Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Adattament ta’ drittijiet in rem

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

KUMMENT PRELIMINARI

L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li d-drittijiet in rem jistgħu jkunu drittijiet ta’ użu (direitos reais de gozo) jew drittijiet ta’ garanzija (direitos reais de garantia).

It-tieni, minnbarra d-drittijiet in rem fuq oġġetti materjali, parti mid-duttrina tiddefendi l-eżistenza tad-drittijiet in rem fuq oġġetti mhux materjali.

Fl-aħħar nett, fil-Portugall il-liġi tiġbor fiha l-prinċipju ta’ numerus clausus, jew in-natura eżawrjenti tad-drittijiet in rem (l-Artikolu 1306 tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil)).

DRITTIJIET LI JISTGĦU JKUNU SOĠĠETTI GĦAS-SUĊĊESSJONI

Il-ġabra ta’ drittijiet li ma jiskadux mal-mewt tal-utent tagħhom iżda li jissoktaw wara jistgħu jkunu soġġetti għas-suċċessjoni.

L-Artikolu 2025 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jiddikjara dan li ġej rigward x’jista’ jkun soġġett għas-suċċessjoni:

“1 - Ir-relazzjonijiet legali li jintemmu mal-mewt tas-sid rispettiv tagħhom, minħabba n-natura tagħhom jew bis-saħħa tal-liġi, ma humiex soġġetti għas-suċċessjoni.

2 - Id-drittijiet rinunzjabbli wkoll jistgħu jintemmu mal-mewt tal-utent jekk dan ikun xtaq hekk.”

Bħala eżempju, l-użufrutt u d-dritt in rem tal-użu u l-abitazzjoni huma drittijiet in rem li jintemmu mal-mewt tal-utent tagħhom, bis-saħħa tal-liġi (l-Artikoli 1476(1)(a) u 1485 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-verżjoni preżenti tal-Kodiċi Ċivili tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż fuq

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=775&tabela=leis&so_miolo=&

Bl-eċċezzjoni tal-użufrutt (l-Artikolu 1443 tal-Kodiċi Ċivili), tad-dritt in rem tal-użu u l-abitazzjoni (l-Artikolu 1485 tal-Kodiċi Ċivili), tad-drittijiet in rem li jaqgħu taħt kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2025 tal-Kodiċi Ċivili, jew każijiet oħrajn previsti speċifikament f’dispożizzjonijiet legali oħrajn, bħala regola, id-drittijiet in rem li jifdal jistgħu jkunu soġġetti għas-suċċessjoni.

Jeżistu limitazzjonijiet fuq ċerti drittijiet, bħalma huma d-drittijiet in rem li jikkonċernaw armi ddikjarati, li jistgħu jkunu biss soġġetti għas-suċċessjoni taħt ċerti kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 37 tal-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon (Regime Jurídico das Armas e Munições), li jiddikjara dan li ġej:

“1 - L-akkwist b’suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna mejta ta’ kwalunkwe arma ddikjarata jiġi awtorizzat bil-permess tad-direttur nazzjonali tal-Polícia de Segurança Pública – PSP (korp tal-pulizija).

2 - Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, l-eżistenza ta’ armi għandha tiġi ddikjarata lill-PSP fi żmien 90 ġurnata mill-mewt tas-sid preċedenti, jew mill-iskoperta tal-armi minn min ikollu dawn l-armi fil-pussess tiegħu.

3 - Id-direttur nazzjonali tal-PSP jista’ jawtorizza li l-arma tiġi rreġistrata f’isem l-amministratur tal-patrimonju sakemm tinqasam il-proprjetà tal-mejjet, li f’dan il-każ ikun obbligat li jiddepożita l-arma fil-kustodja tal-PSP.

4 - Fl-eventwalità li l-amministratur tal-beni jew werriet ieħor jissodisfa l-kondizzjonijiet legali għall-pussess tal-arma, ir-reġistrazzjoni tista’ tintalab f’isimhom, jekk din tibqa’ fil-kustodja tagħhom.

5 - Mal-applikazzjoni tal-amministratur tal-patrimonju, l-arma tkun tista’ tiġi ttrasferita lil dik il-parti li tissodisfa l-kriterji għall-pussess tagħha, bil-parti li tkun qed takkwista tintgħażel mill-parti interessata; jew l-arma tista’ tinbiegħ mill-PSP fi rkant, bil-valur taċ-ċessjoni, bl-ispejjeż imnaqqsa, imħallas lill-patrimonju.

6 - Wara li sseħħ id-diviżjoni, l-arma tingħata lill-werriet benefiċjarju, dment li dan jissodisfa l-kondizzjonijiet legali għall-pussess tagħha.

7 - Wara 10 snin mingħajr ma tkun saret talba għall-pussess, din tiġi ddikjarata bħala mħollija lill-Istat.”

