Manteniment tal-familja

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi? Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-“manteniment” huwa mifhum bħala dak kollu li huwa essenzjali għas-sussistenza, l-akkomodazzjoni u l-ilbies ta’ persuna. Fil-każ ta’ wild taħt l-età, il-manteniment jinkludi wkoll l-edukazzjoni u l-istruzzjoni.

Skont il-liġi, dawn li ġejjin huma meħtieġa jħallsu l-manteniment fl-ordni indikat:

  • il-konjuġi jew l-eks konjuġi;
  • id-dixxendenti;
  • l-axxendenti;
  • l-aħwa;
  • iz-zijiet, sakemm il-persuna mantnuta tkun għadha minuri;
  • il-missier u l-omm tar-rispett għat-tfal tal-ulied minuri li huma jew kienu taħt il-kura u l-kustodja tagħhom fil-mument tal-mewt tal-konjuġi.

Minbarra l-każijiet msemmija iktar ’il fuq fejn l-obbligu tal-manteniment huwa determinat mil-liġi, l-obbligi ta’ manteniment jistgħu jirriżultaw ukoll minn dispożizzjoni testamentarja (dispożizzjoni dwar il-manteniment f’testment) jew f’kuntratt.

B’mod ġenerali, ir-regoli sostantivi li jirregolaw l-obbligi ta’ manteniment huma stabbiliti fl-Artikoli 2003 sa 2023 tal-Kodiċi Ċivili

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Il-minuri jista’ jirċievi manteniment sakemm jilħaq l-età maġġuri. L-età maġġuri hija ta’ 18-il sena. Bejn l-etajiet ta’ 16 u 18-il sena, it-tfal jistgħu jiġu emaniċipati biż-żwieġ.

Hemm differenzi bejn ir-regoli tal-liġi sostantiva li japplikaw għall-manteniment tal-wild minuri u tal-adult: il-manteniment tal-adult tkopri biss il-kostijiet tas-sussistenza, tal-akkomodazzjoni u tal-ilbies filwaqt li l-manteniment tat-tfal ikopri, minbarra dawn il-kostijiet, il-kostijiet tal-edukazzjoni u tal-istruzzjoni.

Jekk, wara li minuri jkun sar adult jew ġie emanċipat, jiddeċiedi li jkompli bit-taħriġ jew l-edukazzjoni tiegħu, huwa jista’ jibda proċedimenti għall-manteniment kontra l-ġenituri tiegħu. F’dan il-każ, il-manteniment ikopri l-kostijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ tiegħu, minbarra s-sussistenza, l-akkomodazzjoni u l-ilbies. Id-durata ta’ dawn il-pagamenti tiġi determinata permezz ta’ ftehim jew deċiżjoni. Din id-deċiżjoni tistabbilixxi d-durata xierqa għal perjodi raġonevoli ta’ taħriġ jew edukazzjoni.

Fis-sitwazzjoni eċċezzjonali deskritta hawn fuq, li fiha wild adult ikun qiegħed ikompli t-taħriġ tiegħu, il-manteniment tal-adult jinkludi l-kostijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. B’mod partikolari, il-liġi tassumi li meta jintalab il-manteniment għal wild adult, il-ħlas tal-manteniment li jkun ġie stabbilit meta kien minuri jibqa’ jsir sakemm l-imsemmi wild jagħlaq 25 sena. F’dan il-każ, l-obbligu jaqa’ fuq il-ġenitur li ġie mitlub jipprova li l-ħlas tal-manteniment stabbilit meta l-wild kienu għadu minuri ma kienx meħtieġ aktar jew huwa eċċessiv minn mindu sar adult.

B’mod partikolari, ir-regoli sostantivi dwar il-manteniment għall-ulied li huma minuri, adulti jew emanċipati huma stabbiliti fl-Artikoli 1878 sa 1880 u 1905 tal-Kodiċi Ċivili

Ir-regoli tal-proċedura ċivili li japplikaw għall-istabbiliment u l-eżekuzzjoni tal-manteniment għall-ulied minuri u għall-adulti wkoll ivarjaw f’xi każijiet.

Id-differenzi fir-regoli proċedurali applikabbli huma msemmija fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet 3 u 10.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tvarja skont is-sitwazzjonijiet deskritti aktar ’il quddiem.

L-istabbiliment ta’ manteniment tal-minuri u ta’ manteniment bejn il-konjuġi fejn ikun hemm ftehim inizjali

Il-persuna obbligata tħallas il-manteniment u/jew il-persuna intitolata li tirċevih jistgħu jaqblu dwar l-istabbiliment tal-manteniment. F’każ ta’ manteniment tal-minuri jew manteniment bejn il-konjuġi, il-partijiet jistgħu jitolbu li l-ftehim jiġi approvat quddiem il-qorti jew quddiem Reġistratur Pubbliku (Conservador do Registo Civil), skont jekk japplikawx iċ-ċirkostanzi li ġejjin.

