Bejgħ fl-irkant bil-qorti

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

1. It-tħabbir u d-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-bejgħ ta’ assi maqbuda

Is-subbasti jintużaw għall-bejgħ tal-proprjetà mobbli u immobbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni (Ovršni zakon) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 112/12, 25/13, 93/14, 55/16 u 73/17, minn hawn ’il quddiem: l-Att dwar l-Eżekuzzjoni). Fl-1 ta’ Jannar 2015, fil-Kroazja daħlet fis-seħħ sistema ta’ bejgħ tal-proprjetà mobbli u immobbli permezz ta’ subbasti online, għall-proċedimenti li nbdew wara dik id-data.

Proprjetà immobbli

L-eżekuzzjoni vis-à-vis il-proprjetà immobbli titwettaq billi eżekuzzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru tal-artijiet, tinbiegħ il-proprjetà inkwistjoni u billi l-kreditur(i) tal-eżekuzzjoni jirċievu r-rikavat ta’ tali bejgħ bħala saldu.

Il-valur tal-proprjetà immobbli jiġi ddeterminat permezz ta’ konklużjoni għad-diskrezzjoni tal-qorti, ibbażata fuq konstatazzjoni motivata u opinjoni ta’ stimatur jew xhud espert awtorizzat; meta jiġi stabbilit il-valur tal-proprjetà immobbli, jitqiesu wkoll ċerti drittijiet u impedimenti fuq il-proprjetà li ma jintemmux lanqas wara l-bejgħ, u li b’hekk ibaxxulha l-valur.

Malli titlesta l-proċedura tal-valwazzjoni tal-proprjetà, il-qorti toħroġ konklużjoni dwar il-bejgħ tagħha li tistabbilixxi l-valur tal-proprjetà u l-mod u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ tagħha.

L-Artikolu 92(2) u (3) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni jistipulaw li l-partijiet jistgħu jiddeterminaw il-valur tal-proprjetà permezz ta’ ftehim ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju, li jkun ta’ bażi għal rahan jew għal xi dritt rilevanti ieħor ta’ proprjetà stabbilit biex tiġi ggarantita l-pretensjoni li jintalab is-saldu tagħha.

Il-proprjetà immobbli tinbiegħ permezz ta’ subbasti online li jitmexxew mill-Aġenzija Finanzjarja (Financijska agencija; minn hawn ’il quddiem FINA) wara li ssir talba minn awtorità kompetenti. It-talba għall-bejgħ u atti oħra fil-proċedura tal-bejgħ tal-proprjetà immobbli jiġu ppreżentati liċ-ċentri reġjonali tal-FINA li jkollhom ġuriżdizzjoni territorjali skont il-post u l-ġuriżdizzjoni tal-qorti ta’ eżekuzzjoni.

Subbasta ġudizzjarja online tibda permezz ta’ sejħa għall-parteċipazzjoni f’subbasta online.

Fl-ewwel subbasta online, il-proprjetà immobbli ma għandhiex tinbiegħ għal anqas minn 80 % tal-valur stabbilit tagħha. Fit-tieni subbasta online, il-proprjetà immobbli ma għandhiex tinbiegħ għal anqas minn 60 % tal-valur stabbilit tagħha (l-Artikolu 102(1) u (2) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

L-offerti jintlaqgħu tul perjodu ta’ 10 ijiem ta’ xogħol. Jekk ma ssir l-ebda offerta fl-ewwel subbasta online, it-tieni subbasta tibda billi tiġi ppubblikata sejħa għall-parteċipazzjoni fl-ewwel jum wara li titlesta l-ewwel subbasta online.

Jekk lanqas fit-tieni subbasta online, ma ssir l-ebda offerta valida, l-FINA tinnotifikaha lill-qorti. F’dak il-każ, il-qorti tissospendi l-eżekuzzjoni.

Is-subbasta online tagħlaq fil-ħin speċifikat fis-sejħa għall-parteċipazzjoni (l-Artikolu 103(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Wara li l-bejgħ tal-proprjetà immobbli jintemm b’suċċess permezz ta’ subbasta online, hekk kif tiġi riċevuta n-notifika mill-FINA, il-qorti toħroġ deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni tal-proprjetà immobbli. F’dik id-deċiżjoni, il-qorti tiddetermina li, ladarba d-deċiżjoni ssir waħda finali u wara li l-akkwirent ikun ħallas il-prezz tal-akkwist, id-dritt ta’ sjieda tal-proprjetà aġġudikata għandu jiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet f’isem l-akkwirent, u li għandu jitneħħa kwalunkwe dritt u impediment fuq il-proprjetà inkwistjoni li jintemm hekk kif din tinbiegħ.

