Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna ir-Rumen ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Manteniment tal-familja

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

L-obbligu legali għall-għoti ta' manteniment huwa r-rekwiżit impost mil-liġi biex persuna tipprovdi lil persuna oħra bil-mezzi neċessarji ta' sussistenza, inkluż għas-sodisfazzjon ta' bżonnijiet spiritwali, u, fil-każ tal-obbligu ta' manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom li jkunu taħt l-età, il-mezzi meħtieġa għat-trobbija, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali tagħhom.

L-obbligu ta' manteniment jeżisti bejn il-miżżewġin, il-qraba fil-linja diretta, l-aħwa u ċerti persuni oħra speċifikati mil-liġi (l-Artikolu 516 tal-Kodiċi Ċivili Rumen).

Hemm ukoll obbligu ta' manteniment bejn l-ekskonjuġi (l-Artikolu 398 tal-Kodiċi Ċivili). Dan ma għandux jitħawwad ma' ħlas ta' kumpens jew għad-danni.

Konjuġi li jkun ikkontribwixxa għall-manteniment tat-tfal tal-konjuġi l-ieħor ikollu l-obbligu li jipprovdi l-manteniment għat-tfal sakemm dawk it-tfal ikunu taħt l-età, imma biss f'każ li l-ġenituri naturali tagħhom ikunu mietu, nieqsa jew fil-bżonn (l-Artikolu 517(1) tal-Kodiċi Ċivili). Min-naħa tagħhom, it-tfal jistgħu jkunu obbligati jipprovdu l-manteniment lill-persuna li tkun ipprovditilhom dan il-manteniment għal 10 snin (l-Artikolu 517(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-werrieta ta' persuna li tkun obbligata tmantni persuna taħt l-età jew li tkun ipprovdiet il-manteniment mingħajr ma kellha l-ebda obbligu legali huma marbuta jkomplu jipprovdu il-manteniment, skont il-valur tal-beni li jirtu, f'każ li l-ġenitur tal-persuna taħt l-età jkunu mietu, nieqsa jew fil-bżonn, imma biss sakemm il-persuna li qed tirċievi l-manteniment tkun taħt l-età.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-obbligu ta' manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal huwa rregolat mill-Artikoli 499 u 525 tal-Kodiċi Ċivili. Persuni taħt l-età li jitolbu l-manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom jitqiesu bħala fil-bżonn jekk ma jkunux jistgħu jmantnu ruħhom fuq bażi ta' xogħolhom, anke jekk ikollhom il-beni. Madankollu, meta l-ġenituri ma jkunux f'pożizzjoni li jipprovdu l-manteniment mingħajr ma jipperikolaw l-eżistenza tagħhom, il-qorti tal-familja tista' taqbel li l-manteniment jiġi pprovdut permezz tal-bejgħ tal-beni tat-tifel, ħlief għal oġġetti essenzjali.

Il-ġenituri għandhom l-obbligu li jmantnu tfal maġġorenni (normalment wara li jagħlqu 18-il sena), jekk dawk it-tfal ikomplu l-istudji tagħhom, sakemm jispiċċaw dawk l-istudji, imma mhux wara li jkunu għalqu 26 sena.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Il-kreditur attur irid jiftaħ il-proċedimenti fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fil-post tal-indirizz permanenti tiegħu jew f'dak tad-debitur konvenut. Iċ-ċitazzjoni għad-determinazzjoni tal-manteniment tista' tinħareġ jew separatament jew waqt il-proċedimenti għad-divorzju, id-determinazzjoni tal-paternità, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq tfal taħt l-età jew l-istabbiliment ta' indirizz permanenti għall-persuna taħt l-età. Il-qorti tista' tordna miżuri tranżitorji, b'ordni tal-president ta' dik il-qorti, li jkunu validi biss sakemm tittieħed deċiżjoni rigward il-proċedimenti sustantivi relatati mal-ħall taż-żwieġ. Il-proċedimenti tal-ewwel istanza fihom bosta stadji. Fl-istadju bil-miktub, jiġu ppreżentati ċ-ċitazzjoni, it-talba u l-kontrotalba; jistgħu jiġu ordnati miżuri kawtelatorji bħal rahan jew sekwestru; u l-partijiet jitħarrku u jintbagħtulhom id-dokumenti proċedurali. L-istadju orali jinkludi s-smigħ tal-kawża, u f'dan l-istadju jistgħu jitqajmu eċċezzjonijiet proċedurali u jiġu pproċessati l-provi. Dan ikun segwit mill-istadju ta' deliberazzjoni u t-teħid tad-deċiżjoni tal-qorti.

