jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż permezz ta’: http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=488&tabela=leis
Aktar informazzjoni dettaljata dwar applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ artijiet, dawk kummerċjali u ta’ vetturi, bħal kif wieħed għandu jibgħat l-applikazzjoni, ir-rekwiżiti u s-servizzi, hija disponibbli onlajn fuq http://www.irn.mj.pt/sections/empresas.
L-UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU KUMMERĊJALI
Fl-Uffiċċji tar-Reġistru Kummerċjali jiġu rreġistrati l-atti intenzjonati li jippubbliċizzaw l-istatus legali ta’ negozjanti individwali, kumpaniji kummerċjali, assoċjazzjonijiet ta’ liġi ċivili f’forma kummerċjali u stabbilimenti individwali b’responsabbiltà limitata. Ir-reġistrazzjoni ta’ ċerti atti dwar l-istatus legali ta’ koperattivi, intrapriżi pubbliċi, gruppi kumplimentari ta’ intrapriżi u raggruppamenti Ewropej ta’ interess ekonomiku wkoll tiġi rreġistrata fl-Uffiċċji tar-Reġistru Kummerċjali.
L-atti stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali (Código de Registo Comercial) jridu jkunu rreġistrati fir-reġistru tal-Uffiċċji tar-Reġistru Kummerċjali, jiġifieri:
“Artikolu 15 (Atti soġġetti għal reġistrazzjoni mandatorja)
1- Ir-reġistrazzjoni tal-atti msemmija fil-paragrafi (a) sa (c) u (e) sa (z) tal-Artikolu 3(1) u (2), l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(a), (e) u (f), l-Artikoli 6, 7 u 8 u l-Artikolu 10(c) u (d), hija mandatorja.
2 - Ħlief għal kif previst fil-paragrafi li ġejjin, ir-reġistrazzjoni tal-atti msemmija fil-paragrafu preċedenti trid tintalab fi żmien xahrejn mid-data tal-ħruġ.
3 - L-atti msemmija fl-Artikolu 5(a), (e) u (f) jridu jintalbu fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tad-digriet li jiddeterminahom.
4 - L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-kontijiet ta’ kumpanija u l-kontijiet ta’ stabbilimenti individwali b’responsabbiltà limitata trid tiġi ppreżentata sal-15-il jum tas-seba’ xahar wara l-għeluq tas-sena finanzjarja.
5 - L-azzjonijiet, id-deċiżjonijiet, il-proċeduri u l-miżuri prekawzjonarji previsti fl-Artikolu 9 huma soġġetti wkoll għar-reġistrazzjoni mandatorja.
6 - Ir-reġistrazzjoni tal-ordni interim mhijiex mandatorja jekk ir-rikors biex tiġi rreġistrata l-miżura prekawzjonarja mitluba jkun sar diġà, u r-reġistrazzjoni ta’ din ma tkunx obbligatorja jekk ir-rikors għar-reġistrazzjoni tal-azzjoni prinċipali jkun sar diġà.
7 - Ir-reġistrazzjoni tal-azzjonijiet u l-ordnijiet interim għas-sospensjoni ta’ riżoluzzjonijiet korporattivi għandha tintalab fi żmien xahrejn mid-data tal-proposta tagħhom.
8 - Ir-reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet finali pronunzjati fl-azzjonijiet u fl-ordnijiet msemmija fil-paragrafu preċedenti trid tintalab fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni finali u li ma tistax tiġi appellata.”
Il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali huma speċifikati fl-Artikoli 28 sa 53 tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali.
Skont l-Artikolu 32(1) u (2) tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali:
Rigward l-obbligi fiskali, skont l-Artikolu 51(1) tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali, l-ebda att li jkun soġġett għal drittijiet ta’ natura fiskali ma jista’ jiġi rreġistrat b’mod definittiv mingħajr ma jkunu tħallsu jew ġew iggarantiti t-taxxi.
Il-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż.
