Manteniment tal-familja

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-liġi Żvediża tipprovdi għall-obbligu tal-manteniment tat-tfal, tal-konjuġi u tal-konjuġi divorzjati. Id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta' manteniment bejn il-konjuġi japplikaw ukoll għas-sħab reġistrati.

Tfal

Il-ġenituri huma responsabbli għall-manteniment tat-tfal tagħhom, skont x'inhuwa raġjonevoli għall-bżonnijiet tat-tfal u l-kapaċità finanzjarja taż-żewġ ġenituri. Ġenitur li ma jistax jikkontribwixxi lejn il-manteniment ta' wliedu ma għandux obbligu li jħallas manteniment.

Ġenitur li la għandu l-kustodja tat-tfal u lanqas ma jgħix b'mod permanenti mat-tfal irid jissodisfa l-obbligu tal-manteniment billi jħallas il-manteniment. Ġenitur li għandu l-kustodja konġunta mal-ġenitur l-ieħor jista' jkun irid iħallas għall-manteniment ukoll. Dan huwa l-każ fejn it-tifel jgħix b'mod permanenti ma' ġenitur wieħed biss, irrispettivament minn jekk dak il-ġenitur jgħixx waħdu jew ma sieħeb/sieħba ġdid(a).

Persuna li tgħix b'mod permanenti mat-tifel ta' persuna oħra u ma' ġenitur li għandu l-kustodja tat-tifel hija responsabbli wkoll għall-manteniment ta' dak it-tifel jekk il-partijiet ikunu żżewġu jew kellhom tifel flimkien. Il-ġenitur mit-tieni żwieġ madankollu, huwa responsabbli għall-manteniment biss jekk it-tifel ma jkunx jista' jirċievi manteniment mill-ġenitur l-ieħor, jiġifieri l-ġenitur l-ieħor mill-ewwel żwieġ. Il-ħlas tal-manteniment jiġi ddeterminat minn sentenza tal-qorti jew permezz ta' ftehim.

Il-ħlas isir bil-quddiem għal kull xahar tal-kalendarju. Madankollu, il-qorti tista' tiddeċiedi dwar metodu ieħor ta' ħlas jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għalih.

Il-partijiet jistgħu jaqblu wkoll illi l-pagamenti tal-manteniment futuri jsiru f'somma f'daqqa jew għal perjodi ta' aktar minn tliet xhur. Dan il-ftehim huwa validu biss jekk isir bil-miktub u jkun hemm preżenti żewġ xhieda jew aktar. Jekk it-tifel ikollu inqas minn 18-il sena, il-ftehim irid jiġi approvat ukoll mill-Kumitat għall-Għajnuna Soċjali.

Il-manteniment f'forma ta' somma f'daqqa jrid jitħallas lill-Kumitat għall-Għajnuna Soċjali jekk it-tifel ikollu inqas minn 18-il sena. Is-somma mħallsa lill-Kumitat trid tintuża biex tinxtara polza annwali mingħand kumpanija tal-assigurazzjoni adattata għat-tifel minħabba l-obbligu tal-manteniment, sakemm il-ftehim dan ma jippermettihx jew il-Kumitat jikkunsidra illi s-somma tista' tintuża b'mod xieraq ieħor għall-manteniment tat-tifel.

Ma tistax tingħata miżura retroattiva li tistabbilixxi l-pagamenti tal-manteniment għal perjodu ta' aktar minn tliet snin qabel id-data li fiha tressqet it-talba, sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-persuna li trid tħallas għall-manteniment.

It-talbiet għal manteniment stabbilit jsiru preskritti ħames snin wara d-data dovuta għall-pagament.

Il-konjuġi

Matul iż-żwieġ, kull wieħed mill-konjuġi huwa responsabbli għall-manteniment konġunt tagħhom. Jekk wieħed mill-konjuġi ma jistax imantni lilu nnifsu kompletament, il-konjuġi l-ieħor huwa responsabbli wkoll għall-bżonnijiet personali tiegħu.