Wara d-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni tal-proprjetà immobbli lill-akkwirent issir waħda finali, il-qorti tistabbilixxi data tas-seduta biex ikun diviż il-prezz tal-akkwist.

Proprjetà mobbli

L-eżekuzzjoni vis-à-vis il-proprjetà mobbli titwettaq permezz ta’ preklużjoni, valutazzjoni, qbid, spedizzjoni tal-proprjetà u l-affidament tagħha f’idejn il-qorti, kreditur tal-eżekuzzjoni jew parti terza, il-bejgħ tagħha u l-kreditur tal-eżekuzzjoni jirċievi s-saldu għat-talba tiegħu mir-rikavati ta’ tali bejgħ.

Il-proprjetà mobbli tinbiegħ permezz ta’ subbasta ġudizzjarja bil-fomm jew permezz ta’ negozjar dirett. Il-mod tal-bejgħ jiġi ddeterminat permezz ta’ konklużjoni tal-qorti, filwaqt li jiġi żgurat li l-proprjetà mobbli tinbiegħ lill-offerent bl-aktar offerta vantaġġuża.

Il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jitħabbar fil-ħin propizju fuq l-avviżiera tal-qorti, iżda jista’ jitħabbar ukoll bl-istess mod applikat għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli.

Il-post, id-data u l-ħin tal-bejgħ jiġu nnotifikati lill-kreditur tal-eżekuzzjoni u lid-debitur tal-eżekuzzjoni.

Fuq proposta tal-kreditur tal-eżekuzzjoni, il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jista’ jsir ukoll permezz ta’ subbasta online, li għaliha jkunu japplikaw mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni li jirrigwardaw is-subbasta online tal-proprjetà immobbli (l-Artikolu 149(7) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Fis-subbasta, il-proprjetà mobbli ma għandhiex tinbiegħ għal anqas min-nofs il-valur stmat tagħha. Ma għandhiex tinbiegħ bi prezz anqas minn dak anke fil-perjodu ta’ żmien iddeterminat mill-qorti għall-bejgħ permezz ta’ negozjar dirett.

Jekk il-proprjetà mobbli ma tkunx tista’ tinbiegħ permezz tas-subbasta jew permezz ta’ negozjar dirett, l-eżekuzzjoni tkun sospiża.

Ladarba s-subbasta tal-proprjetà mobbli titlesta b’suċċess, l-akkwirent jintalab iħallas il-prezz tal-akkwist u jieħu l-pussess tal-proprjetà mobbli f’idejh malli jiġu konklużi s-subbasta jew il-bejgħ permezz ta’ negozjar dirett. Jekk l-akkwirent jonqos milli jħallas il-prezz tal-akkwist, is-subbasta titqies li ma tkunx irnexxiet.

L-inkarigu tal-bejgħ tal-proprjetà mobbli maqbuda fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jista’ jingħadda lil aġent b’kummissjoni ċċertifikat. L-attivitajiet ta’ aġent b’kummissjoni ċċertifikat jiġu organizzati u implimentati mill-Kamra tal-Ekonomija tal-Kroazja (Hrvatska gospodarska komora).

Is-subbasti tal-proprjetà mobbli akkarigu tal-aġent b’kummissjoni jitmexxew minn nutar.

Wara li l-proprjetà mobbli tinbiegħ, l-aġent b’kummissjoni jgħaddiha lill-akkwirent bil-kundizzjoni li jitħallas il-prezz tal-akkwist.

2. Partijiet terzi li jistgħu jwettqu l-bejgħ

Proprjetà immobbli

Fil-Kroazja, il-bejgħ tal-proprjetà immobbli jsir mill-FINA. Flimkien ma’ talba għall-bejgħ li għandha ssir billi tintuża l-formola preskritta, il-qorti għandha l-obbligu li tgħaddi d-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni, l-estratt mir-reġistru tal-artijiet u l-konklużjoni rigward il-bejgħ lill-FINA.

