Adattament ta’ drittijiet in rem

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

B’mod ġenerali, il-liġi Estonjana tapplika l-prinċipju tas-suċċessjoni universali, li skontu l-proprjetà tal-persuna deċeduta (il-patrimonju), inklużi d-drittijiet u l-obbligi kollha tad-deċedut, tiġi ttrasferita lil persuna oħra (is-suċċessur). Jekk ikun hemm aktar minn suċċessur wieħed, il-proprjetà tkun proprjetà tiegħu b’mod konġunt skont l-Artikolu 147 tal-Att dwar il-Liġi tas-Suċċessjoni. L-ebda dritt ġdid ma jinħoloq mill-wirt. L-istruzzjonijiet stabbiliti f’testment (legati u struzzjonijiet dwar kif għandu jinqasam il-patrimonju) jaqgħu taħt il-liġi tal-obbligi biss.

F’ċerti każijiet, il-konjuġi superstiti tad-deċedut jista’ jitlob servitù għal proprjetà li kienet id-dar matrimonjali tal-konjuġi (l-Artikolu 16(3) tal-Att dwar il-Liġi tas-Suċċessjoni), dment li dan id-dritt ikun pretensjoni skont il-liġi tal-obbligi u mhux dritt in rem.

Id-dritt tas-suċċessur tad-drittijiet ta’ proprjetà assoċjati mal-patrimonju jista’ jiġi ristrett f’każijiet fejn huwa jew hija j/tkun suċċessur proviżorju li għalih ikun inħatar suċċessur sussegwenti (l-Artikolu 48 tal-Att dwar il-Liġi tas-Suċċessjoni). F’każijiet bħal dawn, issir entrata fir-Reġistru tal-Artijiet li tiddikjara li s-suċċessur huwa suċċessur proviżorju (Artikolu 491 tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet).

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Il-proprjetajiet immobbli u d-drittijiet relatati jiddaħħlu fir-Reġistru tal-Artijiet. Id-drittijiet kollha tal-proprjetà jiġu trasferiti lis-suċċessur permezz tar-Reġistru tal-Artijiet. F’każ li r-Reġistru tal-Artijiet ma jibqax korrett minħabba t-trasferiment ta’ dritt in rem barra mir-Reġistru tal-Artijiet, id-dipartiment tar-reġistru tal-artijiet jikkoreġi l-entrata fuq il-bażi tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata mis-sid il-ġdid tad-dritt in rem. Dokument li jiċċertifika t-trasferiment tad-dritt in rem (ċertifikat ta’ suċċessjoni) irid ikun mehmuż mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (Artikolu 651(1) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet). Biex jiġi stabbilit jekk min iħalli l-wirt kienx l-uniku sid tad-dritt in rem jew jekk id-dritt in rem huwiex proprjetà konġunta, f’xi każijiet irid ikun mehmuż ċertifikat tas-sjieda mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni minbarra ċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni. Applikazzjoni għal reġistrazzjoni trid tiġi ttimbrata min-nutar jew tiġi ffirmata diġitalment (l-Artikolu 34(21) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet.

Id-dipartiment tar-reġistru tal-artijiet jista’ jitlob li s-sid ta’ dritt in rem jew li l-eżekutur ta’ testment jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni u d-dokumenti neċessarji għall-korrezzjoni u jagħmel entrata fir-Reġistru tal-Artijiet bit-theddida ta’ multa (l-Artikolu 651(5) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet).

Kwalunkwe proprjetà oħra soġġetta għal reġistrazzjoni tiġi trasferita wkoll lis-suċċessur irrispettivament mill-entrata fir-reġistru. Bħala regola, werriet hu meħtieġ jippreżenta lir-reġistru rilevanti l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji rigward il-wirt ta’ assi jew ta’ dritt. Madankollu, fil-każ ta’ wirt ta’ ishma jew ta’ sħubija f’assoċjazzjoni f’kumpanija ta’ responsabbiltà limitata jew f’assoċjazzjoni ta’ bini, nutar pubbliku jkun meħtieġ, wara l-ittimbrar min-nutar taċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni, jibgħat avviż tal-wirt tal-ishma jew tas-sħubija lir-Reġistru Kummerċjali.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Id-drittijiet in rem kollha jiġu ttrasferiti lill-werrieta bil-liġi u huma indipendenti mir-reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Bħala regola, l-entrati fir-reġistri jsiru invalidi meta tinfetaħ suċċessjoni u l-werriet ġeneralment ikun meħtieġ li jara li l-entrati jiġu aġġornati.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Skont l-Artikolu  6291 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tista’ tiftaħ proċediment għall-adattament ta’ dritt in rem ta’ pajjiż barrani fuq il-bażi tar-rikors tal-persuna li tkun intitolata għal dan. Jekk ikun hemm bżonn, il-qorti tisma’ lill-petizzjonant. Fis-sentenza dwar l-adattament ta’ dritt in rem, il-qorti tistabbilixxi jekk il-liġijiet Estonjani jippreskrivux dritt in rem li jkun ekwivalenti għad-dritt in rem tal-pajjiż barrani li jkun se jiġi adattat. Jekk ikun jeżisti dritt in rem ekwivalenti, il-qorti tindikah fis-sentenza. Jekk, għall-fini ta’ infurzar ta’ sentenza dwar l-adattament ta’ dritt in rem, il-petizzjonant irid jikkuntattja lil reġistrar mhux ġudizzjarju jew lil persuna jew istituzzjoni oħra, dan il-fatt irid ikun stabbilit bil-miktub. Il-petizzjonant jista’ jippreżenta appell kontra s-sentenza.

Skont l-Artikolu 475 (1)(101) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-adattament tad-drittijiet in rem skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġi indirizzat fil-proċedimenti dwar petizzjoni.

L-aħħar aġġornament: 18/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.