F’każ ta’ divorzju kkontestat, jista’ madankollu jintlaħaq ftehim dwar il-manteniment tal-ulied minuri. F’każ bħal dan, l-approvazzjoni tal-ftehim dwar il-manteniment għall-ulied minuri trid tintalab mill-qorti fil-proċedimenti sabiex jiġi rregolat l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri. Is-subintestatura li ġejja tindika l-elementi prinċipali ta’ dawn il-proċedimenti.

F’każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, ir-Reġistratur Pubbliku huwa mitlub japprova l-ftehim dwar il-manteniment bejn il-konjuġi u/jew għall-ulied minuri. Ir-Reġistratur għandu ġuriżdizzjoni unika għal dawn il-proċedimenti, li jistgħu jitressqu quddiem kwalunkwe Reġistru Ċivili. F’dak li għandu x’jaqsam mal-ftehimiet dwar manteniment tal-minuri, il-Prosekutur Pubbliku tal-qorti fiż-żona tal-Reġistru Ċivili fejn iridu jinbdew il-proċedimenti jeħtieġlu jagħti l-opinjoni tiegħu minn qabel. Jekk il-ftehim jiġi approvat, id-divorzju jiġi ddekretat. Jekk il-ftehim ma jiġix approvat, il-proċedimenti ta’ divorzju b’kunsens reċiproku jiġu rrinvjati quddiem il-qorti fejn tinstema’ l-azzjoni ta’ divorzju b’kunsens reċiproku. F’dan il-każ, il-qorti hija responsabbli għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni tal-ftehimiet dwar il-manteniment tal-wild minuri jew dwar il-manteniment bejn il-konjuġi.

Japplikaw l-istess regoli f’każ ta’ separazzjoni legali, dikjarazzjoni ta’ nullità jew annullament taż-żwieġ.

Anke jekk ma jkunx każ ta’ divorzju jew separazzjoni, jekk ikun hemm ftehim, il-ġenituri jridu jirreferu l-ftehim li jirregola r-responsabbiltà tal-ġenituri jew kwalunkwe tibdil fih għall-approvazzjoni lir-Reġistru Ċivili kif stabbiliti iktar ’il fuq.

L-istabbiliment tal-manteniment meta ma jkunx hemm ftehim inizjali

Il-manteniment mill-ġenituri lill-ulied minuri

Fil-każ ta’ divorzju mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor, l-istabbiliment ta’ manteniment tal-wild minuri jrid jintalab fil-proċedimenti ta’ tutela sabiex jirregola l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri li jkunu pendenti quddiem il-qorti. Wara l-ġenituri jistgħu jitolbu l-approvazzjoni tal-ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim jew jekk ma jiġix approvat, il-Prosekutur Pubbliku jitlob li jiġi regolat l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-proċedura ssir quddiem il-qorti. Il-ġenituri jiġu mħarrka għal laqgħa fejn jistgħu jiġu mistiedna wkoll it-tfal u qraba oħra. F’każ li ma jistax jintlaħaq ftehim waqt il-laqgħa, l-imħallef jistabbilixxi arranġamenti proviżorji għar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-partijiet jintbagħtu għall-medjazzjoni jew għal seduta teknika speċjalizzata. Jekk jibqa’ jkun impossibbli li jintlaħaq ftehim, il-ġenituri jiġu nnotifikati sabiex jippreżentaw it-talbiet u l-provi tagħhom. Dan huwa segwit mill-istadju tal-provi, mill-proċess u mis-sentenza.

Japplikaw l-istess regoli f’każ ta’ separazzjoni legali, dikjarazzjoni ta’ nullità jew annullament taż-żwieġ.

Il-manteniment mill-ġenituri jew oħrajn bl-obbligu li jħallsu l-manteniment tal-wild minuri

Il-manteniment tal-wild minuri jista’ jiġi stabbilit ukoll permezz ta’ proċedimenti ta’ tutela dwar il-manteniment tal-wild minuri, fejn, pereżempju, il-proċedimenti jridu jsiru kontra persuni obbligati jħallsu dan il-manteniment speċifikament għal dan il-għan. Dawn il-proċedimenti huma intiżi wkoll sabiex jemendaw il-manteniment li kien stabbilit preċedentement. Dan isir fil-qorti. Jinbeda b’rikors akkumpanjat mid-dokumenti li ġejjin: ċertifikati li juru l-grad ta’ parentela jew affinità li teżisti bejn il-wild minuri u l-intimat; kopja awtentikata tas-sentenza li biha kien ġie stabbilit preċedentement il-manteniment, fejn applikabbli; u lista ta’ xhieda. L-intimat jiġi mħarrek. Imbagħad tissejjaħ laqgħa f’tentattiv biex jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, dan jiġi segwit mid-difiża, mis-smigħ tax-xhieda, il-proċess u s-sentenza.