Fil-każijiet ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli permezz ta’ negozjar dirett, il-bejgħ tal-proprjetà immobbli jitmexxa minn persuna awtorizzata għall-bejgħ tal-proprjetà immobbli, minn amministratur tal-eżekuzzjoni, minn nutar jew b’xi mod ieħor.

Proprjetà mobbli

Is-subbasti ġudizzjarji bil-fomm tal-proprjetà mobbli jitmexxew minn amministratur tal-eżekuzzjoni. F’konklużjoni tagħha, il-qorti tista’ tagħti l-inkarigu tat-tmexxija tas-subbasta lil nutar (l-Artikolu 149(2) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni). L-inkarigu tal-bejgħ tal-proprjetà mobbli maqbuda fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jista’ jingħadda lil aġent b’kummissjoni ċċertifikat (l-Artikolu 152(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Fuq il-proposta tal-kreditur tal-eżekuzzjoni, il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jitwettaq permezz ta’ subbasta online mmexxija mill-Awtorità Finanzjarja.

3. Tipi ta’ subbasti li r-regoli jaf ma jkunux japplikaw għalkollox għalihom

Proprjetà immobbli

Il-proprjetà immobbli tinbiegħ permezz ta’ subbasti online. Subbasta ġudizzjarja online tibda permezz ta’ sejħa għall-parteċipazzjoni f’subbasta online (l-Artikolu 97(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Il-partijiet, il-kredituri tar-rahan u d-detenturi ta’ servitujiet personali u gravami fuq proprjetà li jintemmu ladarba tinbiegħ il-proprjetà immobbli jistgħu jaslu għal qbil sakemm isir il-bejgħ tal-proprjetà immobbli sa mhux aktar tard minn meta ssir is-subbasta online, rigward il-bejgħ tal-proprjetà inkwistjoni li għandu jitwettaq permezz ta’ negozjar dirett minn persuna awtorizzata għan-negozjar tal-proprjetà immobbli, minn amministratur tal-eżekuzzjoni, minn nutar jew b’mod ieħor f’perjodu ta’ żmien speċifiku (l-Artikolu 97(6) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Fil-każ ta’ bejgħ b’negozjar dirett, il-qorti toħroġ deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni tal-proprjetà immobbli mibjugħa permezz ta’ negozjar dirett, wara li tkun ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet għall-validità legali tal-bejgħ ikunu ġew issodisfati (l-Artikolu 104(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Id-deċiżjoni tal-aġġudikazzjoni tintwera fuq l-avviżiera tal-qorti u tintbagħat lill-persuni kollha li jirċievu l-konklużjoni dwar il-bejgħ tal-proprjetà immobbli lill-akkwirent (l-Artikolu 104(2) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Proprjetà mobbli

Il-proprjetà mobbli tinbiegħ permezz ta’ subbasta ġudizzjarja bil-fomm jew permezz ta’ negozjar dirett. Il-mod tal-bejgħ jiġi ddeterminat permezz ta’ konklużjoni tal-qorti, filwaqt li jiġi żgurat li l-proprjetà mobbli tinbiegħ lill-offerent bl-aktar offerta vantaġġuża (l-Artikolu 149(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Il-bejgħ permezz ta’ negozjar dirett jiġi konkluż minn u bejn l-akkwirent minn naħa bħala parti u mill-amministratur tal-eżekuzzjoni jew persuna b’inkarigu ta’ attivitajiet b’kummissjoni min-naħa l-oħra bħala l-parti l-oħra. L-amministratur tal-eżekuzzjoni jbiegħ il-proprjetà mobbli f’isem id-debitur tal-eżekuzzjoni u akkont tiegħu, filwaqt li l-persuna b’inkarigu ta’ attivitajiet b’kummissjoni tbiegħ il-proprjetà mobbli f’isimha stess u akkont tad-debitur tal-eżekuzzjoni (l-Artikolu 149(3) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Fuq il-proposta tal-kreditur tal-eżekuzzjoni, il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jista’ jsir ukoll permezz ta’ subbasta online, li għaliha jkunu japplikaw mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att li jirrigwardaw is-subbasta online tal-proprjetà mobbli (l-Artikolu 149(7) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u proprjetà mobbli li jkun is-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja u notarili permezz tat-trasferiment tas-sjieda u tat-trasferiment tat-titli jista’ jitwettaq f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mal-bejgħ tal-proprjetà immobbli u tal-proprjetà mobbli għall-fini tal-eżekuzzjoni.