Il-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon approvat bil-Liġi Nru 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=692&tabela=leis&so_miolo=

DRITTIJIET IN REM TAL-UŻU

Il-liġi tipprevedi dawn id-drittijiet in rem tal-użu (l-Artikoli 1302 sa 1575 tal-Kodiċi Ċivili u l-qafas legali dwar it-timesharing (Regime Jurídico da Habitação Periódica) imsemmija hawn taħt):

  • Id-dritt tal-proprjetà (direito de propriedade) (l-Artikolu 1302 tal-Kodiċi Ċivili)
  • Il-koproprjetà (compropriedade) (l-Artikolu 1403 tal-Kodiċi Ċivili)
  • Il-proprjetà ta’ appartament (propriedade horizontal) (l-Artikolu 1414 tal-Kodiċi Ċivili)
  • L-użufrutt (usufruto) (l-Artikolu 1439 tal-Kodiċi Ċivili)
  • Id-dritt in rem tal-użu u l-abitazzjoni (direito real de uso e habitação) (l-Artikolu 1484 tal-Kodiċi Ċivili)
  • Id-drittijiet in rem tat-timesharing (direito real de habitação periódica)
  • Id-dritt tas-superfiċe (direito de superfície) (l-Artikolu 1524 tal-Kodiċi Ċivili)
  • Is-servitujiet (servidões prediais) (l-Artikolu 1543 tal-Kodiċi Ċivili)

Il-qafas legali dwar it-timesharing kien approvat bid-Digriet Amministrattiv Nru 275/93 tal-5 ta’ Awwissu 1993, li jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=648&tabela=leis

DRITTIJIET IN REM DWAR IL-GARANZIJI

Il-Kodiċi Ċivili jipprevedi d-drittijiet in rem dwar il-garanziji li ġejjin:

  • Iċ-ċessjoni ta’ kera (consignação de rendimentos) (l-Artikolu 656)
  • Ir-rahan (penhor) (l-Artikolu 666)
  • L-ipoteka (hipoteca) (l-Artikolu 686)
  • Il-privileġġ fuq proprjetà immobbli (privilégios imobiliários) (l-Artikoli 743 u 744)
  • Il-garanzija (Direito de retenção) (l-Artikoli 754 u 755).

DRITTIJIET IN REM FUQ OĠĠETTI MATERJALI

L-Artikolu 1302 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-oġġetti materjali mobbli u immobbli biss (inkluż l-ilma) jistgħu jkunu soġġetti għad-dritt tal-pussess li hu regolat b’dak il-kodiċi.

DRITTIJIET IN REM FUQ OĠĠETTI IMMATERJALI

L-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili jirreferi għall-proprjetà intellettwali, li min-naħa tagħha hija regolata bil-Kodiċi dwar il-Proprjetà Industrijali (Código da Propriedade Industrial). Parti mid-duttrina tistabbilixxi li l-proprjetà intellettwali hija kunċett li jinkorpora d-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, u l-proprjetà industrijali. Il-liġi Portugiża żżomm iż-żewġ denominazzjonijiet: il-proprjetà intellettwali (fil-Kodiċi Ċivili) u l-proprjetà industrijali (fil-Kodiċi dwar il-Proprjetà Industrijali, ippubblikat fl-Anness tad-Digriet Amministrattiv Nru 110/2018 tal-10 ta’ Diċembru 2018).

Skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali, is-sajd, l-agrikoltura, il-forestrija, il-bhejjem u l-industriji estrattivi, l-industrija u l-kummerċ fis-sens strett, kif ukoll il-prodotti naturali jew manifatturati kollha u servizzi, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proprjetà industrijali.

Id-duttrina ma hijiex waħda unanima dwar jekk il-liġi nazzjonali taċċettax id-dritt tal-proprjetà u drittijiet oħra in rem fuq oġġetti immaterjali, pereżempju l-proprjetà ta’ stabbiliment kummerċjali jew proprjetà intellettwali. Din il-materja hija soġġetta għall-interpretazzjoni tal-qrati.

Il-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali jirregola d-drittijiet għall-privattivi, il-mudelli ta’ utilità, il-prodotti semikondutturi, id-diżinji, it-trade marks, il-premjijiet, il-logos, it-titolu ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll il-modifikazzjoni jew it-trasferiment tagħhom.

Id-drittijiet li jiġu minn privattivi jew mudelli ta’ utilità, kif ukoll ir-reġistrazzjonijiet ta’ topografiji ta’ prodotti semikondutturi, diżinji jew trade marks, u sinjali kummerċjali distintivi oħra jistgħu jingħataw b’rahan - l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali.

Il-verżjoni attwali tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrija jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=2979&tabela=leis&ficha=1&pagina=1

Rigward kumpaniji kummerċjali, is-suċċessjoni għad-drittijiet fuq interessi parteċipanti jew ishma dovuta għall-mewt ta’ wieħed mis-soċji u r-rekwiżiti ta’ dawn, hija regolata fil-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali (Código das Sociedades Comerciais), jiġifieri:

  • l-Artikolu 184, dwar is-suċċessjoni kkawżata bil-mewt ta’ membru ta’ soċjetà ordinarja,
  • l-Artikoli 198, 225 u 252 dwar is-suċċessjoni kkawżata bil-mewt ta’ membru ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata,
  • l-Artikoli 469 u 475 dwar is-suċċessjoni kkawżata bil-mewt ta’ soċju ta’ soċjetà limitata.

Il-verżjoni attwali tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż fuq

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=524&tabela=leis&so_miolo=&

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Iva, bħala regola ġenerali dawn id-drittijiet jiġu rreġistrati f’reġistru, kif spjegat hawn taħt.

UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU TAL-ARTIJIET

Fl-Uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet (Conservatórias do Registo Predial), l-atti relatati mal-istatus legali tal-binjiet jiġu rreġistrati, inklużi d-drittijiet in rem li ġejjin (l-Artikoli 1 u 2 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet (Código de Registo Predial)):

  • L-atti legali li jiddeterminaw l-istabbiliment, ir-rikonoxximent, l-akkwist jew il-modifika tad-drittijiet ta’ proprjetà, użufrutt, użu u abitazzjoni, superfiċi jew servitù;
  • L-atti legali li jiddeterminaw l-istabbiliment jew il-modifika tal-proprjetà ta’ appartament u d-drittijiet ta’ timesharing;
  • Il-bidliet fil-proprjetà ta’ art li jirriżultaw mid-diviżjoni tal-art, il-konverżjoni tal-istruttura tal-koproprjetà u d-diviżjoni, kif ukoll l-emendi rispettivi;
  • L-offerta ta’ ċessjoni jew ta’ togħbija ta’ piż, il-ftehimiet preferenzjali u d-dispożizzjoni preferenzjali ta’ testment, jekk dawn ikunu ngħataw effett reali, kif ukoll iċ-ċessjoni tal-pożizzjoni kuntrattwali li tirriżulta minn dawk l-atti;
  • Iċ-ċessjoni ta’ assi lill-kredituri;
  • L-ipoteka, iċ-ċessjoni jew il-modifika tagħha, iċ-ċessjoni tal-grad ta’ prijorità tar-reġistrazzjoni rispettiva u ċ-ċessjoni ta’ kera;
  • It-trasferiment ta’ oġġetti riċevibbli assigurati b’ipoteka jew iċ-ċessjoni ta’ kera, meta jkun involut it-trasferiment tal-garanzija;
  • Kera għal iktar minn sitt snin u t-trasferiment tagħha jew ta’ sullokazzjonijiet, ħlief għall-qbiela;
  • Ir-rahan ta’ kreditu assigurat b’ipoteka jew iċ-ċessjoni ta’ kera, u kwalunkwe att jew arranġament ieħor li jaffettwa l-istess oġġetti riċevibbli;
  • Restrizzjonijiet oħrajn dwar id-dritt tal-proprjetà, soġġett għar-reġistrazzjoni skont il-liġi;
  • Atti legali li jiġġeneraw l-estinzjoni ta’ drittijiet, piżijiet jew ipoteki reġistrati.

Huwa mandatorju li dawn il-atti msemmijin hawn fuq jiġu rreġistrati, ħlief għal dawk elenkati fl-Artikolu 8-A tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet.

Skont l-Artikolu 687 tal-Kodiċi Ċivili, l-ipoteka għandha tiġi rreġistrata, jew inkella ma tiġix rikonoxxuta fir-rigward tal-partijiet.

Il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-art huma speċifikati fid-dispożizzjonijiet legali li ġejjin tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet:

  • Dawk soġġetti għall-obbligu li jirreġistraw l-iskadenzi u l-eliġibbiltà tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli kif stabbilit fl-Artikoli 8-B, 8-C, 8-D u 9;
  • Il-prereġistrazzjoni, il-kontinwazzjoni tar-reġistrazzjoni – b’mod partikolari l-prinċipju tas-suċċessjoni fit-titolu u l-eżenzjoni mill-prereġistrazzjoni fir-reġistru tax-xiri bbażata fuq diviżjoni/suċċessjoni – huma stabbiliti fl-Artikoli 34 sa 35;
  • L-eliġibbiltà għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni huma previsti fl-Artikoli 36 sa 39;
  • Il-forma u l-mezzi sabiex tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni – partikolarment id-dritt għal reġistrazzjoni elettronika – huma stabbiliti fl-Artikoli 41 sa 42-A;
  • Id-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati huma dawk previsti fl-Artikoli 43 sa 46.

Il-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=488&tabela=leis

Aktar informazzjoni dettaljata dwar applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ artijiet, dawk kummerċjali u ta’ vetturi, bħal kif wieħed għandu jibgħat l-applikazzjoni, ir-rekwiżiti u s-servizzi, hija disponibbli online fuq https://justica.gov.pt/

L-UFFIĊĊJI TAR-REĠISTRU KUMMERĊJALI

L-atti intenzjonati biex jippubbliċizzaw l-istatus legali ta’ negozjanti individwali, kumpaniji kummerċjali, assoċjazzjonijiet taħt il-liġi ċivili f’forma kummerċjali u stabbilimenti individwali b’responsabbiltà limitata jiġu rreġistrati fl-Uffiċċji tar-Reġistru Kummerċjali (Conservatórias do Registo Comercial). Ir-reġistrazzjoni ta’ ċerti atti dwar l-istatus legali ta’ koperattivi, intrapriżi pubbliċi, gruppi kumplimentari ta’ intrapriżi u raggruppamenti Ewropej ta’ interess ekonomiku wkoll tiġi rreġistrata fl-Uffiċċji tar-Reġistru Kummerċjali (l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali - Código do Registo Comercial).

L-atti stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali għandhom ikunu rreġistrati fir-reġistru tal-Uffiċċji tar-Reġistru Kummerċjali, jiġifieri:

“Artikolu 15 (Atti soġġetti għal reġistrazzjoni mandatorja)

1- Ir-reġistrazzjoni tal-atti msemmija fil-paragrafi (a) sa (c) u (e) sa (z) tal-Artikolu 3(1) u (2), l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(a), (e) u (f), l-Artikoli 6, 7 u 8 u l-Artikolu 10(c) u (d), hija mandatorja.

2 - Ħlief għal kif previst fil-paragrafi li ġejjin, ir-reġistrazzjoni tal-atti msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tintalab fi żmien xahrejn mid-data tal-ħruġ.

3 - L-atti msemmija fl-Artikolu 5(a), (e) u (f) għandhom jintalbu fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tad-digriet li jiddeterminahom.

4 - L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-kontijiet ta’ kumpanija u l-kontijiet ta’ stabbilimenti individwali b’responsabbiltà limitata għandha tiġi ppreżentata sal-15-il jum tas-seba’ xahar wara l-għeluq tas-sena finanzjarja.

5 - L-azzjonijiet, id-deċiżjonijiet, il-proċeduri u l-miżuri kawtelatorji previsti fl-Artikolu 9 huma soġġetti wkoll għar-reġistrazzjoni mandatorja.

6 - Ir-reġistrazzjoni tal-ordni proviżorja ma hijiex mandatorja jekk l-applikazzjoni biex tiġi rreġistrata l-miżura kawtelatorja mitluba tkun saret diġà, u r-reġistrazzjoni ta’ din ma tkunx obbligatorja jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-azzjoni prinċipali tkun saret diġà.

7 - Ir-reġistrazzjoni tal-azzjonijiet u l-ordnijiet proviżorji għas-sospensjoni ta’ riżoluzzjonijiet korporattivi għandha tintalab fi żmien xahrejn mid-data tal-proposta tagħhom.

8 - Ir-reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet finali ppronunzjati fl-azzjonijiet u fl-ordnijiet msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tintalab fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni finali u inappellabbli.”

Il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali huma speċifikati fl-Artikoli 28 sa 53 tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali.

Skont l-Artikolu 32(1) u (2) tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali:

  • Atti stabbiliti f’dokumenti li jissostanzjawhom legalment biss jistgħu jiġu rreġistrati;
  • Dokumenti miktubin b’lingwa barranija jistgħu jiġu aċċettati biss meta jkunu tradotti, sakemm dawn ma jkunux jirreferu għal fatti li jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni permezz ta’ traskrizzjoni, ikunu miktubin bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bl-Ispanjol, u l-uffiċjal kompetenti jkollu għarfien tajjeb ta’ dik il-lingwa.

Rigward l-obbligi fiskali, skont l-Artikolu 51(1) tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali, l-ebda att li jkun soġġett għal piżijiet ta’ natura fiskali ma jista’ jiġi rreġistrat b’mod definittiv mingħajr ma jkunu tħallsu jew ġew assigurati t-taxxi.

Il-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=506&tabela=leis

REĠISTRAZZJONI TA’ TITOLI

Dawn li ġejjin, fost oħrajn li huma kkwalifikati bħala tali skont il-liġi, huma eliġibbli bħala titoli:

  • stokks u ishma;
  • bonds;
  • ekwità;
  • unitajiet f’intrapriżi ta’ investiment kollettiv;
  • id-drittijiet responsabbli tat-titoli msemmija fil-paragrafi preċedenti, dment li r-responsabbiltà tkopri l-kwistjoni kollha jew sensiela, jew inkella tkun prevista fil-mument tal-ħruġ;
  • ċertifikati awtonomi;
  • dokumenti oħrajn li jirrappreżentaw sitwazzjonijiet legali omeġenji, sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti fis-suq.

(L-Artikolu 1 tal-Kodiċi Portugiż tat-Titoli - Código dos Valores Mobiliários)

It-titoli huma f’forma rreġistrata (l-Artikolu 52 tal-Kodiċi tat-Titoli Portugiż).

L-akkwist ta’ titoli, kif ukoll l-istabbiliment, il-modifikazzjoni jew l-estinzjoni ta’ użufrutt, rahan jew sitwazzjonijiet legali oħra li jfixklu t-titoli għandhom jiġu rreġistrati (bħala regola mal-entità li toħroġhom jew ma’ entità ta’ ġestjoni) u jistgħu jkunu soġġetti għas-suċċessjoni.

Ir-reġistrazzjoni ta’ titoli, l-entitajiet tar-reġistrazzjoni, ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, l-effetti tar-reġistrazzjoni fuq l-istabbiliment, it-trasferiment u l-eżerċizzju tad-drittijiet u s-suċċessjoni għal dawn id-drittijiet, ivarjaw skont il-kategoriji tat-titoli msemmija aktar ’il fuq.

Din il-materja hija regolata mill-Kodiċi tat-Titoli Portugiż, approvat permezz tad-Digriet Amministrattiv Nru 486/99 tat-13 ta’ Novembru 1999, li l-verżjoni attwali tiegħu hija disponibbli bil-Portugiż fuq

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=450&so_miolo=&tabela=leis&nversao==

REĠISTRI TA’ VETTURI BIL-MUTUR

L-atti li jirrigwardaw l-istatus legali ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistri tal-Vetturi bil-Mutur (Conservatórias do Registo Automóvel).

Għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni, il-vetturi jiġu kkunsidrati bħala vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom li, skont il-Kodiċi tat-Toroq (Código da Estrada), ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni.

L-Artikolu 117 tal-Kodiċi tat-Toroq jiddikjara li vetturi u trejlers huma soġġetti għal reġistrazzjoni obbligatorja. Il-Kodiċi tat-Toroq approvat permezz tad-Digriet Amministrattiv Nru 114/94 tat-3 ta’ Mejju 1994, fil-verżjoni attwali tiegħu, jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq:

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_estrutura.php?tabela=leis&artigo_id=&nid=349&nversao=&tabela=leis&so_miolo==

L-Artikolu 5 tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur (Código de Registo Automóvel) jipprevedi dan li ġej fir-rigward tar-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur:

“Artikolu 5

1 - Dawn li ġejjin huma soġġetti għal reġistrazzjoni:
a) Id-dritt tal-proprjetà u tal-użu tal-vettura;
b) Iż-żamma ta’ titolu stabbilit fil-kuntratti għall-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur;
c) L-ipoteka, il-modifika u ċ-ċessjoni ta’ din, kif ukoll iċ-ċessjoni tal-grad ta’ prijorità tar-reġistrazzjoni rispettiva;
d) Il-kirja finanzjarja u t-trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw minnha;
e) Il-kirja għal terminu ta’ iktar minn sena, meta l-kuntratt rispettiv jirriżulta fi trasferiment ta’ pussess mistenni;
f) L-allokazzjoni tal-vettura għall-kiri mingħajr xufier;
g) It-trasferiment tad-drittijiet jew krediti rreġistrati u r-rahan, il-qbid u s-sekwestru ta’ dawn il-krediti;
h) Il-qbid u kull miżura amministrattiva li taffettwa d-disponiment liberu tal-vetturi;
i) Il-piżijiet tal-inaljenabbiltà u tat-tassazzjoni residwa previsti fil-leġiżlazzjoni fiskali;
j) L-utent mhux proprjetarju;
k) Dikjarazzjoni ta’ insolvenza;
l) L-iskadenza jew il-modifika ta’ drittijiet jew ipoteki li jkunu ġew irreġistrati qabel, bidla fil-kompożizzjoni tal-isem jew id-denominazzjoni u l-bidla fir-residenza abitwali jew tal-uffiċċju ewlieni tal-proprjetarji, l-użufruttwarji u l-kerrejja tal-vetturi;
m) Il-konfiska ta’ ċertifikat tar-reġistrazzjoni f’każijiet li fihom dan jiġi ordnat mill-awtoritajiet amministrattivi u tal-pulizija, kif ukoll talba ta’ sekwestru u l-konfiska ta’ vetturi previsti skont il-proċedura speċjali għar-regolarizzazzjoni tal-proprjetà;
n) Il-konfiska fi proċedimenti kriminali;
o) Is-sekwestru ta’ vettura abbażi ta’ ordni amministrattiv ta’ natura kriminali, skont l-Artikolu 147(3) tal-Kodiċi tat-Toroq, approvat mid-Digriet Amministrattiv Nru 114/94 tat-3 ta’ Mejju 1994, kif emendat;
p) Dikjarazzjoni ta’ konfiska tal-vettura lill-Istat b’ordni ta’ sentenza definittiva tal-qorti;
q) kwalunkwe att ieħor li jrid jiġi rreġistrat bil-liġi.
2 - Ir-reġistrazzjoni tal-atti msemmija fil-punti a), b), d), e), f) u i) tal-paragrafu preċedenti u r-reġistrazzjoni tal-bidla fl-isem jew fid-denominazzjoni u r-residenza abitwali jew tal-uffiċċju prinċipali tal-proprjetarji, l-użufruttwarji u l-kerrejja tal-vetturi hija mandatorja.
3 - Ir-reġistrazzjoni tas-sjieda, f’każ ta’ suċċessjoni ereditarja, tiġi eżentata meta l-vettura tkun intenzjonata li tiġi ttrasferita mill-werriet(a).”

Il-vetturi bil-mutur ma jistgħux jiġu mirhuna – l-Artikolu 8 tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur.

Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi bil-mutur jistgħu jiġu kkonsultati fuq https://justica.gov.pt/Registos/Veiculos/Documentos-do-veiculo

Ir-Reġistrazzjoni ta’ Vettura bil-Mutur hija regolata bid-Digriet Amministrattiv Nru 54/75 tat-12 ta’ Frar 1975, li jista’ jiġi kkonsultat fuq

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=598&tabela=leis

Ta’ min jinnota wkoll ir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur (Regulamento do Registo de Automóveis), irregolat bid-Digriet Amministrattiv Nru 55/75 tat-12 ta’ Frar 1975, li jista’ jiġi kkonsultat fuq http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=606&tabela=leis

REĠISTRU NAZZJONALI TAL-INĠENJI TAL-AJRU

L-inġenji tal-ajru jew it-tagħmir awtonomu (magni, rotor, skrejjen, eċċ.) għandhom ikunu rreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali tal-Inġenji tal-Ajru (Registo Aeronáutico Nacional).

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ssir bl-użu tal-formola li tkun akkumpanjata bid-dokumentazzjoni li ġejja:

  1. Kuntratt ta’ Xiri u Bejgħ jew att ieħor ta’ bejgħ;
  2. Ċertifikat ta’ skrappjar fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni preċedenti, jew ċertifikat ta’ nonreġistrazzjoni;
  3. Ċertifikat ta’ kklerjar doganali fil-każ ta’ inġenju tal-ajru impurtat minn pajjiż li mhux membru tal-UE;
  4. Żewġ ritratti tal-inġenju tal-ajru, wieħed minn quddiem u l-ieħor tal-profil, bin-nazzjonalità u l-marki tar-reġistrazzjoni miżbugħin, f’format 9x12, mingħajr borduri u stampati b’kuluri newtrali.

Id-dokumenti maħruġin f’pajjiżi barranin għandu jkun hemm fuqhom il-firem ta’ persuni notarizzati u legalizzati kif suppost, bil-postilla mehmuża magħhom, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 u 4 tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-5 ta’ Ottubru 1961 li tabolixxi r-rekwiżit tal-legalizzazzjoni għal dokumenti pubbliċi barranin, ratifikata bid-Digriet Amministrattiv Nru 48450 tal-24 ta’ Ġunju 1968, jew notarizzati u legalizzati kif suppost minn aġent diplomatiku jew konsulari Portugiż f’dak il-pajjiż.

Id-dokumenti maħruġa fil-Portugall minn entità legali għandu jkollhom il-firem tar-rappreżentanti legali rikonoxxuti bil-liġi bil-kelmiet “awtorizzati debitament waqt l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom.”