Il-manteniment għal wild adult jew emanċipat

Il-proċedimenti għall-istabbiliment ta’ manteniment għal wild adult jew emanċipat jistgħu jinbdew quddiem kwalunkwe Reġistru Ċivili, bil-preżentata ta’ rikors li jindika l-motivi ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn evidenza dokumentata u għandu jindika l-evidenza l-oħra kollha. L-intimat jiġi mħarrek. Jekk ma jopponix, ir-rikors jintlaqa’ u l-manteniment jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tar-Reġistratur. Jekk joġġezzjona, ir-Reġistratur jipprova jirrikonċilja lill-partijiet. Jekk ir-rikonċiljazzjoni tkun impossibbli, il-każ jiġi ppreparat mir-Reġistratur li jirrinvijah lill-qorti kompetenti għal proċess.

Jekk diġà jkun hemm kawża li fiha l-manteniment ġie stabbilit għall-wild minuri, ir-rikors għall-istabbiliment tal-manteniment għal wild li minn dak iż-żmien sar adult jew ġie emanċipat jingħaqad mal-kawża preċedenti u jinstema’ f’din il-qorti u mhux fir-Reġistru Ċivili.

Bejn il-konjuġi u l-eks konjuġi

Fejn ma jkunx hemm ftehim inizjali, il-proċedimenti għall-istabbiliment tal-manteniment bejn il-konjuġi u l-eks konjuġi jitressqu quddiem il-qorti. Il-proċedimenti jsiru fil-forma ta’ azzjoni dikjaratorja, bi proċedura identika għal dik deskritta hawn taħt għall-manteniment għall-adulti.

Il-manteniment għall-adulti

Minbarra l-każijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-proċedura għall-istabbiliment tal-manteniment għall-adulti titressaq quddiem il-qorti (pereżempju talba għall-manteniment mill-ġenitur tal-ulied minuri). Il-proċedura tieħu l-forma ta’ sentenza dikjaratorja. Tibda bil-preżentata ta’ rikors promotur quddiem il-qorti.

F’dan ir-rikors, il-parti li tiftaħ il-kawża jeħtiġilha tindika l-qorti li quddiemha qiegħda tiftaħ il-kawża, tidentifika lill-partijiet, tindika isimhom, il-postijiet ta’ residenza jew l-uffiċċji reġistrati u, fejn possibbli, il-professjonijiet tagħhom u l-post tax-xogħol, tidentifika l-forma tal-proċedimenti, tispjega l-fatti u r-raġunijiet legali li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjoni, tagħmel it-talba u tiddikjara l-ammont involut fil-kawża. Fl-aħħar tar-rikors, tiġi ppreżentata l-lista tax-xhieda u l-provi l-oħra mitluba. Id-dokumenti jridu jiġu mehmuża mat-talba inizjali li turi l-ħlas minn qabel tat-tariffa inizjali tal-qorti u s-setgħa ta’ avukat, jekk ikunu rrappreżentati minn avukat. Alternattivament, jista’ jiġi mehmuż dokument li juri li ngħatat l-għajnuna legali.

Jekk jinħatar avukat, ir-rikors promotur jiġi ppreżentat elettronikament, permezz tal-formola disponibbli fuq il-paġna web ta’ Citius (mj.pt) f’konformità mal-proċeduri u l-istruzzjonijiet spjegati hemmhekk. Jekk il-parti ma tkunx rappreżentata minn avukat, hija tista’ tippreżenta r-rikors fl-uffiċji tar-reġistru tal-qorti b’wieħed mill-metodi li ġejjin: personalment, bil-posta reġistrata, jew b’faks.

L-intimat jiġi mħarrek. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim matul il-kawża, l-istadji obbligatorji li ġejjin huma d-difiża, l-ordni tal-ftuħ konklużiv (saneamento), l-istadju evidenzjarju, il-proċess u s-sentenza.

Skont il-każijiet imsemmija hawn fuq, ir-regoli proċedurali li jirregolaw l-istabbiliment tal-manteniment:

  • Fir-rigward tar-Reġistru Ċivili, dawn huma previsti fl-Artikoli 5 sa 20 tad-Digriet-Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru u fl-Artikoli 274-A sa 274-C tal-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni Ċivili
  • Fir-rigward tal-qrati, dawn huma previsti fl-Artikoli 45 sa 47 tal-Liġi Nru 141/2015 tat-8 ta’ Settembru 2015 (il-manteniment għall-ulied minuri) u 548 u 550 et seq. (il-persuni bl-obbligu li jipprovdu manteniment), 931 u 994 (il-manteniment pagabbli lill-konjuġi f’każ ta’ separazzjoni jew divorzju) u 989 (il-manteniment għall-ulied adulti jew emanċipati) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

F’każ ta’ manteniment tal-wild minuri, it-talba tista’ ssir mir-rappreżentant legali tal-wild minuri, mill-Prosekutur Pubbliku, mill-persuna li lilha ngħatat il-kustodja jew mid-direttur tal-istitut edukattiv jew ta’ kura li ġie fdat bil-wild minuri. Kull persuna tista’ tinnotifika lill-Prosekutur Pubbliku dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit il-manteniment għall-wild minuri (l-Artikolu 45 tal-Liġi 141/2015 tat-8 ta’ Settembru 2015).