Wara d-divorzju il-prinċipju huwa illi kull konjuġi huwa responsabbli għall-manteniment tiegħu stess. Madankollu, jekk wieħed mill-konjuġi għandu bżonn il-flus għall-manteniment tiegħu għal perjodu tranżizzjonali, huwa għandu dritt għal allowance mingħand il-konjuġi l-ieħor skont xi jkun raġjonevoli, meta tiġi meqjusa l-kapaċità ta' dak il-konjuġi u ċirkostanzi oħra. F'każijiet eċċezzjonali il-konjuġi jista' jikseb manteniment għal perjodu itwal.

Jekk il-konjuġi ma jistgħux jifthiemu dwar il-kwistjoni tal-manteniment, it-tilwima titressaq il-qorti.

Wara d-divorzju, il-manteniment jitħallas f'pagamenti regolari. Madankollu, il-qorti tista' tordna illi dik is-somma titħallas f'pagament wieħed jekk ikun hemm raġunijiet speċjali, pereżempju jekk il-konjuġi jrid iħallas għall-pensjoni.

Ma tistax tingħata miżura retroattiva li tistabbilixxi l-pagamenti tal-manteniment għal perjodu ta' aktar minn tliet snin qabel id-data li fiha tressqet it-talba, sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-persuna li trid tħallas għall-manteniment.

It-talbiet għal manteniment stabbilit isiru preskritti tliet snin wara d-data dovuta għall-pagament.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-obbligu tal-manteniment tal-ġenituri ġeneralment jispiċċa kif it-tifel jagħlaq it-18-il sena. Madankollu, jekk it-tifel jkun għadu ma temmx l-edukazzjoni sekondarja, l-obbligu tal-manteniment jibqa' japplika sakemm it-tifel ikun għadu l-iskola, imma mhux wara li jkun għalaq il-21 sena. Skola hawnhekk tfisser l-edukazzjoni obbligatorja jew l-iskola sekondarja ogħla jew edukazzjoni ġenerali oħra ekwivalenti.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Ma hemmx awtorità speċifika tal-gvern fl-Iżvezja li tiddetermina jew tgħin fid-determinazzjoni tal-manteniment. Il-pagamenti tal-manteniment jistgħu jiġu stabbiliti jew permezz ta' ftehim jew permezz ta' sentenza tal-qorti. Jekk il-partijiet ma jilħqux ftehim ir-rikorrent ikollu jmur quddiem il-qorti distrettwali u jressaq rikors għal ċitazzjoni.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Ġenitur li għandu l-kustodja għandu dritt jitlob għall-manteniment f'isem tifel minuri. Jekk ikun ġie maħtur kuratur speċjali, huwa wkoll għandu dritt jaġixxi f'isem il-minuri.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni jinsabu fil-Kodiċi dwar il-Ġenituri, il-Kodiċi dwar iż-Żwieġ u l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-informazzjoni tista' tingħata wkoll minn qorti distrettwali.

Il-proċedimenti dwar il-manteniment tat-tfal jinstemgħu fil-post fejn huwa abitwalment residenti l-konvenut. Jekk l-ebda qorti oħra mhi kompetenti, il-każ jinstema' mill-Qorti Distrettwali ta' Stokkolma.

Il-mistoqsijiet dwar il-pagamenti tal-manteniment lil konjuġi jistgħu jsiru fis-seduta tad-divorzju. Il-kawżi matrimonjali jinstemgħu mill-qorti distrettwali fil-post fejn huwa abitwalment residenti wieħed mill-konjuġi. Jekk l-ebda wieħed minnhom mhuwa abitwalment residenti fl-Iżvezja, il-każ jinstema' mill-Qorti Distrettwali ta' Stokkolma. Jekk il-proċedimenti marbuta mal-manteniment għall-konjuġi ma jinbdewx b'rabta mal-kawża matrimonjali, japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni fil-Kapitolu 10 tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ir-Regolament dwar il-Manteniment) fih regoli dwar il-ġuriżdizzjoni f'każijiet transfruntieri.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Le. Kull min jixtieq jiftaħ kawża l-qorti jrid jidher quddiem il-qorti distrettwali kompetenti għal ċitazzjoni.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-proċedimenti tal-qorti nfushom huma mingħajr ħlas fl-Iżvezja, ħlief it-tariffa għar-rikors, li bħalissa hija ta' SEK 900. Jekk ir-rikorrent iqabbad konsulent legali jew avukat dan iġib miegħu spejjeż oħra. Is-sottomissjoni tal-provi, pereżempju permezz tax-xhieda, ukoll tinvolvi l-ispejjeż.