F'każ ta' divorzju kunsenswali, li jista' jiġi ddikjarat minn nutar pubbliku, il-miżżewġin jistgħu jaqblu dwar l-effetti kollha tad-divorzju, inkluża d-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni ta' kull ġenitur lejn l-ispejjeż tat-trobbija, l-edukazzjoni, l-istudji u t-taħriġ professjonali tat-tfal.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Fil-prinċipju, il-partijiet involuti fil-proċedimenti tal-manteniment jistgħu jkunu rappreżentati. Madankollu, meta tiġi ppreżentata talba għal manteniment flimkien mal-proċedimenti għal divorzju, il-miżżewġin jistgħu jkunu rrappreżentati fit-talba għal divorzju biss f'ċerti każijiet stipulati b'mod speċifiku fl-Artikolu 920 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Meta tiġi ppreżentata talba separata għad-determinazzjoni/iż-żieda/it-tnaqqis tal-manteniment, il-partijiet jistgħu jkunu rrappreżentati bil-mod konvenzjonali minn avukat jew rappreżentant ieħor; meta r-rappreżentant ma jkunx avukat, ma jkunx jista' jippreżenta l-argumenti orali tal-aħħar fil-proċess. Persuna taħt l-età tkun rappreżentata mir-rappreżentant legali tagħha (ġenitur jew, b'mod eċċezzjonali, persuna oħra li teżerċita l-awtorità tal-ġenituri). Talba fir-rigward ta' wild maġġorenni tiġi ppreżentata minn dak il-wild personalment.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali (għall-post tar-residenza jew tad-debitur konvenut jew tal-kreditur attur) tista' tkun iddeterminata b'referenza għall-atlas ġudizzjarju Rumen, li huwa ppubblikat fis-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja fil-portal tal-qrati http://portal.just.ro/SitePages/acasa.aspx.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Le, għax mhux obbligatorju li l-attur ikun irrappreżentat minn avukat.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Talbiet għad-determinazzjoni jew il-modifikazzjoni ta' manteniment huma eżenti mit-taxxa tal-boll. Assistenza jew rappreżentenza minn avukat tinvolvi spejjeż, imma dan il-ħlas mhux obbligatorju. Jekk il-parti kkonċernata ma jkollhiex introjtu suffiċenti, hija tista' titlob li l-għajnuna legali tkopri t-tariffi tal-avukat jew spejjeż oħra tal-proċess.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-manteniment jingħata skont il-bżonnijiet tal-persuna li qed titolbu u l-mezzi tal-persuna li trid tħallsu. Fil-prinċipju, il-manteniment jingħata in natura u jipprovdi kull mezz ta’ sussistenza. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, madankollu, il-qrati fil-prattika jiddeterminaw il-manteniment fi flus, jew bħala ammont fiss jew bħala perċentwal tal-introjtu mensili tad-debitur (l-Artikolu 530 tal-Kodiċi Ċivili). Il-manteniment fil-forma ta' ammont fiss jiġu aġġustat għall-inflazzjoni, skont il-liġi, fuq bażi ta' kull tliet xhur.

Meta l-manteniment ikun dovut minn ġenitur, jiġi stabbilit għal kwart l-introjtu mensili nett ta' dak il-ġenitur għal tifel wieħed, terz għal żewġt itfal u nofs għal tlett itfal jew iktar. Skont il-liġi, l-ammont ta' manteniment dovut lit-tfal flimkien ma' kull manteniment dovut lil persuni oħrajn, ma jistax jaqbeż nofs l-introjtu mensili nett tal-persuna responsabbli (l-Artikolu 529 tal-Kodiċi Ċivili).

Meta jkun hemm kwalunkwe bidla fil-mezzi tal-persuna li qed tipprovdi l-manteniment jew il-bżonnijiet tal-persuna li tkun qed tirċevih, il-qorti tal-familja tista', f'kawża ġdida, iżżid jew tnaqqas il-manteniment jew tordna li l-ħlas jintemm, kif applikabbli (l-Artikolu 531 tal-Kodiċi Ċivili).

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment jingħata in natura, u jipprovdi għal mezz ta’ sussistenza u, fejn xieraq, ikopri l-ispejjeż tal-edukazzjoni, l-istudji u t-taħriġ professjonali (l-Artikolu 530 tal-Kodiċi Ċivili). Jekk l-obbligu ta' manteniment ma jiġix issodisfat volontarjament, in natura, il-qorti tal-familja tordna li jitħallas bħala manteniment fi flus. Il-manteniment jista' jiġi ddeterminat jew bħala ammont fiss jew bħala perċentwal tal-introjtu mensili nett tal-persuna obbligata li tipprovdi l-manteniment.