Fil-każ ta’ manteniment minħabba li l-adulti ma jkollhomx kapaċità, il-proċedimenti jistgħu jinbdew mir-rappreżentanti legali tagħhom (l-Artikolu 16 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Minbarra dawn il-każijiet ta’ inkapaċità, il-proċedimenti ta’ manteniment għall-adulti jew ulied minuri emaniċipati jridu jsiru minnhom, minn rappreżentat legali maħtur minnhom jew minn avukat li lilu taw prokura sabiex jibda l-proċedimenti.

Madankollu, il-liġi tipprovdi għall-partikolarità li ġejja fir-rigward tal-ulied adulti: il-ġenitur li kellu r-responsabbiltà ewlenija li jħallas l-kostijiet ta’ tfal adulti jew emanċipati li ma humiex kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom jista’ jitlob li l-ġenitur l-ieħor jikkontribwixxi wkoll għas-sussistenza u l-edukazzjoni ta’ dawn l-ulied adulti. Din il-kontribuzzjoni tista’ ssir kompletament jew parzjalment lill-ulied adulti jew emanċipati, meta l-imħallef jiddeċiedi hekk jew jekk il-ġenituri jaqblu (l-Artikolu 989 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-manteniment tat-tfal

Il-Qorti Distrettwali, il-Qorti tal-Familja u tal-Minorenni (Tribunal de Comarca, Juízo de Família e Menores) għandha ġuriżdizzjoni fuq materji li jinvolvu proċedimenti ta’ protezzjoni sabiex tiġi rregolata r-responsabbiltà tal-ġenituri u jiġi stabbilit il-manteniment tal-ulied minuri. Fin-nuqqas ta’ Qorti tal-Familja u tal-Minorenni, il-kawża tinstema’, fil-prinċipju, fil-Qorti Distrettwali (Tribunal de Comarca), fil-Qorti Lokali (Juízo Local) jew fil-Qorti ta’ Ġuriżdizzjoni Ġenerali (Juízo de Competência Genérica).

Sabiex wieħed jifhem liema minn dawn il-qrati li semmejna jkollha ġuriżdizzjoni territorjali, japplikaw ir-regoli li ġejjin. Fil-prinċipju, għandha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn huwa residenti l-minuri fiż-żmien li nbdew il-proċedimenti.

Jekk ir-residenza tal-minuri ma tkunx magħrufa, għandha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post ta’ residenza ta’ min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri.

Jekk min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri jkun residenti f’postijiet differenti, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post ta’ residenza tal-persuna li għandha l-kustodja tat-tfal jew, f’każ ta’ kustodja konġunta, dik tal-persuna li jgħix magħha l-minuri.

Jekk dawn il-proċedimenti jikkonċernaw żewġ minuri jew aktar li huma ulied l-istess ġenituri u residenti f’distretti differenti, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post ta’ residenza fejn jgħix l-ikbar numru minn dawn l-ulied. Jekk kollox ikun ugwali, il-qorti li lilha jiġi mitlub il-manteniment fil-Prim’Istanza jkollha l-ġuriżdizzjoni.

Jekk, meta jkunu bdew il-proċedimenti, il-minuri ma jkunx jgħix fil-Portugall, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post ta’ residenza tar-rikorrent jew tal-intimat; jekk huma wkoll jgħixu barra l-pajjiż u l-qorti Portugiża jkollha ġuriżdizzjoni internazzjonali, il-kawża tinstema’ mill-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, mill-Qorti tal-Familja u tal-Minuri (Tribunal da Comarca de Lisboa, Juízo de Família e Menores), għaliex din il-qorti għandha ġuriżdizzjoni territorjali għall-muniċipalità ta’ Lisbona.

Il-manteniment għall-ulied adulti

Kull Reġistru Ċivili huwa kompetenti sabiex jibda proċedimenti għall-manteniment għall-ulied adulti. Dan ma japplikax biss jekk diġà tkun teżisti kawża li fiha ġie stabbilit il-manteniment tal-ulied minuri. F’dan il-każ, ir-rikors għall-istabbiliment tal-manteniment għal minuri li, fil-frattemp, sar adult jew ġie emanċipat, jingħaqad mal-kawża preeżistenti u jinstema’ minn din il-qorti.