Ma tistax issir stima preċiża tal-ispejjeż, għaliex dina tvarja minn każ għal ieħor.

L-għajnuna legali tista' tingħata taħt ċerti kundizzjonijiet. Sabiex tingħata l-għajnuna legali f'kawża dwar il-manteniment huma meħtieġa raġunijiet partikolari. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jeżistu, pereżempju, jekk iċ-ċirkostanzi jkunu aktar ikkumplikati mis-soltu u jeħtieġu aktar assistenza legali estensiva.

Fejn tingħata l-għajnuna legali, ir-rikorrent jiġi assenjat konsulent legali u l-Istat iħallas it-tariffi ta' dak il-konsulent jekk ir-rikorrent ma jkunx jista' jħallashom huwa stess. L-għajnuna legali tinkludi l-ispejjeż għas-sottomissjoni tal-provi, l-investigazzjoni, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni u l-medjatur. Dawk li jkunu ngħataw l-għajnuna legali huma eżentati wkoll minn ċerti tariffi li jridu jitħallsu lill-qrati u lis-Servizz ta' Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten).

Kull min mhuwiex ċittadin Żvediz u mhux residenti fil-pajjiż jista' jingħata l-għajnuna legali għal kawżi li jridu jinġiebu fl-Iżvezja, jekk jeżistu raġunijiet partikolari. Jekk kawża trid titressaq quddiem qorti f'pajjiż ieħor, l-għajnuna legali tista' tingħata biss lil persuni residenti fl-Iżvezja. Iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE għandhom l-istess dritt għall-għajnuna legali daqs ċittadini tal-Iżvezja. Iċ-ċittadini ta' ċerti pajjiżi oħra wkoll għandhom l-istess drittijiet skont dispożizzjoni speċjali li teħtieġ illi jkun hemm ftehim dwar it-trattament reċiproku fis-seħħ.

Hemm ċerti dispożizzjonijiet speċjali dwar l-għajnuna legali applikabbli għat-tilwim transfruntier fi ħdan l-UE, pereżempju illi jiżguraw illi l-għajnuna legali tingħata mingħajr ħlas f'każijiet partikolari koperti mir-Regolament dwar il-Manteniment li jirrigwarda manteniment imħallas minn ġenitur lil uliedu li jkunu taħt il-21 sena.

Tista' tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-għajnuna legali mill-Awtorità dwar l-Għajnuna Legali (Rättshjälpsmyndigheten) (http://www.rattshjalp.se/).

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

L-evalwazzjoni tal-ammont ta' manteniment dovut għat-tfal huwa bbażat fuq kriterji legali. Ġenitur li jrid iħallas il-manteniment għandu dritt iżomm mill-introjtu nett tiegħu wara t-taxxa ammont għall-manteniment tiegħu stess. Dan jinkludi l-ispiża tad-dar, li hija kkalkulata separatament f'livell meqjus raġjonevoli. Spejjeż tal-ħajja oħra jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' ammont standard marbut ma' indiċi. Il-ġenitur konċernat jista' jirriserva ammont għall-manteniment tal-konjuġi li jgħix miegħu, jekk hemm raġunijiet speċjali għalfejn għandu jseħħ. Finalment, il-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment jista' jirriserva ammont biex jgħin it-tfal li għadhom jgħixu d-dar. Kemm mill-ammont li jkun jifdal għandu jmur għall-manteniment jiddependi, fost affarijiet oħra, fuq il-bżonnijiet tat-tfal u l-kapaċità tal-ġenitur l-ieħor biex ikopri l-ispejjeż tat-tfal. Jista' jsir xi tnaqqis fl-ispejjeż għall-kuntatt.