Il-manteniment jitħallas b'mod regolari kull tant żmien fid-dati maqbula bejn il-partijiet jew, f'każ ta' nuqqas ta' qbil, fid-dati ddeterminati minn deċiżjoni tal-qorti. Il-partijiet jistgħu jaqblu jew, meta jkun hemm raġunijiet validi għalhekk, il-qorti tal-familja tista' tiddeċiedi, li l-manteniment jitħallas bil-quddiem bħala somma ta' darba li tkopri l-bżonnijiet ta' manteniment tal-persuna intitolata għal perjodu ta' żmien itwal jew għall-perjodu kollu li tulu jkun dovut il-manteniment, sakemm id-debitur li jħallas il-manteniment ikollu l-mezzi neċessarji biex jissodisfa dan l-obbligu (l-Artikolu 533 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-manteniment iddeterminat għall-persuna taħt l-età jitħallas lir-rappreżentanza legali tal-persuna taħt l-età.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Peress li f'ħafna każijiet il-manteniment jiġi ddeterminat fi flus, l-iktar metodu frekwenti ta' eżekuzzjoni huwa sekwestru tas-salarju (l-introjtu mensili). Il-bejgħ ġudizzjarju tal-beni mobbli u immobbli tad-debitur huwa inqas frekwenti bħala metodu ta' eżekuzzjoni.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Fir-rigward tal-irkupru tat-talba għal manteniment, l-Artikolu 728 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jipprovdi li huwa biss sa nofs l-introjtu regolari mensili nett tad-debitur li jista' jkun suġġett għal eżekuzzjoni tal-ammonti dovuti bħala manteniment. Jekk ikun hemm bosta proċeduri ta' rkupru li jinvolvu l-istess ammont, l-ammont eżegwibbli ma jkunx jista' jaqbeż nofs l-introjtu mensili nett, irrispettivament min-natura tat-talbiet.

Meta l-kreditur iressaq rikorsi simultanji għall-qbid ta' bosta beni mobbli jew immobbli li l-valur kjarament jaqbeż il-pretensjoni li trid titħallas, il-qorti tal-eżekuzzjoni tista' tirrestrinġi l-eżekuzzjoni ta' ċerti beni (l-Artikolu 701 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

L-eżekuzzjoni ta' rkupru tintemm, pereżempju, meta l-obbligu indikat fit-titolu eżekuttiv ikun ġie ssodisfat bis-sħiħ u t-tariffi għall-eżekuzzjoni jkunu tħallsu; meta eżekuzzjoni ma tkunx tista' ssir jew titkompla minħabba nuqqas ta' beni eżegwibbli jew l-impossibilità li dawk il-beni jiġu realizzati; u meta l-eżekuzzjoni tiġi kkanċellata (l-Artikolu 702 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Il-jedd għall-ksib ta' eżekuzzjoni huwa suġġett għal perjodu ta' limitazzjoni ta' tliet snin. Appell kontra rkupru eżegwit jista' jitressaq fil-qorti tal-eżekuzzjoni. Il-qorti kompetenti tista' tissospendi l-eżekuzzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-appell kontra rkupru eżegwit (l-Artikolu 711 et seq. tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Meta titolu eżekuttiv jew l-irkupru eżegwit innifsu jkun ikkanċellat, il-parti kkonċernata jkollha l-jedd li tirritorna l-eżekuzzjoni billi treġġa' kollox lura kif kien qabel l-eżekuzzjoni (l-Artikolu 722 et seq. tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Mhux applikabbli.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Mhux applikabbli.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 jew il-Konvenzjoni ta' New York tal-1956, l-attur jista' jressaq it-talba tiegħu għal manteniment permezz tal-Ministeru tal-Ġustizzja Rumen jekk id-debitur ikun jirrisjedi f'wieħed mill-Istati Membri tal-UE li jkun parti mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 jew tal-Konvenzjoni ta' New York tal-1956.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja Rumen

17 Str. Apolodor , Sector 5

Bucharest 050741

Id-Direttorat għad-Dritt Internazzjonali u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja

(Direcția Drept Internațional și Cooperare Judiciară)

Faks: 0372041077

posta elettronika ddit@just.ro

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Le; il-persuna li titlob il-manteniment trid tikkuntattja lill-awtorità ċentrali trażmettitriċi f'pajjiżha, li tkun innominata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 u l-Konvenzjoni ta' New York tal-1956.