4. Informazzjoni dwar ir-reġistri nazzjonali tal-proprjetà

Ir-reġistri tal-proprjetà segwenti jinżammu fil-Kroazja:

  • il-kotba tar-reġistru tal-artijiet relatati mal-istatus legali tal-proprjetà immobbli fit-territorju tal-Kroazja,
  • ir-reġistru tal-vetturi bil-mutur,
  • ir-reġistru tal-vapuri;
  • ir-reġistru tal-inġenji tal-ajru;
  • ir-reġistru tal-ishma u t-titoli b’entrata fil-kotba,
  • ir-reġistru tal-garanziji permezz ta’ atti ġudizzjarji u notarili (ir-reġistru tal-irhna),
  • ir-reġistru uniku tal-kontijiet,
  • kotba oħra tar-reġistri u reġistri.

Ir-reġistri jinżammu f’għamla elettronika minn diversi awtoritajiet tal-istat u l-aċċess għalihom jista’ jsir b’mod elettroniku (pereżempju, b'aċċess għal reġistru ta’ persuni ġuridiċi li jinżamm mill-qrati kummerċjali).

Sabiex tinkiseb data mill-awtoritajiet tal-istat, normalment ikun hemm bżonn li titħallas tariffa xierqa, u l-ammont tat-tariffa jkun jiddependi fuq kull awtorità individwali tal-istat u jiġi ddeterminat f’konformità mal-Att dwar il-Ħlasijiet Amministrattivi (Zakon o upravnim pristojbama) (NN Nru 115/16) u d-Digriet dwar it-Tariffa tal-Ħlasijiet Amministrattivi (Uredba o tarifi upravnih pristojbi) (NN Nru 8/17). Il-ħlasijiet amministrattivi sa massimu ta’ HRK 100.00 jitħallsu f’bolol tat-taxxa, u dawk li jaqbżu l-HRK 100.00 jistgħu jitħallsu permezz tas-servizzi bankarji fuq l-internet.

Il-lista ta’ proprjetà immobbli u proprjetà mobbli mibjugħa fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni hija rregolata mir-Regoli dwar il-kontenut u l-mod ta’ kif jinżamm reġistru tal-proprjetà immobbli u tal-proprjetà mobbli mibjugħa fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Pravilnik o sadržaju i načinu vođenja očevidnika nekretnina i pokretnina koje se prodaju u ovršnom postupku) (NN Nri 115/12 u 156/14).

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data li jippermettu lill-kredituri jidentifikaw l-assi jew id-dejn tad-debituri

L-Artikolu 18 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Istat jipprovdu informazzjoni dwar id-debitur fuq talba ta’ persuna li tiddikjara li beħsiebha tibda proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jew proċedimenti ta’ garanzija, fi żmien 8 ijiem minn meta titressaq it-talba.

  • Il-Ministeru għall-Intern għandu l-obbligu li jipprovdi informazzjoni dwar jekk persuna tinsabx imniżżla bħala sid ta’ vettura fir-reġistru tal-vetturi rreġistrati u mmarkati u dwar l-ispeċi, il-marka, it-tip, il-mudell, is-sena ta’ produzzjoni u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura, kif ukoll dwar kwalunkwe impediment fuq dik il-vettura. Il-Ministeru tal-Intern huwa meħtieġ ukoll li jindika n-numru tal-karta tal-identità tal-persuna flimkien mal-isem u d-data tat-twelid tagħha.
  • Il-Kumpanija Ċentrali ta’ Depożitu u Kklerjar (Središnje klirinško depozitarno društvo) jew persuni awtorizzati oħra li jżommu l-kontijiet ta’ titoli rreġistrati jew titoli b’entrata fil-kotba, ishma, bonds, kambjali tat-teżor, aċċettazzjonijiet tal-bank ċentrali, karti kummerċjali, riċevuti ta’ depożitu u titoli oħra maħruġa f’serje għandhom l-obbligu li jipprovdu data dwar jekk persuna li tkun tinsab fil-ktieb tar-reġistru miżmum minnhom għandhiex titoli rreġistrati fil-kontijiet.
  • L-Uffiċċju tal-Kapitanerija tal-Port għandu l-obbligu li jipprovdi data dwar jekk persuna fil-ktieb tar-reġistru jew fir-reġistru miżmum minnu hijiex imniżżla bħal sid ta’ vapur, jott, struttura li żżomm f’wiċċ l-ilma, struttura fissa lil hinn mill-kosta, dgħajsa jew strutturi bħal dawn li qed jinbnew.
  • L-awtorità responsabbli mir-reġistri tal-ippjanar tal-artijiet għandha l-obbligu li tipprovdi kopja stampata ta’ kull titolu ta’ proprjetà miżmum fuq persuna fiżika jew ġuridika.
  • Min iħaddem jew il-benefiċjarju ta’ introjtu permanenti fi flus għandu l-obbligu li jipprovdi data dwar il-metodu ta’ pagament tas-salarju jew introjtu permanenti fi flus ieħor lil persuna li l-pretendent beħsiebu jiftaħ proċedimenti kontriha.
  • Awtorità jew persuna oħra li żżomm ktieb tar-reġistru jew reġistru rilevanti ta’ kwalunkwe dritt li jikkostitwixxi proprjetà hija obbligata li tipprovdi data dwar jekk persuna mniżżla minnha fil-ktieb tar-reġistru jew fir-reġistru hijiex imniżżla bħala detentur ta’ dritt partikolari.

Fuq talba tal-qorti, il-persuna li l-kreditur tal-eżekuzzjoni jallega li hija d-debitur tad-debitur tal-eżekuzzjoni jew li għandha fil-pussess tagħha xi proprjetà tal-kreditur tal-eżekuzzjoni, hija obbligata, li fi żmien 8 ijiem, toħroġ stqarrija dwar jekk id-debitur tal-eżekuzzjoni għandux xi pretensjoni fil-konfront tagħha, u dwar jekk il-persuna kkonċernata għandhiex xi proprjetà tad-debitur tal-eżekuzzjoni fil-pussess tagħha.

L-Amministrazzjoni tat-Taxxa tal-Ministeru tal-Finanzi hija meħtieġa tipprovdi d-data skont l-Artikolu 217 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni fi żmien 8 ijiem, fuq talba tal-persuna li tiddikjara li beħsiebha tibda proċedimenti ta’ eżekuzzjoni sabiex tirkupra l-ammont, iddikjarat f’termini grossi, ta’ talba pekunarja li tirriżulta minn relazzjoni ta’ impjieg.

L-awtoritajiet u l-persuni msemmija hawn fuq ma għandhomx l-obbligu li jaġixxu għat-talba tal-persuna li tkun qed titlob id-data sakemm ma jkunux tħallsu minn qabel tal-ispejjeż involuti biex jittieħdu azzjonijiet bħal dawn.

Il-persuna li tippreżenta talba għal data hija obbligata li f’din it-talba tidentifika l-pretensjoni li fir-rigward tagħha beħsiebha tibda proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jew ta’ garanzija, u li tehmeż dokument li jservi ta’ bażi għal dik il-pretensjoni.

Ma hemmx bżonn ta’ avukat biex jippreżenta t-talba għal data msemmija hawn fuq, u l-ispejjeż jiddependu fuq l-awtorità tal-istat għand liema tiġi ppreżentata t-talba.

6. Informazzjoni dwar is-subbasti online

Il-proċedura għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u proprjetà mobbli permezz ta’ subbasta online hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni, kif ukoll permezz ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni, speċifikament:

  • ir-Regola dwar il-mod u l-proċedura tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u proprjetà mobbli fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Pravilnik o načinu i postupku provedbe prodaje nekretnina i pokretnina u ovršnom postupku) (NN Nri 156/14, 1/19 u 28/21; minn hawn ’il quddiem: ir-Regoli tal-bejgħ),
  • ir-Regoli dwar it-tipi u l-ammont ta’ tariffi għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u mobbli fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Pravilnik o vrstama i visini naknada za obavljanje poslova provedbe prodaje nekretnina i pokretnina u ovršnom postupku) (NN Nru 156/14),
  • ir-Regoli dwar il-kontenut u l-mod ta’ kif jinżamm reġistru tal-proprjetà immobbli u tal-proprjetà mobbli mibjugħa fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Pravilnik o sadržaju i načinu vođenja očevidnika nekretnina i pokretnina koje se prodaju u ovršnom postupku) (NN Nri 115/12 u 156/14).