REĠISTRAZZJONI TA’ TITOLI
Dawn li ġejjin, fost oħrajn ikkwalifikati bħala tali skont il-liġi, huma eliġibbli bħala titoli:
It-titoli jkunu f'forma rreġistrata (l-Artikolu 52 tal-Kodiċi tat-Titoli Portugiż (Código de Valores Mobiliário)).
L-akkwist ta’ titoli, kif ukoll l-istabbiliment, il-modifikazzjoni jew l-estinzjoni ta’ użufrutt, pleġġ jew sitwazzjonijiet legali oħra li jfixklu t-titoli jiġu rreġistrati (bħala regola mal-entità li toħroġhom jew ma’ entità ta’ ġestjoni) u jistgħu jkunu soġġetti għal suċċessjoni.
Ir-reġistrazzjoni ta’ titoli, l-entitajiet tar-reġistrazzjoni, ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, l-effetti tar-reġistrazzjoni fuq l-istabbiliment, it-trasferiment u l-eżerċitar tad-drittijiet u s-suċċessjoni għal dawn id-drittijiet, ivarjaw skont il-kategoriji ta’ proprjetà msemmija aktar ’il fuq.
Din il-materja hija regolata mill-Kodiċi tat-Titoli Portugiż, approvat permezz tad-Digriet Amministrattiv Nru 486/99 tat-13.11.1999, li l-verżjoni aġġornata tiegħu hija disponibbli bil-Portugiż.
REĠISTRI TA’ VETTURI BIL-MUTUR
Il-fatti li jirrigwardaw l-istatus legali ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom jiġu rreġistrati fir-Reġistri tal-Vetturi bil-Mutur (Conservatórias do Registo Automóvel).
Għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni, il-vetturi jiġu kkunsidrati bħala vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom li, skont il-Kodiċi tat-Toroq (Código da Estrada), ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni.
L-Artikolu 117 tal-Kodiċi tat-Toroq jiddikjara li vetturi u trejlers huma soġġetti għal reġistrazzjoni obbligatorja. Il-Kodiċi tat-Toroq approvat permezz tad-Digriet Amministrattiv Nru 114/94 tat-3.5.1994, fil-verżjoni aġġornata tiegħu, jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż.
L-Artikolu 5 tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur (Código de Registo Automóvel) jipprovdi għal dan li ġej fir-rigward tar-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur:
"Artikolu 5
1 - Dawn li ġejjin huma soġġetti għal reġistrazzjoni:
a) Id-dritt tal-pussess u tal-użufrutt;
b) Iż-żamma ta’ titolu stipulat fil-kuntratti għall-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur;
c) L-ipoteka, il-modifikazzjoni u l-assenjazzjoni ta’ din, kif ukoll l-assenjazzjoni tal-grad ta’ prijorità tar-reġistrazzjoni rispettiva;
d) Il-kera finanzjarja u t-trasferiment tad-drittijiet li jiġu minn dan;
e) Il-kera għal terminu ta’ iktar minn sena, meta l-kuntratt rispettiv jirriżulta fl-eżistenza ta’ stennija ta’ trasferiment ta’ pussess;
f) L-allokazzjoni tal-vettura għall-kiri mingħajr xufier;
g) It-trasferiment tad-drittijiet jew krediti rreġistrati u l-pleġġ, il-konfiska temporanja u s-sekwestru ta’ dawn il-krediti;
h) Is-sekwestru, il-konfiska temporanja, l-inventarju jew il-konfiska, il-konfiska fi proċeduri kriminali jew kwalunkwe miżura jew att ġudizzjarju jew amministrattiv ieħor li jaffettwa d-disponiment liberu tal-vetturi;
i) Il-piżijiet tal-inaljenabbiltà jew tan-nuqqas ta’ disponibbiltà previsti fil-liġi fiskali;
j) L-iskadenza jew il-modifikazzjoni ta’ drittijiet jew spejjeż li jkunu ġew irreġistrati qabel, bidla fil-kompożizzjoni tal-isem jew id-denominazzjoni u l-bidla fir-residenza ta’ abitazzjoni jew tal-uffiċċju ewlieni tal-proprjetarji, l-użufruttwarji u l-kerrejja tal-vetturi;
k) Kwalunkwe att legali ieħor soġġett għal reġistrazzjoni skont il-liġi.