Il-manteniment għall-konjuġi jew eks konjuġi

Il-proċedura għall-istabbiliment ta’ manteniment bejn konjuġi u l-eks konjuġi titressaq quddiem il-Qorti Distrettwali, il-Qorti tal-Familja u l-Minuri li hija kompetenti għall-post fejn jirrisjedi l-intimat. Fin-nuqqas ta’ Qorti tal-Familja u tal-Minorenni, il-kawża tinstema’, fil-prinċipju, fil-Qorti Distrettwali, fil-Qorti Lokali jew fil-Qorti ta’ Ġuriżdizzjoni Ġenerali.

Il-manteniment għall-adulti

Minbarra l-każijiet diġà msemmija, il-proċedimenti għad-determinazzjoni tal-manteniment għall-adulti titressaq quddiem il-Qorti Distrettwali: l-Istanza Ċentrali, il-Qorti Ċivili (jekk il-valur tal-azzjoni jeċċedi EUR 50 000.00); il-Qorti Lokali jew il-Qorti ta’ Ġuriżdizzjoni Ġenerali, fejn teżisti (jekk il-valur tal-kawża ma jeċċedix EUR 50 000.00). Mill-perspettiva territorjali, il-qorti tal-post ta’ residenza tal-intimat għandha l-ġuriżdizzjoni.

L-eżekuzzjoni tal-manteniment

Il-qrati indikati hawn taħt għandhom ġuriżdizzjoni fi proċedimenti speċjali għall-eżekuzzjoni tal-manteniment, f’każ ta’ ħlas tardiv.

Jekk il-proċedimenti li fihom ġie stabbilit il-manteniment instemgħu mill-Qorti Distrettwali, il-Qorti tal-Familja u tal-Minorenni (Tribunal de Comarca, Juízo de Família e Menores), il-proċedimenti għall-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment jinstemgħu quddiem din il-qorti, bħala parti mill-kawża kkonċernata, li magħhom irid jingħaqad ir-rikors għall-eżekuzzjoni.

Jekk il-proċedimenti li fihom ġie stabbilit il-manteniment instemgħu quddiem il-Qorti Distrettwali, il-Qorti Ċentrali Ċivili (Tribunal de Comarca, Juízo Central Cível), il-Qorti ta’ Eżekuzzjoni (Secção de Execução), li tkun kompetenti jekk il-proċedimenti ma kinux fil-ġuriżdizzjoni ta’ dik il-Qorti Ċentrali minħabba l-valur monetarju tagħhom, ikollha ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment.

Meta ma jkunx hemm Qorti ta’ Eżekuzzjoni, il-Qorti Ċivili Ċentrali fejn instemgħet l-azzjoni dikjaratorja rispettiva jkollha ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment u, f’dan il-każ, l-eżekuzzjoni sseħħ f’din il-proċedura.

Jekk il-proċedimenti li fihom ġie stabbilit il-manteniment seħħew quddiem il-Qorti Distrettwali, il-Qorti Ċivili Lokali jew il-Qorti Ġenerali, l-eżekuzzjoni sseħħ f’din il-proċedura sakemm il-Qorti Ċentrali ma jkollhiex Qorti ta’ Eżekuzzjoni. Jekk ikun hemm Qorti ta’ Eżekuzzjoni (b’ġuriżdizzjoni territorjali li tkopri ż-żona fejn tinsab il-Qorti ta’ Ġuriżdizzjoni Ġenerali jew il-Qorti Ċivili Lokali fejn instemgħet l-azzjoni ta’ kundanna), hija jkollha ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment.

Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qorti, anke jekk l-eżekuzzjoni ma sseħħx fil-qorti fejn ingħatat is-sentenza eżegwibbli, ir-rikors għall-eżekuzzjoni jiġi sottomess fil-proċedimenti dikjaratorji fejn ingħatat dik is-sentenza. F’dan il-każ, meta l-Qorti tal-Eżekuzzjoni jkollha ġuriżdizzjoni, il-qorti li tat is-sentenza tibgħat b’mod urġenti kopja tas-sentenza, ir-rikors li ta lok għall-eżekuzzjoni u d-dokumenti ta’ akkumpanjament lill-Qorti ta’ Eżekuzzjoni.

L-istess regola tapplika f’każijiet fejn ma hemmx Qorti ta’ Eżekuzzjoni u l-Qorti Ċivili Lokali jew Qorti b’Ġuriżdizzjoni Ġenerali jkollha ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

Jekk il-proċedimenti li fihom ġie stabbilit il-manteniment ma jkunux nstemgħu quddiem qorti iżda quddiem ir-Reġistru Ċivili, il-ġuriżdizzjoni territorjali għall-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

  • l-eżekuzzjoni trid titressaq quddiem il-qorti fejn ikun residenti d-debitur tal-manteniment; il-kreditur tal-manteniment jista’ madankollu jagħżel il-qorti tal-post fejn irid jitwettaq l-obbligu jekk ikun residenti fiż-żona metropolitana ta’ Lisbona jew Porto u d-debitur tal-manteniment ikun jgħix fl-istess żona metropolitana;
  • meta l-eżekuzzjoni trid issir fil-post fejn huwa residenti d-debitur tal-manteniment, u dan id-debitur ma jkunx residenti l-Portugall iżda jkollu assi hemmhekk, ikollha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn jinsabu dawn l-assi.

