Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Adattament ta’ drittijiet in rem

Olanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

Din il-kwistjoni hija rregolata fin-Netherlands fl-Artikolu 4:182 tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek).

L-Artikolu 182 tal-Kodiċi Ċivili jaqra:

  • Meta persuna tmut, l-eredi għandhom jirtu ipso jure d-drittijiet, il-proprjetajiet u l-azjendi trasferibbli ta’ dik il-persuna. L-ewwel sentenza ma għandhiex tapplika meta l-patrimonju tal-persuna deċeduta jinqasam skont l-Artikolu 13. F’dak il-każ, il-konjuġi għandu jiret ipso jure l-proprjetajiet u l-azjendi tal-persuna deċeduta.
  • Huma għandhom isiru d-debituri ipso jure tad-djun tal-persuna deċeduta li ma waqfux jeżistu fil-ħin tal-mewt. Meta l-eżekuzzjoni tkun diviżibbli, kull wieħed minnhom għandu jkun responsabbli għal parti, ugwali għas-sehem tagħhom fil-wirt, sakemm ma jkollhomx obbligazzjoni in solidum.

Il-prinċipju ta’ “seisin” japplika fin-Netherlands, li permezz tiegħu l-eredi jieħdu f’idejhom il-pożizzjoni ipso jure tal-persuna deċeduta. Is-sjieda tal-assi u tad-djun tas-suċċessjoni tiġi ttrasferita taħt it-titolu universali lill-eredi li jkunu aċċettaw is-suċċessjoni.

Fil-każ ta’ diviżjoni legali tal-patrimonju (wettelijke verdeling), jekk il-persuna deċeduta tmut ab intestato, il-konjuġi superstiti/sieħeb irreġistrat jieħu f’idejh l-assi u d-djun kollha u d-dixxendenti jirċievu biss pretensjoni. Id-dixxendenti mhumiex responsabbli għad-djun mis-suċċessjoni. Huwa biss il-konjuġi superstiti jew is-sieħeb irreġistrat li huwa responsabbli għad-djun jekk tiġi applikata d-diviżjoni legali tal-patrimonju.

Il-prinċipju ta’ “seisin” jimplika li l-ebda dritt ta’ proprjetà in rem jew dritt ta’ proprjetà ma joħroġ mis-suċċessjoni bħala tali. Il-patrimonju ma jikkostitwixxi ebda assi separat fin-Netherlands. Ma japplika ebda trażżin fir-rigward tad-disponiment tal-assi tal-patrimonju u l-patrimonju ma jistax jiġi assenjat. L-assenjazzjoni tal-beni mill-patrimonju fost l-eredi huwa possibbli.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Billi l-patrimonju nnifsu mhuwiex assi separat, ma tinħoloq ebda reġistrazzjoni f’reġistru.

Iċ-Ċertifikat tas-Suċċessjoni jew iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jista’ jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet, ara l-Artikoli 27 u 27a tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Kadasterwet). Dan jagħti ċ-ċans lill-eredi jgħarrfu li s-sid miet u li s-sjieda ġiet ittrasferita lilhom taħt titolu universali. Madankollu, ir-reġistrazzjoni mhijiex rekwiżit kostituttiv. Mingħajr reġistrazzjoni, is-sjieda tiġi ttrasferita wkoll ipso jure. Jekk l-eredi mbagħad jaqsmu l-assi mill-patrimonju, tkun meħtieġa kunsinna. Dan imbagħad jikkostitwixxi trasferiment taħt titolu partikolari. Id-diviżjoni hija rregolata skont l-Artikolu 3:186 tal-Kodiċi Ċivili.

L-Artikolu 186 tal-Kodiċi Ċivili jaqra:

  • Għat-trasferiment tal-porzjon allokat lil kull wieħed mis-sidien konġunti, kunsinna formali għandha tkun meħtieġa bl-istess mod kif previst għat-trasferiment.
  • Il-porzjon miksub minn sid konġunt għandu jinżamm taħt l-istess titolu kif inżamm mis-sidien konġunti flimkien qabel id-diviżjoni.

Għal kunsinna formali ta’ proprjetà immobbli jew drittijiet limitati fuq din il-proprjetà, l-Artikolu 3:89 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi att notarili li għandu jitfassal u jiġi rreġistrat fir-reġistri pubbliċi.

L-Artikolu 89 tal-Kodiċi Ċivili jaqra:

  • Il-kunsinna formali meħtieġa għat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli għandha sseħħ permezz ta’ att notarili, imfassal għal dan l-iskop bejn il-partijiet, segwit mir-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistri pubbliċi maħsuba għal dan l-iskop. Kemm iċ-ċessjonarju kif ukoll iċ-ċedent jista’ jkollhom l-att irreġistrat.
  • L-att tal-kunsinna formali għandu jiddikjara b’mod preċiż it-titolu tat-trasferiment; il-kundizzjonijiet anċillari li ma jikkonċernawx it-trasferiment jistgħu jitħallew barra mill-att.
  • Jekk rappreżentant awtorizzat jaġixxi għal waħda mill-partijiet sabiex ifassal l-att ta’ kunsinna formali, il-prokura għandha tiġi ddikjarata b’mod preċiż fl-att.
  • Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kunsinna formali meħtieġa għat-trasferiment ta’ proprjetà rreġistrata oħra.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Ara t-tweġiba ta’ hawn fuq.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Le, ma tapplika ebda regola speċifika fil-Kodiċi Ċivili jew fl-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.