Sib informazzjoni għal kull reġjun
Is-subbasti huma rreklamati permezz ta’ avviżi ppubblikati fit-taqsima “Administración de Justicia” (Amministrazzjoni tal-Ġustizzja) tal-portal B.O.E. (Boletín Oficial del Estado, Gazzetta tal-Gvern Uffiċjali) u fuq il-portal tas-subbasti nnifsu.
Il-valwazzjonijiet jitwettqu fi proċedimenti ġuridiċi stabbiliti għal dik il-fini (l-Artikolu 637 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili — Ley de Enjuiciamiento Civil, LEC), permezz tan-nomina ta’ esperti. Xi drabi ma jkunx hemm bżonn ta’ valwazzjoni għaliex il-valur għall-finijiet tas-subbasta jkun diġà ġie stabbilit, pereżempju fi preklużjonijiet tad-dritt ipotekarju. Il-valwazzjoni lanqas ma tkun meħtieġa għal subbasti volontarji li fihom l-assi jistgħu jitqiegħdu għall-bejgħ mingħajr prezz minimu jew mingħajr valur stmat, jew bil-valur propost mill-partijiet.
Skont il-liġi Spanjola, il-bejgħ jista’ wkoll isir minn persuni jew entitajiet speċjalizzati, kemm jekk pubbliċi kif ukoll jekk privati, u meta jkun hemm il-qbil tal-awtorità ġudizzjarja, il-bejgħ jew is-subbasta jridu jikkonformaw mar-regoli tal-entità, dment li ma jkunux inkompatibbli mal-għan tal-eżekuzzjoni jew il-protezzjoni tal-interessi kemm tal-parti li qed twettaq l-eżekuzzjoni kif ukoll tal-persuna li l-eżekuzzjoni tkun qed issir fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 641 LEC.
L-ewwel paragrafu tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq jistipula li l-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati (Colegios de Procuradores) jistgħu jassumu dawn il-karigi, u għal dak l-iskop, huma stabbilew il-portal tas-subbasti elettroniċi tagħhom.
Nistgħu wkoll insibu każijiet ta’ bejgħ dirett minn amministraturi ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fil-fażi ta’ likwidazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza.
Fil-preżent, il-portal tas-subbasti jirreklama s-subbasti kollha, kemm dawk ġudizzjarji kif ukoll dawk ġestiti min-nutara, li jsiru fi Spanja, iżda s-subbasti amministrattivi (pereż. it-Teżor jew is-Sigurtà Soċjali) mhumiex inklużi, anki jekk hemm pjanijiet biex fil-futur dawn jiġu inkorporati fil-portal.
Apparti minn hekk, fil-portal mhuwiex inkluż ukoll il-bejgħ diġà rrappurtat minn entitajiet speċjalizzati, il-bejgħ taħt proċedimenti ta’ insolvenza, f’liema każ il-qorti tkun approvat forma oħra ta’ disponiment, u taħt proċedimenti ta’ insolvenza li fihom il-partijiet ikunu qablu b’mod reċiproku fuq forma oħra ta’ disponiment billi jiffirmaw ftehim ta’ bejgħ (l-Artikolu 640 LEC).
Ir-reġistru tal-proprjetà u r-reġistru tal-proprjetà immobbli għandhom dan l-iskop, billi t-tnejn li huma jagħtuna informazzjoni dwar is-sjieda tal-assi u dwar il-kredituri kollha tal-assi.
Huwa possibbli wkoll li dak li jkun jikkonsulta d-data fis-sit web tar-Reġistru tal-Artijiet. Jekk tiġi ppubblikata r-referenza tar-reġistru tal-artijiet tal-assi għas-subbasta, il-portal tas-subbasti jiġġenera ħolqa li tippermetti li dan l-assi jintwera permezz tas-satellita, bis-saħħa ta’ pjattaformi bħal Google Earth.
Il-portal tas-subbasti
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.