Ma hemmx kriterji statutorji għall-manteniment tal-konjuġi. Madankollu, xi kriterji ta' evalwazzjoni msemmija hawn fuq iservu bħala linji gwida.

Il-pagamenti tal-manteniment huma marbuta ma' indiċi sabiex jiġi żgurat li jżommu l-valur oriġinali tagħhom. L-indiċi jirrifletti t-tibdil fl-ammont bażiku tal-prezz skont il-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali, sakemm ma tiġix inkluża dispożizzjoni differenti dwar l-indiċjar f'sentenza tal-qorti jew ftehim li jistabbilixxi l-ammont tal-manteniment. L-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali jiddeċiedi kull sena jekk għandux jinbidel l-ammont tal-manteniment u, jekk iva, b'liema perċentwali. It-tibdil, normalment fl-1 ta' Frar, japplika għall-manteniment li jkun ġie stabbilit qabel l-1 ta' Novembru tas-sena ta' qabel.

Jekk il-partijiet jiftiehmu, huma jistgħu jbiddlu l-ammont ta' manteniment permezz ta' ftehim ġdid bil-miktub, anke jekk il-manteniment kien ġie stabbilit minn qabel minn sentenza tal-qorti. Sentenza jew ftehim jistgħu jiġu aġġustati mill-qorti, jekk ikun hemm raġunijiet validi minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi. Għall-perjodu qabel il-bidu tal-proċedimenti, aġġustament kontestat minn kull waħda mill-partijiet jista' jieħu l-forma biss ta' tnaqqis jew kanċellament tal-pagamenti li għadhom ma sarux. Huma meħtieġa raġunijiet speċjali sabiex qorti żżid il-manteniment għal konjuġi divorzjat minħabba tibdil fiċ-ċirkostanzi.

Il-qorti tista' wkoll tbiddel ftehim ta' manteniment jekk il-ftehim mhux raġjonevoli minħabba ċ-ċirkustanzi fis-seħħ fiż-żmien meta sar u kundizzjonijiet oħra. Madankollu, il-ħlas mill-ġdid tal-manteniment diġà mħallas jista' jiġi ordnat biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għalfejn dan għandu jsir.

Jekk l-ammont ta' pagament ta' manteniment perjodiku għat-tfal ma jinbidilx fi żmien sitt snin, minbarra l-aġġustamenti marbuta ma' indiċi, il-qorti tista' tirrevedi l-pagament ta' manteniment futur, mingħajr il-bżonn li tinvoka raġunijiet speċjali.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-pagamenti tal-manteniment jitħallsu lill-persuna dipendenti. Jekk din il-persuna hija minuri taħt it-18-il sena, il-manteniment jitħallas lill-ġenitur li għandu l-kustodja u li jgħix mal-minuri.

Il-manteniment f'forma ta' somma f'daqqa jrid jitħallas lill-Kumitat għall-Għajnuna Soċjali jekk it-tifel ikollu inqas minn 18-il sena.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

L-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni ġudizzjarja tista' ssir lis-Servizz ta' Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten). Din l-applikazzjoni tista' ssir oralment jew bil-miktub. L-ordni għall-eżekuzzjoni jrid jiġi sottomess mal-applikazzjoni. Ftehim bil-miktub li jkun sar quddiem żewġ xhieda, rigward il-manteniment skont il-Kodiċi dwar iż-Żwieġ jew il-Kodiċi dwar il-Ġenituri, jista' jiġi eżegwit bħala sentenza finali li għandha saħħa tal-liġi.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Rigward il-manteniment tat-tfal, ma tistax tingħata miżura retroattiva li tistabbilixxi l-pagamenti tal-manteniment għal perjodu ta' aktar minn tliet snin qabel id-data li fiha tressqet it-talba, sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-persuna li trid tħallas għall-manteniment. It-talbiet għal manteniment stabbilit jsiru preskritti ħames snin wara d-data dovuta għall-pagament.

Rigward il-manteniment għall-konjuġi, ma tistax tingħata miżura retroattiva li tistabbilixxi l-pagamenti tal-manteniment għal perjodu ta' aktar minn tliet snin qabel id-data li fiha tressqet it-talba, sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-persuna li trid tħallas għall-manteniment. It-talbiet għal manteniment stabbilit isiru preskritti tliet snin wara d-data dovuta għall-pagament.

Rigward l-eżekuzzjoni, hemm numru ta' eżenzjonijiet mill-mandat ta' qbid. Pereżempju, il-ħwejjeġ u oġġetti oħra personali intiżi biss għall-użu personali tad-debitur, sa valur massimu raġjonevoli, u ċerta għamara u oġġetti meħtieġa għad-dar u għall-kura tagħha huma eżenti mill-mandat ta' qbid. Jekk id-debitur ikollu familja, l-oġġetti użati minn familtu u l-bżonnijiet ta' familtu jiġu meqjusa fid-determinazzjoni ta' x'għandu jiġi eżentat mill-qbid.

Jista' jinqabad biss dak l-ammont mill-paga jew salarju tad-debitur li jaqbeż l-ammont li għandu bżonn għall-għajxien tiegħu u ta' familtu. Dik il-parti mill-paga jew salarju tad-debitur li ma tistax tinqabad (magħrufa bħala "förbehållsbeloppet" jew "parti protetta") tiġi determinata b'referenza għal somma standard. Is-somma standard tkopri l-ispejjeż tal-ħajja normali, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għall-akkomodazzjoni, li jiġu determinati separatament u magħduda mas-somma standard. Is-somma standard tiġi stabbilita annwalment mis-Servizz ta' Eżekuzzjoni.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Fl-Iżvezja, is-Servizz ta' Eżekuzzjoni jipprovdi assistenza fl-irkupru tal-manteniment. F'każijiet transfruntieri, il-persuna dipendenti tista' tikseb għajnuna amministrattiva mill-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali (Försäkringskassa) meta tapplika quddiem is-Servizz ta' Eżekuzzjoni għall-irkupru.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

L-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali (Försäkringskassa) jista' jagħti manteniment ta' SEK 1273 fix-xahar għat-tfal b'ġenituri separati. Il-flus jitħallsu lill-ġenitur li għandu l-kustodja u li jgħix mal-minuri u li huwa uffiċjalment reġistrat fl-istess indirizz bħalu. Id-deċiżjoni dwar il-manteniment tittieħed wara li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni lill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, l-awtorità li tamministra s-sigurtà soċjali. Il-manteniment huwa mod kif is-soċjetà tiżgura illi tfal b'ġenituri separati jirċievu ċertu ammont ta' manteniment anke jekk il-ġenitur li suppost qed jipprovdi l-manteniment jonqos milli jonora l-obbligu tiegħu. Il-manteniment jista' jingħata bħala manteniment sħiħ, bħala ħlas addizzjonali jew bħala appoġġ f'każijiet ta' kustodja konġunta. Il-ġenitur li jrid jipprovdi l-manteniment irid iħallas lura lill-Istat skont l-introjtu tiegħu u n-numru totali ta' tfal li huwa responsabbli għalihom. L-obbligu għall-ħlas lura jiġi determinat permezz ta' proċess amministrattiv. Jekk il-manteniment jitħallas direttament lill-ġenitur li għandu l-kustodja, l-ammont ta' manteniment imħallas mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali jitnaqqas skont il-każ (dan huwa magħruf bħala ħlas addizzjonali).

Jekk il-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment jgħix barra l-pajjiż, jew jgħix l-Iżvezja iżda jirċievi salarju jew introjtu ieħor ġewwa jew minn pajjiż ieħor, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali jista' jordna lill-ġenitur li għandu l-kustodja u li jgħix mal-minuri biex jieħu miżuri sabiex jiżgura illi jiġi stabbilit il-manteniment. F'dawn il-każijiet, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali jieħu f'idejh id-dritt tat-tfal għall-manteniment sal-massimu tal-ammont imħallas mill-uffiċċju bħala manteniment.

Il-konjuġi ma jistax jirċievi manteniment mill-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

F'każijiet transfruntieri, l-applikant jista' jikseb għajnuna amministrattiva mill-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali. L-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali (Försäkringskassa) huwa l-awtorità ċentrali skont ir-Regolament dwar il-Manteniment tal-UE u tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta' Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta' Manteniment tal-Familja (il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007), kif ukoll l-aġenzija mittenti/riċeventi skont il-Konvenzjoni ta' New York tal-1956 dwar l-Irkupru minn Barra tal-Manteniment.

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 14.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Id-dettalji ta' kuntatt tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali huma kif ġej:

L-Aġenzija tas-Sigurtà Soċjali

PO Box 1164

SE-621 22 Visby

L-Iżvezja

Tel: +46 (0)771 17 90 00

Il-faks: +46 (0)11 20 411

Ittra elettronika: centralmyndigheten@forsakringskassan.se

L-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiffaċilita l-irkupru tal-manteniment. Id-dmirjiet tiegħu bħala awtorità ċentrali skont ir-Regolament dwar il-Manteniment u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 joħorġu minnhom stess. Pereżempju, l-Uffiċċju jassisti lil dawk li għandhom dritt għall-manteniment bl-applikazzjonijiet tagħhom, li jistgħu jsiru permezz tal-awtorità, jiġifieri applikazzjoni għal deċiżjoni dwar il-manteniment f'pajjiż ieħor. Għal aktar informazzjoni dwar it-tip ta' għajnuna disponibbli lill-applikanti, ikkuntattja lill-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

L-applikanti li jixtiequ jirkupraw manteniment skont il-Konvenzjoni ta' New York tal-1956 dwar l-Irkupru minn Barra tal-Manteniment iridu jmorru għand l-aġenzija mittenti ta' pajjiżhom, li mbagħad tibgħat l-applikazzjoni tagħhom lill-aġenzija riċeventi fl-Iżvezja (L-Uffiċċju dwar is-Sigurtà Soċjali).

L-istess japplika għall-applikanti li jridu jiksbu għajnuna disponibbli mill-awtoritajiet ċentrali skont ir-Regolament dwar il-Manteniment jew il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007: huma jridu jmorru għand l-awtorità ċentrali f'pajjiżhom, li mbagħad tibgħat l-applikazzjoni tagħhom lill-awtorità ċentrali fl-Iżvezja (l-Uffiċċju għas-Sigurtà Soċjali).

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 17. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-Manteniment jew il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007, l-applikanti jistgħu jippreżentaw talba direttament lil awtorità kompetenti.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 16.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva. L-Iżvezja hija marbuta bil-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment (Protokoll tal-Aja tal-2007), li d-dispożizzjonijiet tiegħu ilhom japplikaw għall-UE mit-18 ta' Ġunju 2011. Ir-regola ġenerali skont il-Protokoll tal-Aja huwa illi l-liġi applikabbli hija dik tal-pajjiż fejn il-persuna dipendenti għandha r-residenza abitwali tagħha. Fl-interessi tat-tfal, b'mod partikolari, tista' tapplika l-liġi jew il-liġijiet tal-pajjiż li t-tfal u d-debitur tal-manteniment huma ċittadini tiegħu, jekk l-applikazzjoni tal-liġi tal-post ta' residenza abitwali ma tkunx fl-interess tat-tfal. Il-partijiet jistgħu jilħqu ftehim ukoll dwar liema liġi se tapplika, iżda l-iskop għal dawn il-ftehimiet huwa limitat għal każijiet ta' manteniment għat-tfal taħt it-18-il sena pereżempju.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Sweden is bound by the Hague Protocol (see the reply to question 20).

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 7 għar-rekwiżiti ġenerali għall-għajnuna legali.

Għat-tilwim transfruntier ġewwa l-UE, hemm ċerti dispożizzjonijiet speċjali dwar l-għajnuna legali. Fejn ir-rekwiżiti għall-għajnuna legali fir-Regolament dwar il-Manteniment jkunu intlaħqu, l-għajnuna legali trid tingħata u mingħajr ħlas jekk l-applikant ikollu bżonn konsulent legali u dan il-bżonn ma jkunx jista' jiġi moqdi mod ieħor.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ma hemm l-ebda miżuri speċifiċi pjanati.

L-aħħar aġġornament: 17/10/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.