Adattament ta’ drittijiet in rem

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

Skont il-liġi Ġermaniża, il-proprjetà kollha tad-deċedut, jiġifieri d-drittijiet u l-obbligi kollha, jiġu trasferiti fuq il-werrieta malli jmut. Jekk id-deċedut iħalli l-patrimonju tiegħu lil bosta werrieta, dan isir il-proprjetà konġunta tal-werrieta f’konformità mal-Artikolu 2032 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch – BGB). Ma jirriżultawx drittijiet in rem ġodda bis-saħħa tas-suċċessjoni. Legati u struzzjonijiet dwar id-diviżjoni tal-patrimonju mid-deċedut huma effettivi biss skont il-liġi tal-obbligi.

Madankollu, l-esperjenza mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni wriet li, b’mod partikolari, il-limitazzjonijiet fuq id-dispożizzjonijiet jistgħu jqajmu xi problemi minħabba f’dispożizzjonijiet relatati mas-suċċessjoni proviżorja u s-suċċessjoni tar-riverżjoni (Vor- und Nacherbfolge) fil-liġi Ġermaniża (it-Taqsimiet minn 2100 sa 2146 tal-Kodiċi Ċivili). Skont dan il-proċess, id-deċedut jaħtar għadd ta’ werrieta suċċessivi, fejn persuna (Nacherbe) ssir il-werriet skont suċċessjoni sussegwenti biss wara li persuna oħra (Vorerbe) kienet il-werriet qabel. Madankollu, il-werriet tar-riverżjoni jakkwista aspettattiva (Anwartschaftsrecht) mal-mewt tad-deċedut. Aspettattiva hija pożizzjoni legalment sigura li tirriżulta f’każijiet ta’ akkwiżizzjoni koperta minn bosta atti, fejn l-ewwel benefiċjarju ma jibqax jista’ jipprevjeni b’mod unilaterali li l-proprjetà tiġi akkwistata sussegwentement (Eigentumserwerb) mill-benefiċjarju l-ieħor. L-aspettattiva mhijiex regolata b’mod espliċitu mill-Kodiċi Ċivili. Għalhekk, minħabba fil-lista eżawrjenti ta’ drittijiet in rem (numerus clausus fil-liġi tal-proprjetà), hija ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala dritt. Madankollu, hija tabilħaqq tirrappreżenta dritt suġġettiv b’effett in rem.

Is-suċċessjoni proviżorja u s-suċċessjoni tar-riverżjoni għandhom bosta limitazzjonijiet u obbligi għall-werrieta proviżorji, b’mod partikolari limiti fuq is-setgħat ta’ disponiment tagħhom. Disponimenti tal-art mhumiex validi taħt suċċessjoni sussegwenti jekk jiksru d-drittijiet tal-werriet tar-riverżjoni (l-Artikolu 2113(1) tal-Kodiċi Ċivili). L-istess japplika għal disponimenti permezz ta’ donazzjonijiet (l-Artikolu 2113(2) tal-Kodiċi Ċivili). Madankollu, id-deċedut jista’ jeżenta lill-werriet proviżorju minn xi wħud minn dawn ir-restrizzjonijiet taħt disponiment ta’ proprjetà mal-mewt. Restrizzjonijiet fuq id-disponiment taħt suċċessjoni sussegwenti jridu jiddaħħlu fir-reġistru tal-artijiet Ġermaniż.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Skont il-liġi Ġermaniża, id-drittijiet kollha tad-deċedut jiġu trasferiti awtomatikament lill-werriet jew lill-werrieta konġunti mal-mewt tiegħu. Ma hemmx għalfejn li dawn id-drittijiet, u anke d-drittijiet li jeħtieġu reġistrazzjoni, jiddaħħlu f’reġistru għal dan il-għan. Sa fejn huma involuti drittijiet li jeħtieġu reġistrazzjoni, ir-reġistri rilevanti (ir-reġistru tal-artijiet, ir-reġistru tal-kumpaniji) ma jibqgħux preċiżi malli jiġi dovut il-wirt u jridu jiġu emendati. Għal dan il-għan, trid tingħata prova tas-suċċessjoni permezz ta’ strumenti uffiċjali jew awtentikati, jew inkella permezz ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Ċerti tranżazzjonijiet sussegwenti (pereż. piżijiet fuq art li tkun intirtet) jeħtieġu korrezzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni tal-werriet jew tal-werrieta konġunti fir-reġistru tal-artijiet.

Ir-restrizzjonijiet fuq id-disponiment marbuta mas-suċċessjoni proviżorja u s-suċċessjoni tar-riverżjoni, kif ukoll mal-aspettattiva tal-werriet tar-riverżjoni, jirriżultaw direttament ukoll mal-mewt tad-deċedut. Madankollu, is-suċċessjoni proviżorja u s-suċċessjoni tar-riverżjoni jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet sabiex tiġi evitata akkwiżizzjoni bona fide mingħajr gravami minn terzi persuni.

Jekk werrieta jew benefiċjarji individwali jkollhom pretensjoni (skont il-liġi dwar l-obbligi) fuq assi speċifiċi bil-liġi jew fuq disponiment ta’ proprjetà mal-mewt, is-sjieda ta’ dawn l-assi trid tiġi trasferita lilhom permezz ta’ kuntratt mal-werrieta, u kwalunkwe drittijiet ta’ proprjetà immobbli jridu jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet abbażi ta’ strumenti uffiċjali jew awtentikati.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Ir-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem trasferiti lil werriet jew lil werrieta konġunti b’riżultat ta’ suċċessjoni hija sempliċiment dikjaratorja. Madankollu, hija tifforma l-bażi għall-bona fide ta’ terzi persuni u hija meħtieġa għal ċerti tranżazzjonijiet sussegwenti.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Drittijiet in rem li mhumiex magħrufa taħt il-liġi Ġermaniża ġeneralment jiġu adattati għal kunċett legali Ġermaniż simili bil-liġi. Billi kwalunkwe proċedura ta’ reġistrazzjoni dejjem teħtieġ bażi sigura għar-reġistrazzjoni, jista’ jkun neċessarju li l-werrieta joħorġu att ta’ trasferiment addizzjonali, kif inhu meħtieġ fil-liġi Ġermaniża għal pretensjonijiet taħt il-liġi dwar l-obbligi. Skont l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni, proċeduri ta’ reġistrazzjoni mhumiex affettwati mir-Regolament.

L-aħħar aġġornament: 25/08/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.