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni sostantiva għall-eżekuzzjoni tal-manteniment ibbażata fuq id-deċiżjoni tar-Reġistratur, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

Il-Qorti Distrettwali, il-Qorti tal-Familja u tal-Minorenni għandha ġuriżdizzjoni sabiex tħejji u tiddeċiedi dwar proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tal-manteniment bejn il-konjuġi u l-eks konjuġi, għall-ulied minuri u għall-ulied adulti u emanċipati. Billi f’dan il-każ, madankollu, l-azzjoni dikjaratorja rispettiva ma nstemgħetx fil-Qorti tal-Familja u tal-Minorenni, iżda fir-Reġistru Ċivili, il-qrati jistgħu jiddeċiedu li għandha ġuriżdizzjoni l-Qorti Distrettwali, il-Qorti ta’ Eżekuzzjoni.

Jekk ma jkunx hemm Qorti ta’ Eżekuzzjoni, ikollha ġuriżdizzjoni l-Istanza Ċivili Lokali jew il-Qorti ta’ Ġuriżdizzjoni Ġenerali għall-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment.

Avviż:
Ir-regoli msemmija hawn fuq dwar il-ġuriżdizzjoni huma soġġetti għal tibdil fl-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Bħala regola ġenerali, ma hemmx bżonn ta’ avukat għall-proċedimenti ta’ manteniment tal-ulied minuri, ħlief fl-istadju ta’ appell. Ir-rikorrenti adulti jew emanċipati (pereżempju t-tutur tal-wild minuri) jistgħu jidhru weħidhom quddiem il-qorti meta l-proċedimenti jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, avukat irid jinħatar għall-wild minuri meta l-interessi tal-wild minuri jkunu f’kunflitt ma’ dawk tal-ġenituri tiegħu, tar-rappreżentant legali jew tal-persuna li jkollha kustodja de facto, u wkoll meta wild minuri li jkun matur biżżejjed jitlob lill-qorti taħtar wieħed.

Għal proċedimenti ta’ manteniment, japplikaw il-prinċipji ġenerali indikati hawn taħt.

Għandu jiġi maħtur avukat: fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta’ qrati li huma soġġetti għal livelli limiti u fejn ikun permess appell ordinarju; f’każijiet fejn appell huwa dejjem ammissibbli, irrispettivament mill-valur; f’appelli u każijiet imressqa quddiem il-qrati superjuri.

Attwalment, fl-2022, l-appell ordinarju huwa ammissibbli biss meta l-valur tal-kawża jaqbeż il-limitu tal-qorti li quddiemha tressaq l-appell u d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jkunux favur l-appellant b’ammont li wkoll jaqbeż nofs il-limitu ta’ dik il-qorti. F’każ ta’ dubju dwar il-valur tat-telf imġarrab mill-parti telliefa, jitqies biss il-valur tal-kawża. Dan il-prinċipju legali għandu diversi eċċezzjonijiet stabbiliti fih u f’dispożizzjonijiet legali speċifiċi oħrajn. Fl-2022, meta kienet qed tiġi eżaminata mill-ġdid din l-iskeda informattiva, f’materji ċivili, il-limitu tal-qrati huwa kif ġej: Il-Qorti tal-Appell (Tribunal da Relação) – EUR 30 000.00; Il-Qorti tal-Prim’Istanza (Tribunal de Primeira Instância) – EUR 5 000.00.

Anke meta r-rappreżentanza minn avukat tkun obbligatorja, jistgħu jsiru rikorsi minn konsulenti legali, avukati apprendisti, solicitors u mill-partijiet infushom fejn ma jitqajmux punti ta’ liġi.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tvarja skont jekk il-proċedura sabiex jiġi stabbilit il-manteniment instemgħux fil-qorti jew fir-Reġistru Ċivili u skont jekk il-partijiet għandhomx għajnuna legali jew le. L-ispejjeż għandhom jitħallsu fil-qrati. L-ispejjeż għandhom jitħallsu fil-qrati. It-tariffi jitħallsu fl-Uffiċju tar-Reġistru Ċivili.

Il-ħlas tal-ispejjeż huwa previst fir-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali

Il-ħlas tal-ispejjeż huwa previst fir-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali

L-ispejjeż jinkludu t-tariffa tal-qorti, l-imposti u l-ispejjeż tal-parti – l-Artikolu 529 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Eżenzjonijiet

Skont l-Artikolu 4(1)(i) u (l) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali

Il-minuri huma eżenti mill-ispejjeż meta jkunu rappreżentati mill-Prosekutur Pubbliku jew minn avukat maħtur mill-qorti f’kawżi li jinstemgħu l-qorti u huma eżenti mit-tariffi għal kawżi li jsiru quddiem l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili.