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (Autoridade Nacional de Aviação Civil) http://www.anac.pt/vPT/Generico/Aeronaves/RegistoAeronauticoNacional/RegistodeAeronaves/Paginas/RegistodeAeronaves.aspx

REĠISTRU TAL-BASTIMENTI

Ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti hija rregolata mid-Digriet Amministrattiv Nru 265/72 tal-31 ta’ Lulju 1972 (ir-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Portijiet - Regulamento Geral das Capitanias), li jista’ jiġi kkonsultat fuq:

http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=1721&tabela=leis&ficha=1&pagina=1&so_miolo=&

Id-Digriet Amministrattiv Nru 96/89 tat-28 ta’ Marzu 1989 li jistabbilixxi r-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti ta’ Madeira (Registo Internacional de Navios da Madeira) u l-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 715/89 tat-23 ta’ Awwissu 1989, (https://dre.pt/application/file/a/618419), li jirregola ċerti aspetti tiegħu, huma applikabbli wkoll.

Nota: Id-Digriet Amministrattiv Nru 96/89 tat-28 ta’ Marzu 1989 huwa ppubblikat mill-ġdid bħala anness mal-Liġi Nru 56/2020 tas-27 ta’ Awwissu 2020. Din tista’ tiġi kkonsultata fil-formulazzjoni attwali tagħha fuq:

https://dre.pt/application/file/a/141259926

Taħt dan il-qafas legali:

  • Il-bastimenti nazzjonali, għajr dawk li huma proprjetà navali, għandu jkollhom il-proprjetà tagħhom irreġistrata sabiex iwettqu l-attività li huma kklassifikati taħtha (l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).
  • Il-bastimenti tal-merkanzija huma wkoll soġġetti għal reġistrazzjoni kummerċjali skont il-liġi rilevanti (l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).
  • Il-bastimenti nazzjonali huma rreġistrati mal-uffiċċji marittimi, bl-eċċezzjoni ta’ dgħajjes illi jintużaw għad-divertiment, li huma rreġistrati mal-organizzazzjonijiet indikati fil-leġiżlazzjoni prevalenti (l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).
  • Fil-każ ta’ akkwiżizzjonijiet ġodda jew ta’ kostruzzjonijiet ġodda, huwa kompetenti l-uffiċċju marittimu indikat fl-awtorizzazzjoni rispettiva (l-Artikolu 73(2) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).
  • Fil-każ ta’ akkwiżizzjonijiet jew ta’ kostruzzjonijiet ta’ sostituzzjoni, l-uffiċċju marittimu li fih ġew irreġistrati l-unitajiet sostitwiti huwa kompetenti għar-reġistrazzjoni (l-Artikolu 73(3) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).
  • Bastiment mibni jew akkwistat f’port fi kwalunkwe parti tat-territorju nazzjonali jista’ jinbiegħ jew jiġi rreġistrat f’port ieħor tal-istess territorju jew ta’ parti oħra tat-territorju, sakemm dan ikollu l-awtorizzazzjoni korrispondenti (l-Artikolu 73(4) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).
  • Bċejjeċ tal-baħar ħfief li jkunu abbord, anke jekk ikunu bċejjeċ tas-salvataġġ, bċejjeċ tas-sajd awżiljari żgħar u bċejjeċ żgħar tax-xtajta bla mutur u mingħajr qlugħ, bħalma huma dingis, skiffs, dgħajjes jintnefħu u pedalos, li jistgħu jintużaw sa 300 m f’marea baxxa, huma eżentati mir-reġistrazzjoni iżda huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-awtorità marittima, li hija responsabbli għall-ħruġ ta’ liċenzji għat-tħaddim tagħhom (l-Artikolu 77 tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).

Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ta’ bastiment huma stabbiliti fl-Artikolu 78 tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port.

B’mod partikolari, rigward ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti f’każ ta’ suċċessjoni b’mewt:

  • Fil-każ ta’ suċċessjoni, l-emendi għar-reġistrazzjoni jkunu bbażati fuq id-dikjarazzjoni tal-att tad-diviżjoni, jew it-tabella tad-diviżjoni u d-deċiżjoni tar-ratifikazzjoni rispettiva, akkumpanjati b’dokument maħruġ mill-uffiċċju fiskali kompetenti li jikkonferma li t-taxxa tas-suċċessjoni rispettiva (l-Artikolu 82(2) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port) tkun tħallset, ġiet assigurata jew ma tkunx dovuta;
  • Il-bastimenti barranin akkwistati b’suċċessjoni jew f’kawża mressqa quddiem il-qrati Portugiżi għandhom ikunu rreġistrati fl-uffiċċju marittimu stabbilit minn awtorità ogħla (l-Artikolu 75(3) tar-Regolament Ġenerali dwar l-Awtoritajiet tal-Port).

REĠISTRU TAL-ARMI

Il-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon approvat bil-Liġi Nru 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?artigo_id=692A0037&nid=692&tabela=leis&pagina=1&ficha=1&so_miolo=&nversao=#artigo

L-armi u l-munizzjon huma soġġetti għad-dikjarazzjoni u r-reġistrazzjoni mandatorja tal-PSP (Pulizija tas-Sigurtà Pubblika).

Is-suċċessjoni causa mortis hija soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-Qafas Legali dwar l-armi u l-Munizzjon msemmi aktar ’il fuq.

IR-REĠISTRAZZJONI TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI sseħħ fl-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional da Propriedade Industrial).

L-għoti ta’ privattivi, mudelli ta’ utilità, prodotti semikondutturi, u d-disinn jew mudell, trade mark, reġistrazzjonijiet ta’ premjijiet jew logos, reġistrazzjonijiet ta’ titolu ta’ oriġini u indikazzjoni ġeografika jsir mill-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali, fejn iridu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet rispettivi.

Ir-rekwiżiti u l-effetti tal-applikazzjoni għall-għoti jew għar-reġistrazzjoni huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali għal kull waħda mill-kategoriji ta’ hawn fuq, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli.

Għal informazzjoni prattika dwar kif wieħed għandu jissottometti u jipprepara applikazzjoni għal għoti jew reġistrazzjoni, wieħed jista’ jikkonsulta s-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali fuq http://www.marcasepatentes.pt/index.php?section=69

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Bħala regola, ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli ma tikkostitwix intitolament fil-liġi. Madankollu, għal kategoriji ta’ proprjetà oħrajn din ir-regola tista’ tinkludi eċċezzjonijiet previsti f’dispożizzjonijiet legali speċjali.

EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONI TAL-ARTIJIET

L-effetti assoċjati mar-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli huma dawk previsti fl-Artikoli 4 sa 7 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet, kif ġej:

“Artikolu 4 (Effetti bejn il-partijiet)

1 - Atti soġġetti għal reġistrazzjoni jistgħu jiġu invokati bħala atti bejn il-partijiet infushom jew il-werrieta tagħhom, anke jekk dawn ma jkunux ġew irreġistrati.

2 - Id-dispożizzjoni ta’ hawn fuq ma għandhiex tapplika għal atti li jikkostitwixxu ipoteka, li l-effett tagħhom bejn il-partijiet infushom ikun jiddependi fuq ir-reġistrazzjoni li tkun qed tiġi effettwata.’

“Artikolu 5 (Eżegwibbiltà kontra terzi)

1 - Atti li jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni għandhom jipproduċu biss l-effetti kontra terzi wara d-data tar-reġistrazzjoni tagħhom.

2 - Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx japplikaw fil-każijiet li ġejjin:

a) l-akkwist, abbażi ta’ użukapjun, tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a);

b) servitujiet evidenti;

c) atti relatati ma’ oġġetti indeterminati, fejn dawn ma jkunux ġew iddikjarati u speċifikati kif dovut.

3 - In-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma jistax jiġi infurzat kontra l-parti interessata minn dawk li huma obbligati li jippromwovu tali reġistrazzjoni, lanqas mill-werrieta tagħhom.

4 - Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, it-terzi jkunu dawk li jkunu akkwistaw drittijiet inkompatibbli b’mod reċiproku mingħand awtur komuni.

5 - Kirja mhux irreġistrata ta’ iktar minn sitt snin ma għandhiex tkun eżegwibbli kontra terzi.’

“Artikolu 6 (Prijorità tar-reġistrazzjoni)

1 - L-ewwel dritt irreġistrat għandu jirbaħ fuq id-drittijiet li jkunu ġew irreġistrati wara fir-rigward tal-istess oġġetti, skont id-data tar-reġistrazzjonijiet u, fl-istess data, fl-ordni temporali tas-sottomissjonijiet korrispondenti.

2 - (Revokat).

3 - Reġistrazzjoni li ssir definittiva żżomm il-prijorità li kellha meta kienet proviżorja.

4 - Fil-każ ta’ ċaħda, ir-reġistrazzjoni li ssir wara appell meqjus bħala fondat għandha żżomm il-prijorità li tikkorrispondi mas-sottomissjoni tad-dokument miċħud.”

“Artikolu 7 (Preżunzjonijiet naxxenti mir-reġistrazzjoni)

Reġistrazzjoni definittiva tikkostitwixxi preżunzjoni li d-dritt jeżisti u jappartjeni lill-utent irreġistrat, fit-termini preċiżi li fihom ir-reġistrazzjoni tiddefinih.’

L-EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONI KUMMERĊJALI

L-effetti tar-reġistrazzjoni kummerċjali jiġu essenzjalment mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 sa 14 tal-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali, kif ġej:

“Artikolu 11 (Preżunzjonijiet naxxenti mir-reġistrazzjoni)

Reġistrazzjoni permezz ta’ traskrizzjoni definittiva tikkostitwixxi preżunzjoni li s-sitwazzjoni legali teżisti, fit-termini preċiżi li fihom din tkun definita.”

“Artikolu 12 (Prijorità tar-reġistrazzjoni)

L-ewwel att irreġistrat għandu jirbaħ fuq atti sussegwenti, fir-rigward tal-istess ishma jew parteċipazzjonijiet f’kumpanija, fl-ordni tal-applikazzjoni rispettiva.”

“Artikolu 13 (Effetti bejn il-partijiet)

1 - Atti soġġetti għal reġistrazzjoni jistgħu jiġu invokati bħala atti bejn il-partijiet infushom jew il-werrieta tagħhom, anke jekk dawn ma jkunux ġew irreġistrati.

2 - Eċċezzjonijiet għall-paragrafu preċedenti huma l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpaniji u l-emendi għalihom, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali u l-leġiżlazzjoni dwar il-kumpaniji pubbliċi limitati Ewropej.”

“Artikolu 14 (Eżegwibbiltà kontra terzi)

1 - Atti li jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni għandhom jipproduċu biss l-effetti kontra terzi wara d-data tar-reġistrazzjoni tagħhom.

2 - Atti soġġetti għal reġistrazzjoni u pubblikazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 70(2) għandhom jipproduċu effetti biss kontra terzi wara d-data tal-pubblikazzjoni.

3 - In-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma jistax jiġi eżegwit kontra l-partijiet interessati mir-rappreżentanti legali tagħhom li għalihom ikun neċessarju li jippromwovu tali reġistrazzjoni, u lanqas mill-werrieta tagħhom.

4 - Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali u l-liġi applikabbli għall-kumpaniji pubbliċi limitati Ewropej.’

L-EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONIJIET TA’ TITOLI

L-effetti tar-reġistrazzjoni ta’ titoli jistgħu jiġu kkonsultati fil-Kodiċi tat-Titoli msemmi fuq (Código dos Valores Imobiliários) u jvarjaw skont il-kategorija ta’ titoli kkonċernati. Ir-reġistrazzjoni tista’ tikkostitwixxi dritt fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ titoli (l-Artikolu 73 tal-Kodiċi dwar it-Titoli msemmi aktar ’il fuq).

L-EFFETTI TAR-REĠISTRAZZJONI TAL-KATEGORIJI TA’ OĠĠETTI LI JIFDAL IMSEMMIJA AKTAR ’IL FUQ

L-effetti tar-reġistrazzjoni ta’ armi, inġenji tal-ajru, bastimenti, vetturi bil-mutur, proprjetà intellettwali jew industrijali jistgħu jiġu kkonsultati fil-liġi speċjali msemmija diġà, għal kull waħda minn dawk il-kategoriji ta’ oġġetti.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Id-dispożizzjonijiet legali li jistgħu jiġu applikati għall-adattament tad-drittijiet in rem f’każijiet ta’ suċċessjoni huma, fil-prinċipju, l-Artikolu 15 tal-Kodiċi Ċivili (pereżempju, meta l-adattament isir mill-qorti fi proċess ġudizzjarju) u 43-A tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet (pereżempju, meta l-adattament isir mir-reġistratur fl-att tar-reġistrazzjoni).

L-Artikolu 15 tal-Kodiċi Ċivili (Eliġibbiltà):

“Il-kompetenza assenjata lil liġi tkopri biss dawk ir-regoli li, minħabba l-kontenut u l-funzjoni tagħhom f’dik il-liġi, ikunu jiffurmaw parti mis-sistema tad-duttrina msemmija fir-regola tal-kunflitt.”

L-Artikolu 43-A tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet (Evidenza ta’ liġi barranija)

“Meta l-vijabbiltà tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni trid tiġi vverifikata abbażi ta’ liġi barranija, il-parti interessata għandha tagħti prova tal-kontenut tagħha permezz ta’ dokument apposta.”

Barra dawn id-dispożizzjonijiet legali, hemm ukoll regoli ta’ interpretazzjoni li huma żviluppati mid-duttrina. Skont dawn ir-regoli dottrinali, il-kunċett wiesa’ ta’ adattament jinkludi minn tal-inqas żewġ sitwazzjonijiet differenti.

L-adattament fis-sens strett tal-kelma, li jista’ jseħħ meta jkun hemm problema teknika li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żewġ liġijiet differenti ta’ suċċessjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ wild minuri adottat li l-ġenituri adottivi u bijoloġiċi tiegħu jmutu, jekk il-liġi ta’ pajjiż X tiġi applikata għas-suċċessjonijiet minħabba l-mewt tal-ġenituri adottivi, u l-liġi ta’ pajjiż Y tiġi applikata għas-suċċessjonijiet minħabba l-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi, dan jista’ jwassal għal riżultat li ma jkunx intenzjonat minn ebda waħda miż-żewġ sistemi legali kkonċernati (pereżempju, il-wild adottat ikun, fl-aħħar mill-aħħar, la werriet tal-ġenituri adottivi u lanqas tal-ġenituri bijoloġiċi). Il-qorti għandha tirrisolvi din il-problema permezz ta’ adattament.

Sitwazzjoni oħra, mhux adattament fis-sens strett tal-kelma iżda aktar bħala sostituzzjoni/traspożizzjoni, isseħħ meta duttrina inkluża f’liġi oħra tiġi sostitwita minn duttrina magħrufa fil-liġi nazzjonali.

Il-kunċett ta’ sostituzzjoni/traspożizzjoni jipprovdi qafas aktar xieraq għal każijiet ta’ adattament tad-drittijiet in rem kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Pereżempju, il-każ klassiku jkun meta tiġi ssostitwita d-duttrina ta’ “kirja” (sanċita fil-liġi ta’ Stat ieħor iżda li ma teżistix fil-leġiżlazzjoni Portugiża) mad-dritt in rem tas-superfiċe (kontemplata fil-liġi Portugiża).

Kemm il-Qorti, f’azzjoni ġudizzjarja, kif ukoll ir-reġistratur, fil-mument tar-reġistrazzjoni, jistgħu jwettqu tali sostituzzjoni/traspożizzjoni. Id-deċiżjoni tar-reġistratur tista’ tiġi appellata quddiem il-qorti (l-Artikoli 140 sa 146 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet).

NOTA

L-informazzjoni inkluża f’din l-iskeda informattiva ma hijiex eżawrjenti u lanqas ma hija vinkolanti fuq il-Punt ta’ Kuntatt, il-qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħra. Għalkemm jiġu aġġornati regolarment, l-iskedi informattivi ma jistgħux jinkludu r-reviżjonijiet kollha li jkunu saru fil-liġi, u għalhekk ma hijiex sostitut biex wieħed jikkonsulta t-testi legali fis-seħħ fi kwalunkwe żmien.

L-aħħar aġġornament: 04/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.