Adattament ta’ drittijiet in rem

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

Skont il-liġi Griega, id-drittijiet in rem li jistgħu jintirtu huma s-sjieda, is-servitù in rem, ir-rhuna, ir-rhuna nozzjonali, l-ipoteki u s-sjieda ta’ minjieri.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Mid-drittijiet in rem imsemmija, is-sjieda ta’ proprjetà immobbli, l-ipoteki, is-sjieda ta’ minjieri u r-rhuna nozzjonali jridu jkunu rreġistrati. Is-sjieda ta’ proprjetà immobbli, l-ipoteki u s-sjieda ta’ minjieri jridu jkunu rreġistrati fl-Uffiċċju Kadastrali tar-reġjun fejn tinsab il-proprjetà, filwaqt li r-rhuna nozzjonali jridu jkunu rreġistrati mar-Reġistru tar-Rhuna fil-post tar-residenza ta’ min jirhan jew fis-sede reġistrata tiegħu, jew jekk min jirhan ma jkunx resident jew ma jkollux is-sede reġistrata tiegħu fit-territorju tal-Greċja, fir-Reġistru tar-Rhuna ta’ Ateni.

Hu essenzjali li tiġi ppreżentata applikazzjoni lill-Uffiċċju Kadastrali biex jiġu rreġistrati t-tali drittijiet u jridu jitħallsu wkoll it-tariffi speċifikati bil-liġi (ara l-Liġi 2664/1998). L-applikazzjoni trid tkun akkumpanjata mill-att li jrid jiġi rreġistrat, minn kopja tad-dijagramma tas-servej li tkun tħejjiet u ġiet mehmuża mal-att reġistrabbli, minn sommarju tal-att reġistrabbli u minn silta ċċertifikata mid-dijagramma kadastrali għall-proprjetà li magħha jkun relatat l-att reġistrabbli.

Trid tiġi ppreżentata applikazzjoni, flimkien mal-formola rilevanti, biex rahan jiġi rreġistrat mar-Reġistru tar-Rhuna.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Ir-reġistrazzjoni ta’ dawk id-drittijiet in rem, fil-liġi, hi kostituttiva tad-drittijiet (ara l-Artikolu 12 tal-Liġi 2664/1998), fis-sens li kwalunkwe nuqqas ta’ reġistrazzjoni jimplika li t-trasferiment tas-sjieda tal-proprjetà immobbli ma jseħħx jew inkella l-istabbiliment, it-trasferiment jew l-abolizzjoni tad-dritt in rem fuq il-proprjetà immobbli ma jseħħux. L-istess japplika għar-reġistrazzjoni ta’ rhuna nozzjonali.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Fil-Greċja, ma ġewx stabbiliti regoli legali jew proċeduri sabiex dritt in rem mhux magħruf fil-liġi Griega jiġi adattat għall-eqreb dritt magħruf f’dik il-liġi.

L-aħħar aġġornament: 06/06/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.