Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

1. Reklamar u pprezzar tal-bejgħ ta' beni maqbuda

Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija rregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Rumanija, li fih regoli ġenerali rigward l-eżekuzzjoni tal-obbligi stabbiliti permezz ta’ mandati eżekuttivi. Apparti r-regoli tal-proċedura ċivili li jirregolaw l-eżekuzzjoni, hemm żewġ kategoriji separati oħra ta’ regoli li japplikaw għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tad-debituri tal-obbligi: eżekuzzjoni tad-dejn fiskali u eżekuzzjoni ta’ dejn li jirriżulta minn reati.

Il-kategorija ġenerali tad-dejn li jirriżulta minn mandati eżekuttivi, apparti dak ta’ natura fiskali jew dak li jirriżulta minn reati, fir-Rumanija hija eżegwita mill-marixxalli tal-qorti, awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni awtorizzati b’ordni tal-Ministeru tal-Ġustizzja biex jeżegwixxu mandati eżekuttivi.

Ladarba l-eżekuzzjoni tkun ġiet approvata, għall-kategorija ta’ dejn li jista’ jiġi eżegwit, f’konformità ma’ dak li ġie ddikjarat aktar ’il fuq, l-assi tad-debitur jinbiegħu permezz ta’ subbasta pubblika f’konformità mar-regoli tal-proċedura ċivili skont il-kategorija tagħhom, jiġifieri bejgħ ta’ assi mobbli/immobbli permezz ta’ subbasta pubblika.

Assi mobbli maqbuda jistgħu jiġu vvalutati minn marixxall tal-qorti (abbażi tal-kriterju tal-valur fiċ-ċirkolazzjoni meta mqabbel mal-prezzijiet medji fis-suq fil-lokalità kkonċernata) jew, meta l-valutazzjoni ma tkunx possibbli jew inkella jekk jintalab hekk mill-partijiet, billi jkun appuntat espert bi ħlas ta’ tariffa.

Il-valur tal-assi soġġett għal eżekuzzjoni għandu jiġi ddeterminat mill-marixxall tal-qorti f’konformità ma’ regoli simili (valur fiċ-ċirkolazzjoni, prezz medju fis-suq, eċċ.) jew fuq talba tal-partijiet jew inkella meta l-valutazzjoni ma tkunx possibbli, billi jkun appuntat espert bi ħlas ta’ tariffa.

Fir-rigward tar-reklamar tal-bejgħ ta’ assi mobbli, l-avviż jew ir-reklam rigward il-bejgħ għandu jitfassal mill-marixxall tal-qorti, li għandu jqis li dan jintwera fil-post tas-subbasta, fl-uffiċċju tiegħu, fl-uffiċċju tal-istess kunsill lokali taż-żona li fiha l-assi jkun qed jinbiegħ, fl-uffiċċju tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni, u f’postijiet pubbliċi oħra. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Rumanija jistipula wkoll obbligu biex ir-reklami jidhru f’gazzetti lokali jew nazzjonali jew fuq il-paġni tal-Internet intiżi għall-bejgħ tal-assi kkonċernati.

Apparti l-metodi ta’ reklamar imsemmi preċedentement, fir-rigward tar-reklamar ta’ bejgħ ta’ assi immobbli, hemm xi sfumaturi proċedurali għaliex minn naħa, il-valur tal-assi jrieġi l-metodu ta’ reklamar (gazzetta nazzjonali jekk il-valur tal-assi jaqbeż RON 250,000), u min-naħa l-oħra, hemm obbligu li jsir reklam fir-Reġistru Elettroniku għar-Reklamar tal-Bejgħ tal-Assi soġġetti għal Eżekuzzjoni.

Il-karatteristiċi tal-assi soġġetti għal eżekuzzjoni għandhom ikunu speċifikati fl-avviż/reklam rigward il-bejgħ.

Il-proċedura sabiex dak li jkun ikun jista’ jara l-assi mhijiex irregolata.

Il-garanziji għas-subbasti, li huma rreġistrati b’ordni tal-marixxall tal-qorti u li jridu jitħallsu mhux aktar tard mill-ħin tal-bidu tas-subbasta, huma rregolati. Il-garanziji għas-subbasti jistgħu jitħallsu elettronikament, u l-marixxall tal-qorti jrid jehmeż ġustifikazzjoni tal-pagament mal-offerta għal akkwist.

L-assi jiġu assenjati lill-persuna li toffri l-ogħla offerta u, jekk ikun hemm biss offerent wieħed, lil dan tal-aħħar, dment li jkun offra l-prezz inizjali għas-subbasta.

2. Partijiet terzi li jistgħu jmexxu l-operazzjoni tal-bejgħ

L-assi jistgħu jinbiegħu permezz ta’ subbasta pubblika minn marixxall tal-qorti permezz ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni li hija rregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Rumanija. Għal ċerti kategoriji ta’ dejn, jiġifieri d-dejn fiskali u d-dejn li jirriżulta mir-reati, il-proċedura ta’ bejgħ titmexxa jew permezz tal-mekkaniżmu tal-Awtorità Fiskali stess (għad-dejn fiskali) b’regoli ta’ proċedura speċjali rigward is-subbasta jew il-parteċipanti, jew inkella permezz tal-awtorità statali inkarigata mill-irkupru tar-rikavat tal-kriminalità (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni tal-Assi Friżati – ANABI). F’dan l-aħħar każ, ANABI tista’ tagħti l-inkarigu tal-irkupru lil marixxall tal-qorti, permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni.

3. Tipi ta' rkant li r-regoli jaf ma japplikawx kompletament għalihom

Ir-regoli komuni li japplikaw għall-bejgħ tal-beni permezz ta’ subbasta pubblika jinkludu eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ mandati eżekuttivi relatati ma’ dħul dovut lill-baġit ġenerali kkonsolidat, lill-baġit tal-UE jew lill-baġit tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Hemm ukoll eċċezzjonijiet għall-irkupru tar-rikavat tal-kriminalità.

4. Informazzjoni dwar ir-Reġistru nazzjonali tal-beni

Fir-Rumanija ma ġiet implimentata l-ebda sistema kompjuterizzata li tinkludi informazzjoni dwar l-assi (reġistri nazzjonali tal-assi).

5. Informazzjoni dwar bażijiet ta' dejta għall-kredituri biex jidentifikaw il-beni u l-pretensjonijiet tad-debitur

Il-kredituri jista’ jkollhom aċċess għad-dettalji ta’ kull assi jew dejn ta’ debitur, unikament permezz ta’ proċedura ta' eżekuzzjoni approvata u permezz ta’ marixxall tal-qorti biss.

L-aċċess tal-kredituri għal bażijiet tad-data li fihom ikunu jistgħu jidentifikaw l-assi ta’ debitur, huwa limitat. Pereżempju, minħabba li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ assi immobbli jitniżżlu fir-Reġistru tal-Artijiet, kwalunkwe persuna tista’ tikseb informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ assi, abbażi ta’ sempliċi rikjesta u bi ħlas ta’ tariffa. Madankollu, dan il-mod li bih tinkiseb l-informazzjoni, ma tantx jgħin fir-rigward ta’ kull assi li jkun miżmum minn debitur, billi t-tiftix isir biss abbażi tal-assi u mhux tal-persuna. Id-dettalji personali huma protetti minn regolamenti speċjali, u b’hekk tiftixa ta’ dan it-tip hija possibbli li ssir biss, kif iddikjarat hawn fuq, permezz ta’ awtorità, xi drabi soġġetta għall-konferma minn qorti.

6. Informazzjoni dwar bejgħ bil-qorti onlajn

Ir-Reġistru Elettroniku għar-Reklamar tal-Bejgħ tal-Assi soġġetti għal Eżekuzzjoni huwa sistema kompjuterizzata li permezz tagħha l-marixxalli tal-qorti kollha jirreklamaw, fil-livell nazzjonali, il-bejgħ ta’ assi mobbli b’valur li jaqbeż RON 2,000 u assi immobbli li huma soġġetti għal proċedura ta’ eżekuzzjoni. Ir-Reġistru Elettroniku għar-Reklamar tal-Bejgħ tal-Assi soġġetti għal Eżekuzzjoni nħoloq abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35(2) tal-Liġi Nru 188/2000 dwar il-marixxalli tal-qorti u ilu jopera mill-2012. It-tqegħid ta’ reklami fir-Reġistru Elettroniku għar-Reklamar tal-Bejgħ tal-Assi soġġetti għal Eżekuzzjoni huwa obbligu ġuridiku għall-marixxalli tal-qorti, u n-nuqqas tiegħu jikkostitwixxi reat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Liġi Nru 188/2000 dwar il-marixxalli tal-qorti.

Il-pjattaforma l-ġdida dwar ir-Reġistru Elettroniku għar-Reklamar tal-Bejgħ tal-Assi soġġetti għal Eżekuzzjoni ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni Nru 67/05.12.2014 tal-Kunsill tal-Unjoni Nazzjonali tal-Marixxalli tal-Qorti.

L-aħħar aġġornament: 10/10/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.