Subbasta ġudizzjarja online tibda permezz ta’ sejħa għall-parteċipazzjoni f’subbasta online.

Is-sejħa għall-parteċipazzjoni f’subbasta online jrid ikun fiha l-mod u l-kundizzjoni tal-bejgħ, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tas-subbasta online, il-ħin li fih il-persuni interessati fil-proprjetà immobbli jistgħu jmorru jaraw il-proprjetà inkwistjoni, kif ukoll data oħra neċessarja.

L-FINA se tippubblika sejħa għall-parteċipazzjoni f’subbasta online fil-mezzi pubbliċi tal-media jekk il-parti tippreżenta talba bil-miktub lill-FINA u tħallas bil-quddiem l-ispejjeż għal tali proċedura.

Iridu jgħaddu minn tal-anqas 60 jum bejn l-avviż tas-sejħa għall-parteċipazzjoni f’subbasta online fuq is-sit web tal-FINA u l-bidu tal-proċess tal-offerti.

Jistgħu jipparteċipaw bħala akkwirenti fis-subbasta online, dawk il-persuni biss li jkunu ħallsu depożitu ta’ garanzija (l-Artikolu 99(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

Il-prerekwiżit għal aċċess għas-sistema tas-subbasti online hija ċertifikat diġitali validu li jikkonferma l-identità tal-offerent u ċertifikat li jagħti lok għall-użu ta’ firma elettronika avvanzata għall-offerta tal-persuna rispettiva (l-Artikolu 14(2) tar-Regoli tal-bejgħ).

Hekk kif jilloggja għall-ewwel darba f’subbasta online partikolari, l-offerent ikollu l-obbligu li jimla formola tar-reġistrazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-subbasta online.

L-offerent jiffirma din il-formola permezz ta’ firma elettronika avvanzata.

Malli titlesta l-formola elettronika msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regoli tal-bejgħ, is-sistema tas-subbasti online tassenja identifikatur uniku għal subbasta online partikolari.

Il-formoli huma parti integrali mir-Regoli tal-bejgħ.

L-offerti f’subbasta online jdumu jintlaqgħu għal 10 ijiem ta’ xogħol, u l-offerti jintlaqgħu b’mod elettroniku fil-jiem ta’ xogħol u fil-jiem mhux tax-xogħol tul l-24 siegħa tal-ġurnata.

Il-limitu ta’ żmien biex jintlaqgħu l-offerti jiġi stabbilit għal bejn 9 u 15-il siegħa fil-jiem ta’ xogħol. Bħala eċċezzjoni, jekk l-aktar offerta valida vantaġġuża tingħata fl-aħħar 10 minuti qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien speċifikat fis-sejħa għall-parteċipazzjoni fis-subbasta online bħala l-ħin tal-għeluq biex jintlaqgħu l-offerti, l-offerta tiġi estiża b’10 minuti minn kull l-aħħar offerta valida l-aktar vantaġġuża sakemm ikunu għaddew 10 minuti mill-aħħar offerta valida l-aktar vantaġġuża.

Il-qorti tiddetermina l-prezz gwida tal-oġġett għall-bejgħ, li huwa l-prezz li minnu jibda l-proċess tal-offerti. Malli tintemm is-subbasta online, l-FINA tippreżenta rapport lill-qorti bl-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regoli tal-bejgħ.

Il-proċedura tas-subbasti online sseħħ quddiem l-FINA, u l-pagamenti jsiru permezz ta’ trasferiment bankarju. L-offerent ma għandux għalfejn ikun preżenti fiżikament għas-subbasta, iżda jista’ jipparteċipa mill-bogħod f’dik il-proċedura.

Il-qorti toħroġ deċiżjoni bil-miktub (deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni) li għandha tintwera fuq l-avviżiera tal-qorti u fuq is-sit web tal-FINA.

F’każ ta’ bejgħ ta’ proprjetà mobbli, fuq proposta tal-kreditur tal-eżekuzzjoni, il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli jista’ jsir ukoll permezz ta’ subbasta online, li għaliha jkunu japplikaw mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni li jirrigwardaw is-subbasta online tal-proprjetà immobbli (l-Artikolu 149(7) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).

L-aħħar aġġornament: 15/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.