2 - L-atti msemmija fil-punti a), b), d), e), f) u i) u r-reġistrazzjoni tal-bidla fl-isem jew fid-denominazzjoni u r-residenza ta’ abitazzjoni jew tal-uffiċċju prinċipali tal-proprjetarji, l-użufruttwarji u l-kerrejja tal-vetturi.
3 - Ir-reġistrazzjoni tal-pussess, f’każ ta’ suċċessjoni ereditarja, tiġi eżentata meta l-vettura tkun intenzjonata li tiġi ttrasferita mill-eredi.”
Vetturi bil-mutur ma jistgħux ikunu mirhuna - l-Artikolu 8 tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur.
Il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur.
"Artikolu 11
1 - L-ebda att annotat fuq iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni jew li jikkonċerna t-tneħħija jew l-emendi tal-fatti rreġistrati fih ma jista’ jsir mingħajr ma jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat li jkun inħareġ qabel.
2 - Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma japplikawx:
a) F’każ li ċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni jintilef jew jinqered;
b) F’każijiet ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ vetturi li jsiru fuq l-internet.
3 - Fejn ir-reġistrazzjoni tintalab minn parti interessata li ma jkollhiex iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni, ir-reġistratur irid jinnotifika lill-utent ta’ dak iċ-ċertifikat, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu preċedenti, mingħajr preġudizzju għar-reġistrazzjoni.
4 - Jekk in-notifikazzjoni ma ssirx, jew iċ-ċertifikat ma jintbagħatx lir-reġistratur fil-perjodu stabbilit, ir-reġistratur għandu jitlob il-konfiska ta' dan id-dokument minn kwalunkwe awtorità amministrattiva jew mingħand il-Pulizija.”
Ir-Reġistrazzjoni ta’ Vettura bil-Mutur hija regolata bid-Digriet Amministrattiv Nru 54/75 tat-12 ta’ Diċembru 1975.
REĠISTRU NAZZJONALI TAL-AJRUPLANI
Ajruplani jew tagħmir awtonomu (magni, rotors, skrejjen, eċċ.) jridu jkunu rreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali tal-Ajruplani.
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ssir bl-użu tal-formola li tkun akkumpanjata bid-dokumentazzjoni li ġejja:
Dokumenti maħruġin f’pajjiżi barranin irid ikun hemm fuqhom il-firem ta’ persuni awtorizzati u legalizzati kif suppost, bl-Apostilla mehmuża magħhom, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 u 4 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 li tabolixxi r-rekwiżit tal-legalizzazzjoni għal dokumenti pubbliċi barranin, ratifikata bid-Digriet Amministrattiv Nru 48450 tal-24 ta’ Ġunju 1968, jew notarizzati u legalizzati kif xieraq minn aġent diplomatiku jew konsulari Portugiż f’dak il-pajjiż.
Id-dokumenti maħruġa fil-Portugall minn entità legali jrid ikollhom il-firem tar-rappreżentanti legali rikonoxxuti bil-liġi bil-kelmiet “awtorizzati kif xieraq waqt l-eżerċitar tas-setgħat tagħhom”.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (Autoridade Nacional de Aviação Civil).
REĠISTRU TAL-BASTIMENTI
Ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti hija rregolata bir-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet Portwali (Regulamento Geral das Capitanias) – Digriet Amministrattiv Nru 265/72 tal-31 ta’ Lulju 1972 – fl-iktar verżjoni aġġornata tiegħu, li jista’ jiġi kkonsultat permezz ta’: http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=1721&tabela=leis&ficha=1&pagina=1&so_miolo=&
Barra minn hekk, id-Digriet Amministrattiv Nru 96/89 tat-28 ta’ Marzu 1989 li jistabbilixxi r-Reġistru ta’ Bastimenti Internazzjonali ta’ Madeira kif ukoll l-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 715/89 tat-23 ta’ Awwissu 1989, li tirregola ċerti aspetti tiegħu, huma applikabbli.
Skont dan il-qafas legali:
Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ta’ bastiment huma stabbiliti fl-Artikolu 77 tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet Portwali.
B’mod partikolari, rigward ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti f’każ ta’ suċċessjoni b’mewt:
Reġistrazzjoni ta’ armamenti
Armamenti u munizzjon huma soġġetti għad-dikjarazzjoni u r-reġistrazzjoni mandatorja tal-PSP (Pulizija tas-Sigurtà Pubblika).
Il-qafas legali għall-armamenti u l-munizzjon imsemmi diġà fuq għandu japplika, u r-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni u r-reġistrazzjoni huma stabbiliti fih.
Is-suċċessjoni b’mewt hija soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-qafas legali dwar l-armamenti u l-munizzjon msemmi aktar ’il fuq.
Ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà intellettwali sseħħ fl-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional da Propriedade Industrial).
L-għoti ta’ privattivi, mudelli ta’ utilità, prodotti semikondutturi, u d-diżinn jew mudell, trade mark, reġistrazzjonijiet ta’ premjijiet jew logos, reġistrazzjonijiet ta’ titolu ta’ oriġini u indikazzjoni ġeografika jsir mill-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali, fejn iridu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet rispettivi.
Ir-rekwiżiti u l-effetti tal-applikazzjoni għall-għoti jew għar-reġistrazzjoni huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali għal kull waħda mill-kategoriji t’hawn fuq, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli.
Għal informazzjoni prattika dwar kif wieħed għandu jissottometti u jipprepara applikazzjoni għal għoti jew reġistrazzjoni, wieħed jista’ jikkonsulta s-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali https://justica.gov.pt/registos/propriedade-industrial
Bħala regola, ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli ma tikkostitwixxix intitolament fil-liġi. Madankollu, għal kategoriji ta’ proprjetà oħrajn din ir-regola tista’ tinkludi eċċezzjonijiet previsti f’dispożizzjonijiet legali speċjali.
L-EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONI TAL-ARTIJIET
L-effetti assoċjati mar-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli huma dawk previsti fl-Artikoli 4 sa 7 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet, kif ġej:
"Artikolu 4 (Effett bejn il-partijiet)
1 - Atti soġġetti għal reġistrazzjoni jistgħu jiġu invokati bħala atti bejn il-partijiet infushom jew l-eredi tagħhom, anki jekk dawn ma jkunux ġew irreġistrati.
2 - Id-dispożizzjoni t’hawn fuq ma tapplikax għal atti li jikkostitwixxu ipoteka, li l-effett tagħhom bejn il-partijiet infushom ikun jiddependi fuq ir-reġistrazzjoni li tkun qed tiġi effettwata.”
"Artikolu 5 (L-eżekuzzjoni fuq partijiet terzi)
1 - Atti li jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni għandhom jipproduċu biss l-effetti kontra partijiet terzi wara d-data tar-reġistrazzjoni tagħhom.
2 - Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma japplikawx fil-każijiet li ġejjin:
a) L-akkwist, abbażi ta’ użukapjun, tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)a;
b) Servitù evidenti;
c) Atti relatati ma’ oġġetti indeterminati, fejn dawn ma jkunux ġew iddikjarati u speċifikati kif dovut.
3 - In-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma jistax jiġi eżegwit kontra l-parti interessata minn dawk li huma obbligati li jippromwovu tali reġistrazzjoni, lanqas mill-eredi tagħhom.
4 - Għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni, partijiet terzi jkunu dawk li jkunu akkwistaw drittijiet inkompatibbli b’mod reċiproku permezz ta’ awtur komuni.
5 - Kera mhux irreġistrata ta’ iktar minn sitt snin m’għandhiex tkun eżegwita kontra partijiet terzi.”
"Artikolu 6 (Prijorità tar-reġistrazzjoni)
1 - L-ewwel dritt irreġistrat għandu jirbaħ fuq id-drittijiet li jkunu ġew irreġistrati wara fir-rigward tal-istess oġġetti, skont id-data tar-reġistrazzjonijiet u, fl-istess data, fl-ordni temporali tas-sottomissjonijiet korrispondenti.
2 - (Revokat)
3 - Reġistrazzjoni li ssir definittiva żżomm il-prijorità li din kellha meta kienet provviżorja.
4 - Fil-każ ta’ rifjut, ir-reġistrazzjoni li ssir wara appell fondat għandha żżomm il-prijorità li tikkorrispondi mas-sottomissjoni tad-dokument rifjutat.”
"Artikolu 7 (Preżunzjonijiet li jiġu minn reġistrazzjoni)
Reġistrazzjoni definittiva tikkostitwixxi preżunzjoni li d-dritt jeżisti u jappartjeni lill-utent irreġistrat, fit-termini preċiżi li fihom ir-reġistrazzjoni tiddefinih.”
L-EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONI KUMMERĊJALI
L-effetti tar-reġistrazzjoni kummerċjali jiġu essenzjalment mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 sa 14 tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali, kif ġej:
“Artikolu 11 (Preżunzjonijiet li jiġu mir-reġistrazzjoni)
Reġistrazzjoni permezz ta’ traskrizzjoni definittiva tikkostitwixxi preżunzjoni li s-sitwazzjoni legali teżisti, fit-termini preċiżi li fihom din tkun definita.”
“Artikolu 12 (Prijorità tar-reġistrazzjoni)
L-ewwel att irreġistrat għandu jirbaħ fuq atti sussegwenti, fir-rigward tal-istess ishma jew holdings ta’ kumpanija, fl-ordni tal-applikazzjoni rispettiva.”
“Artikolu 13 (Effetti bejn il-partijiet)
1 - Atti soġġetti għal reġistrazzjoni jistgħu jiġu invokati bħala atti bejn il-partijiet infushom jew l-eredi tagħhom, anki jekk dawn ma jkunux ġew irreġistrati.
2 - Eċċezzjonijiet għall-paragrafu preċedenti huma l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpaniji u l-emendi għalihom, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kumpaniji (Código das Sociedades Comerciais) u l-liġi dwar il-kumpaniji pubbliċi limitati Ewropej.”
“Artikolu 14 (Eżegwibilità kontra partijiet terzi)
1 - Atti li jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni għandhom jipproduċu biss l-effetti kontra partijiet terzi wara d-data tar-reġistrazzjoni tagħhom.
2 - Atti soġġetti għal reġistrazzjoni u pubblikazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 70(2) għandhom jipproduċu effetti biss kontra partijiet terzi wara d-data tal-pubblikazzjoni.
3 - In-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma jistax jiġi eżegwit kontra l-partijiet interessati mir-rappreżentanti legali tagħhom li għalihom ikun neċessarju li jippromwovu tali reġistrazzjoni, u lanqas mill-eredi tagħhom.
4 - Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kumpaniji u l-liġi applikabbli għall-kumpaniji pubbliċi limitati Ewropej.”
L-EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONIJIET TA’ TITOLI
L-effetti tar-reġistrazzjoni ta’ titoli jistgħu jiġu kkonsultati fil-Kodiċi tat-Titoli msemmi aktar ’il fuq (Código dos Valores Imobiliários) u jvarjaw skont il-kategorija ta’ titoli kkonċernati. Ir-reġistrazzjoni tista’ tikkostitwixxi dritt fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ titoli (l-Artikolu 73 tal-Kodiċi tat-Titoli msemmi aktar ’il fuq).
L-EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONI TAL-KATEGORIJI TA’ OĠĠETTI LI JIFDAL IMSEMMIJA AKTAR ’IL FUQ
L-effetti tar-reġistrazzjoni ta’ armamenti, ajruplani, bastimenti, vetturi bil-mutur, proprjetà intellettwali jew industrijali jistgħu jiġu kkonsultati fil-liġi speċjali msemmija diġà, għal kull waħda minn dawk il-kategoriji ta’ oġġetti.
Id-dispożizzjonijiet legali li jistgħu jiġu applikati għall-adattament tad-drittijiet in rem f’każijiet ta’ suċċessjoni huma, fil-prinċipju, l-Artikolu 15 tal-Kodiċi Ċivili (pereżempju, meta l-adattament isir mill-qorti fi proċess ġudizzjarju) u 43-A tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet (pereżempju, meta l-adattament isir mir-reġistratur fl-att tar-reġistrazzjoni).
L-Artikolu 15 tal-Kodiċi Ċivili (Eliġibbiltà):
“Il-kompetenza assenjata lil liġi tkopri biss dawk ir-regoli li, minħabba l-kontenut u l-funzjoni tagħhom f’dik il-liġi, ikunu jiffurmaw parti mis-sistema tad-duttrina msemmija fir-regola tal-kunflitt.”
L-Artikolu 43-A tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet (evidenza ta’ liġi barranija)
“Fejn il-vijabbiltà tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni trid tiġi vverifikata abbażi ta’ liġi barranija, il-parti interessata trid tagħti prova tal-kontenut tagħha permezz ta’ dokument apposta,”
Barra dawn id-dispożizzjonijiet legali, hemm ukoll regoli ta’ interpretazzjoni li huma żviluppati mid-duttrina. Skont dawn ir-regoli dottrinali, il-kunċett wiesa’ ta’ adattament jinkludi minn tal-inqas żewġ sitwazzjonijiet differenti.
L-adattament fis-sens strett tal-kelma, li jista’ jseħħ meta jkun hemm problema teknika li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ liġijiet differenti ta’ suċċessjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ tfal adottati li l-ġenituri adottivi u bijoloġiċi tagħhom imutu, jekk il-liġi ta’ pajjiż X tiġi applikata għas-suċċessjonijiet minħabba l-mewt tal-ġenituri adottivi, u l-liġi ta’ pajjiż Y minħabba l-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi, dan jista’ jwassal għal riżultat li ma jkunx intenzjonat miż-żewġ sistemi legali kkonċernati (pereżempju, it-tfal adottati jkunu, fl-aħħar mill-aħħar, la eredi tal-ġenituri adottivi u lanqas tal-ġenituri bijoloġiċi). Il-qorti trid tirrisolvi din il-problema permezz ta’ adattament.
Sitwazzjoni oħra, mhux adattament fis-sens strett tal-kelma iżda aktar bħala sostituzzjoni/traspożizzjoni, isseħħ meta duttrina inkluża f’liġi oħra tiġi sostitwita minn duttrina magħrufa fil-liġi nazzjonali.
Il-kunċett ta’ sostituzzjoni/traspożizzjoni jipprovdi qafas aktar xieraq għal każijiet ta’ adattament ta’ drittijiet in rem kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012. Pereżempju, il-każ ta’ sostituzzjoni tad-duttrina ta’ “kirja” (ikkontemplata fil-liġi ta’ Stat ieħor iżda li ma teżistix fil-liġi Portugiża) mad-dritt in rem tas-superfiċje (kontemplata fil-liġi Portugiża).
Kemm il-Qorti, f’azzjoni ġudizzjarja, kif ukoll ir-reġistratur, jistgħu jwettqu tali sostituzzjoni/traspożizzjoni. Id-deċiżjoni tar-reġistratur tista’ tiġi appellata quddiem il-qorti (l-Artikoli 140 sa 146 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet).
NOTA
L-informazzjoni inkluża f'din l-iskeda informattiva mhijiex eżawrijenti u lanqas mhi vinkolanti fuq il-punt ta’ kuntatt, il-qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħra. Għalkemm tiġi aġġornata regolarment, din tista’ ma tinkludix ir-reviżjonijiet kollha li jkunu saru fil-liġi, u għalhekk mhijiex sostitut biex wieħed jikkonsulta t-testi legali fis-seħħ fi kwalunkwe żmien.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.