L-awtorità ċentrali trażmettitriċi tal-pajjiż debitur tista' sussegwentement tikkuntattja lill-awtorità ċentrali riċevitriċi Rumena:

  • il-Ministeru tal-Ġustizzja Rumen, għal talbiet ippreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007, jew
  • il-Kamra tal-Avukati (Baroul Bucureşti), għal talbiet ippreżentati skont il-Konvenzjoni ta' New York tal-1956.

Imbagħad it-talba tingħadda lill-qorti kompetenti.

Id-debitur li jkun qed jirrisjedi barra l-pajjiż jista' jindirizza t-talba tiegħu direttament, personalment jew permezz ta' avukat lill-qorti Rumena li jkollha ġuriżdizzjoni għall-post tar-residenza tal-konvenut jew tad-debitur.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Id-debitur li jkun qed jirrisjedi barra l-pajjiż jista' jindirizza t-talba tiegħu direttament, personalment jew permezz ta' avukat lill-qorti Rumena li jkollha ġuriżdizzjoni għall-post tar-residenza tal-konvenut jew tad-debitur. Id-dettalji tal-qorti Rumena kompetenti jinsabu fil-portal tal-qrati http://portal.just.ro/SitePages/acasa.aspx fuq il-bażi tal-post tar-residenza tal-konvenut jew tad-debitur.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva; skont l-Artikolu 2612 tal-Kodiċi Ċivili Rumen, il-liġi applikabbli għall-obbligu ta' manteniment tiġi ddeterminata skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Mhux applikabbli.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Skont il-Liġi Nru 36/2012 dwar ċerti miżuri neċessarji għall-applikazzjoni ta' ċerti regolamenti u deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u strumenti tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tal-obbligi ta' manteniment, wara li jirċievi talba għal manteniment jew miżuri speċifiċi, il-Ministeru tal-Ġustizzja jgħaddiha lill-awtorità jew korp kompetenti li jkollu d-dejta personali fil-pussess tiegħu, lill-kamra tal-avukati lokali kompetenti, lill-Kamra tal-Uffiċjali tal-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja jew, meta applikabbli, lill-qorti kompetenti biex issolviha.

Fil-każ ta' talbiet ippreżentati permezz tal-awtorità ċentrali, skont it-termini stipulati fl-Artikolu 46 tar-Regolament, tista' tingħata għajnuna legali sħiħa u bla ħlas lill-pretendenti ta' obbligi ta' manteniment li jkunu għadhom ma għalqux it-18-il sena jew li jkunu qed ikomplu l-istudji tagħhom, imma mhux wara li jagħlqu 21 sena, u lill-pretendenti ta' obbligi ta' manteniment li jkunu persuni vulnerabbli.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja jibgħat it-talbiet li jirċievi minn barra direttament lill-kamra tal-avukati lokali kompetenti. Id-dekan tal-kamra tal-avukati minnufih jieħu deċiżjoni obbligatorja u ex officio fejn iqabbad avukat. L-avukat imqabbad jitlob l-għajnuna legali, inkluż fil-forma ta' ħlas tat-tariffi tal-uffiċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja.

Imbagħad, wara l-ksib ta' titolu eżekuttiv, l-avukat imqabbad jitlob lill-qorti biex tingħata l-għajnuna legali fil-forma ta' ħlas tat-tariffa tal-uffiċċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja. L-avukat jibgħat it-talba ta' rkupru eżegwita, it-titolu eżekuttiv u d-deċiżjoni tad-dekan tal-kamra tal-avukati lill-uffiċjal ta' eżekuzzjoni ġudizzjarja lokali kompetenti.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ir-Rumanija adottat il-Liġi Nru 36/2012 dwar ċerti miżuri neċessarji għall-applikazzjoni ta' ċerti regoli u deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tal-obbligi ta' manteniment.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja ġie nnominat bħala l-awtorità ċentrali trażmettitriċi, li tgħaddi t-talbiet stipulati fl-Artikoli 53 u 56 tar-Regolament. Wara li jirċievi d-dokumenti ta' prova meħtieġa mingħand il-kreditur jew id-debitur, il-Ministru tal-Ġustizzja jimla l-Parti A tat-talba u jista' jassisti lill-kreditur jew lid-debitur jimla l-Parti B tat-talba.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità ċentrali nnominata biex tirċievi t-talbiet għal miżuri speċifiċi u għall-manteniment. Ladarba jirċievi t-talbiet, jibgħathom lill-awtorità jew korp kompetenti li jkollu d-dejta personali fil-pussess tiegħu, lill-kamra tal-avukati lokali kompetenti, lill-Kamra tal-Uffiċjali tal-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja jew, meta applikabbli, lill-qorti kompetenti biex issolviha.

L-aħħar aġġornament: 07/01/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna