Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Manteniment tal-familja

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Fl-Iskozja bħalissa hemm żewġ sistemi għad-determinazzjoni ta’ appoġġ: b'mod ġenerali l-Att tal-1991 dwar l-Appoġġ tat-Tfal (Child Support Act 1991) ħa prijorità fuq l-Att tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (l-Iskozja) (Family Law (Scotland) Act 1985) u neħħa l-appoġġ tat-tfal mill-qasam tal-leġiżlazzjoni privata u mill-ġuriżdizzjoni tal-qrati biex għaddieh fl-isfera pubblika.

Madankollu, l-Att dwar l-Appoġġ tat-Tfal ġeneralment japplika biss meta l-persuna li jkollha l-kustodja tat-tfal, il-ġenitur "assenti" (non-resident parent) u t-tfal ikunu abitwalment residenti fir-Renju Unit. Fejn l-Att tal-1991 ma japplikax, tkun applikabbli l-iskema antika li tinsab fl-Att tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (l-Iskozja).

Skont l-Att dwar l-Appoġġ għat-Tfal tal-1991 huwa biss “wild li jikkwalifika” (wieħed li għandu mill-inqas ġenitur wieħed mhux residenti) li huwa eliġibbli biex jibbenefika minn deċiżjoni ta’ manteniment li tkun ingħatat mis-Servizz għall-Manteniment tat-Tfal. Ġenitur (jew persuna kwalifikanti oħra) b’kura ta’ tifel/tifla jista’ jitlob għall-manteniment tal-wild mill-ġenitur mhux residenti.

Skont l-Att tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (l-Iskozja) hemm obbligu ta’ manteniment dovut:

  • mir-raġel lil martu
  • minn mara lil żewġha
  • minn missier jew omm lit-tfal tagħhom
  • minn persuna lil minorenni (minbarra minuri li jirċievi manteniment minn xi entità lokali jew entità pubblika oħra jew organizzazzjoni volontarja) li jkun ġie aċċettat minnha bħala tifel/tifla tal-familja tagħha.

Eks sieħeb reġistrat jista' ukoll ikollu jħallas manteniment lill-eks sieħeb reġistrat l-ieħor.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Skont l-Att tal-1991 dwar l-Appoġġ tat-Tfal, il-minuri jrid ikun:

  • taħt l-età ta’ 16-il sena jew
  • taħt l-età ta’ 19-il sena u qiegħed jirċievi edukazzjoni full-time li mhijiex edukazzjoni postsekondarja jew
  • taħt l-età ta’ 18-il sena u disponibbli għax-xogħol jew għat-taħriġ għaż-żgħażagħ meta l-ġenitur ikun għadu jitlob il-manteniment fir-rigward tal-minuri.

Skont l-Att tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (l-Iskozja), il-minuri jiġi ddefinit bħala:

  • persuna taħt l-età ta’ 18-il sena jew
  • persuna ta’ fuq dik l-età iżda taħt il-25 u “b’mod raġonevoli u xieraq ikun qiegħed jitgħallem fi stabbiliment ta’ edukazzjoni jew qiegħed jitħarreġ għal impjieg jew għal kummerċ, professjoni jew vokazzjoni”.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Jekk iż-żewġ ġenituri jinsabu fl-Iskozja, jew f'parti oħra fir-Renju Unit, issir talba lis-Servizz għall-Manteniment tat-Tfal. Jekk wieħed mill-ġenituri jirrisjedi barra mill-Iskozja, il-ġenitur l-ieħor jista' jitlob lill-Qorti tax-Sheriff lokali (Sheriff Court) tagħhom għal ordni ta’ manteniment iżda jeħtieġ li jfittex parir legali dwar kif għandu jagħmel dan.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Talba għall-manteniment tat-tfal tista’ ssir f’isem ġenitur jew persuna oħra b’responsabbiltà għall-wild, sakemm ir-rikorrent ikun ingħata l-awtorità biex jagħmel dan jew ikollu prokura. Wild ma jistax japplika għal manteniment għalih innifsu, sakemm ma jkollux aktar minn 12-il sena u jgħix fl-Iskozja.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-Qorti tax-Sheriff li fiż-żona tagħha jirrisjedi l-minorenni hija ġeneralment kompetenti. Id-dettalji tal-qrati Skoċċiżi jistgħu jinsabu fuq is-sit tal-web tas-Servizz ta’ Qrati u Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Iva, għandu jintalab parir legali mingħand avukat li jipprattika l-liġi tal-familja.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-miżati tal-qrati u l-ispejjeż legali jkollhom jitħallsu, iżda tista' ssir talba għal għajnuna legali lill-Bord Skoċċiż dwar l-Għajnuna Legali.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-qrati jistgħu jagħtu ordnijiet għal manteniment tat-tfal u tal-konjuġi. L-ammont tal-ordni jiġi ddeterminat minn għadd ta’ fatturi, b’mod partikolari d-dħul ta’ min iħallas. Huwa possibbli għal kull parti li tikseb modifika ta’ ordni ta’ manteniment permezz ta’ rikors quddiem il-qorti. It-talbiet ta’ manteniment normalment ma jkunux datati retroattivament lil hinn mid-data tar-rikors, għalkemm dan jista’ jsir fid-diskrezzjoni tax-Sheriff.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Għal manteniment tal-minuri, il-ħlas isir ġeneralment lill-ġenitur li miegħu jgħix il-minuri.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Hemm firxa ta’ metodi ta’ eżekuzzjoni disponibbli fl-Iskozja. Dawn jinkludu:

  • sekwestru fuq id-dħul
  • sekwestru ta’ fondi minn kontijiet bankarji jew sorsi oħra
  • mandat ta' inibizzjoni fuq art u bini.

L-azzjoni eżekuttiva hija ġeneralment meħuda minn Uffiċjali tax-Sheriff (Sheriff Officers), li huma uffiċjali indipendenti tal-qorti.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Il-proċeduri ta' eżekuzzjoni fl-Iskozja huma stipulati fil-liġi fl-Att tal-1987 dwar id-Debituri (l-Iskozja) (Debtors (Scotland) Act 1987). L-Att jistipula proċeduri statutorji ta’ eżekuzzjoni u jipprovdi livell ta’ protezzjoni għad-debitur. Pereżempju, l-Att jillimita l-ammont li jista’ jitnaqqas minn min iħaddem minn salarju tad-debitur.

M'hemm l-ebda perjodu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru ta’ dejn ta’ manteniment fl-Iskozja. Kull dejn dovut jitħallas lura sakemm id-debitur jinsab fl-Iskozja, jew ikollu l-assi sekwestrabbli tiegħu fl-Iskozja. Madankollu, jekk il-liġi ta’ pajjiż ieħor għandha tiġi applikata minn qorti Skoċċiża b’rabta ma’ obbligu ta’ manteniment, il-qorti tapplika r-regoli rilevanti tal-liġi ta’ dak il-pajjiż.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Is-Servizz għall-Manteniment tat-Tfal (meta ż-żewġ ġenituri jirrisjedu fir-Renju Unit). L-Awtorità Ċentrali Skoċċiża (Scottish Central Authority) (meta ġenitur wieħed huwa barra mill-pajjiż). Id-dettalji dwar l-Awtorità Ċentrali Skoċċiża huma mogħtija hawn taħt.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Le.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Għandek tikkuntattja l-Awtorità Ċentrali Skoċċiża.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Scottish Government Justice Directorate
Central Authority and International Law Team
St Andrew’s House (GW15)
Regent Road
Edinburgh EH1 3DG
Scotland

Tel: 00 44 131 244 3570
00 44 131 244 4829
00 44 131 244 2417

Faks: 00 44 131 244 4848

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Għandek tikkuntattja lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat. Kull awtorità tista’ tiġi kkuntattjata direttament.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara hawn fuq.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Le.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

L-Att tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (l-Iskozja) japplika għar-Regolament dwar il-Manteniment. Ir-regoli korrispettivi tad-dritt internazzjonali privat huma previsti fir-Regoli tal-1997 dwar il-Kura tat-Tfal u l-Manteniment (Child Care and Maintenance Rules 1997), kif emendati.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

It-talbiet minn kredituri skont l-Artikolu 56 tar-Regolament jibbenefikaw mill-għajnuna legali b’mod awtomatiku, sakemm it-talba ma titqiesx bħala manifestament infondata.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ittieħdet azzjoni addizzjonali biex tiġi żgurata li l-assistenza tkun tista’ tiġi pprovduta f'konformità mal-Artikolu 51. Dan inkluda emendi għal-leġiżlazzjoni, ir-regoli u dispożizzjonijiet ta’ għajnuna legali.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 05/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.