Il-minuri jew ir-rappreżentanti legali tagħhom huma wkoll eżenti mill-ispejjeż fl-appelli kontra deċiżjonijiet marbuta mar-rikors, mal-aġġustament jew mat-terminazzjoni tal-manteniment, mogħtija fi proċedimenti quddiem il-qorti tal-minuri. Il-proċedimenti quddiem il-qorti tal-minorenni li fihom jiġi stabbilit il-manteniment normalment huma l-proċedimenti għall-manteniment tal-wild minuri u l-proċedimenti sabiex tiġi rregolata r-responsabbiltà tal-ġenituri. Dawn huma proċedimenti speċjali u mhux kontenzjużi.

Skont l-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali:

Il-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-qorti tal-minorenni huma eżenti mill-ħlas bil-quddiem tat-tariffi tal-qorti, inklużi dawk il-proċedimenti li fihom jiġi stabbilit il-manteniment. F’dawn il-każijiet, minflok isir il-ħlas bil-quddiem tat-tariffa tal-qorti, il-parti tiġi mitluba tħallas it-tariffa tal-qorti fi żmien għaxart ijiem minn meta tingħata s-sentenza fil-proċedimenti prinċipali. Dan ikun il-każ anke jekk is-sentenza tkun għadha ma saritx finali.

Minbarra l-każijiet imsemmija hawn fuq, fil-prinċipju l-ispejjeż huma dovuti. L-unika eċċezzjoni hija meta l-parti tirċievi għajnuna legali u/jew jekk japplika l-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2009, li se jissemma iktar ’il quddiem, għall-proċedimenti kkonċernati.

Irkupru tal-ispejjeż

Minbarra l-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, trid titħallas tariffa tal-qorti inizjali sabiex tinbeda azzjoni għall-istabbiliment tal-manteniment. It-tariffa inizjali tal-qorti tikkorrispondi għal ħlas bil-quddiem fuq l-ispejjeż finali.

L-ispejjeż jinkludu t-tariffa tal-qorti, l-imposti u l-ispejjeż tal-partijiet.

Tariffi tal-qorti

Sabiex wieħed jiddetermina l-ammont dovut tat-tariffi tal-qorti, huwa essenzjali li wieħed ikun jaf il-valur tal-azzjoni, għaliex it-tariffa tal-qorti tiġi kkalkulata abbażi ta’ dan l-ammont, f’konformità ma’ waħda mit-tabelli annessi mar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali.

Il-valur tal-azzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tabelli msemmija iktar ’il fuq jirriżulta mill-Artikoli 296 sa 310 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Pereżempju:

  • il-valur tal-proċedimenti għall-manteniment definittiv huwa ugwali għal ħames darbiet l-annwalità mitluba fir-rikors, jiġifieri l-valur ta’ din l-azzjoni jekwivali għas-somma tal-pagament mensili mitlub immultiplikat b’sittin;
  • il-proċedimenti provviżorji ta’ manteniment kawtelatorji għandhom valur li jekwivali għall-pagament ta’ kull xahar mitlub immultiplikat bi tnax;
  • il-proċedimenti tad-divorzju u l-proċedimenti li jirregolaw l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, li jikkonċernaw interessi intanġibbli oħra minbarra l-manteniment, għandhom mill-inqas valur tal-limitu tal-Qorti tal-Appell u ċenteżmu wieħed (fl-2022: EUR 30 000.01 - l-Artikolu 44 tal-Liġi 62/2013).

Imposti

Ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-imposti (l-Artikolu 532 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jinsab fil-Liġi 41/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013

Fir-rigward tal-ispejjeż u l-imposti jirriżultaw mill-investigazzjonijiet (ħlas lill-esperti, rapporti, eċċ), ir-regola hija li kull parti tħallas l-ispejjeż u l-imposti li tat lok għalihom.

Jekk jirriżulta li l-investigazzjoni hija manifestament inutli jew dilatorja, il-parti li talbet li ssir tħallas l-imposti rispettivi irrispettivament mis-suċċess jew l-ordni fir-rigward tal-ispejjeż.

Meta l-partijiet kollha għandhom interess fl-investigazzjonijiet jew fin-nefqa, meta t-tnejn li huma jiggwadanjaw vantaġġ indaqs, jew meta ma jkunx possibbli li jiġi determinat min hi l-parti interessata, l-imposti jitħallsu mill-partijiet b’sehem indaqs.

L-ispejjeż tal-partijiet

Fir-rigward tal-ispejjeż tal-partijiet, l-Artikolu 533 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi kif ġej: l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ il-kawża jitħallsu mill-parti t-telliefa fuq skala b’inklinazzjoni skont il-proporzjon tat-telfa tagħha.

L-ispejjeż tal-partijiet jinkludu t-tariffi tal-qorti mħallsa bil-quddiem, l-ispejjeż verament imġarrba mill-parti, it-tariffi mħallsa lill-aġent ta’ eżekuzzjoni u n-nefqa tagħhom, it-tariffi mħallsa lir-rappreżentant legali u n-nefqa tagħhom.

Kont tal-ispejjeż

Ħlief għall-każijiet imsemmija hawn qabel, fejn il-partijiet ikunu eżenti mill-ħlas bil-quddiem tat-tariffi tal-qorti, fil-prinċipju, l-iskrivan tal-qorti jipprepara l-kont tal-ispejjeż biss wara li s-sentenza tkun saret finali u ma jkun jista’ jsir l-ebda appell minnha, u f’konformità mas-sentenza rispettiva. Il-partijiet jiġu nnotifikati bil-kont.

Jekk ma jkunx hemm appelli jew ilmenti dwar il-kont, jew jekk ikunu ġew riżolti, dan jagħti lok għall-ħlas ta’ dak li jkun dovut mill-parti telliefa u/jew ir-rimborż lill-parti rebbieħa tal-ammont li tkun ħallset bil-quddiem.

L-ispejjeż tal-partijiet jitħallsu direttament mill-parti telliefa lill-parti rebbieħa. Jekk il-parti telliefa jkollha għajnuna legali, il-ħlas tas-somma kkonċernata lill-parti rebbieħa jsir mill-Istat – l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali.

L-għajnuna legali f’każijiet fil-ġuriżdizzjoni tal-qrati

Jekk ir-rikorrent ma jkollux mezzi sabiex iħallas għall-proċedimenti, huwa jista’ jitlob l-għajnuna legali. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għajnuna legali tista’ tingħata biss lil persuni fiżiċi jew lill-persuni ġuridiċi bi skop mhux għal qligħ.

L-iskema ta’ għajnuna legali hija stabbilita fil-Liġi 34/2004.

L-għajnuna legali lill-individwi tingħata f’diversi forom: pariri legali; eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti u l-imposti; ħlas bin-nifs tat-tariffi tal-qorti u l-imposti; ħatra u ħlas tat-tariffi tar-rappreżentant legali; ħatra u ħlas bin-nifs tat-tariffi tar-rappreżentant legali; assenjazzjoni ta’ uffiċjal ġudizzjarju.

Is-sistema Portugiża tal-għajnuna legali, fit-termini kollha stabbiliti fiha, tapplika għall-qrati kollha u għal kull tip ta’ proċedimenti.

Ir-rikorsi għall-għajnuna legali għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ formola. Dan irid jiġi kkonsenjat personalment jew jintbagħat bil-posta lil kwalunkwe servizz pubbliku tal-Istitut tas-Sigurtà Soċjali IP (Instituto da Segurança Social IP). Il-formoli u l-istruzzjonijiet dwar it-tlestija tagħhom huma pprovduti minn dik l-entità. Il-perjodu ġenerali għat-tweġiba huwa ta’ 30 ġurnata. Kemm l-informazzjoni prattika kif ukoll il-formoli huma disponibbli fuq Proteção Jurídica - seg-social.pt

Meta jiftaħ azzjoni, ir-rikorrent għandu jehmeż mar-rikors promotur evidenza dokumentata ta’ ħlas minn qabel tat-tariffa tal-qorti dovuta jew tal-għoti tal-għajnuna legali f’termini ta’ eżenzjoni mill-ħlas bil-quddiem tat-tariffa msemmija iktar ’il fuq. Meta l-għajnuna legali tingħata fil-forma ta’ ħlas gradwali tat-tariffi tal-qorti, l-evidenza ta’ dan trid tiġi mehmuża flimkien mal-ħlas tal-ammont pendenti – l-Artikoli 14 sa 15 tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji

It-tariffi għal każijiet fil-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċju tar-Reġistru Ċivili

Il-minuri huma eżenti mit-tariffi meta jkunu rappreżentati minn Prosekutur Pubbliku jew minn avukat maħtur mill-qorti f’kawżi li jinstemgħu quddiem l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili.

It-tariffi dovuti għal każijiet fil-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċji tar-Reġistri Ċivili qiegħdin imniżżla fir-Regolamenti dwar it-Tariffi għall-Uffiċji tar-Reġistru u għan-Nutara.

Pereżempju, fl-2022 it-tariffi mitluba f’kawżi fil-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili, li jistgħu jiġu kkonsultati fl-Artikolu 18 tar-Regolamenti dwar it-Tariffi għall-Uffiċċji tar-Reġistru u għan-Nutara, huma kif ġej:

  • proċedimenti ta’ divorzju jew separazzjoni legali b’kunsens reċiproku (mingħajr deċiżjoni dwar il-proprjetà) inkluż deċiżjonijiet li japprovaw ftehimiet rigward il-manteniment bejn il-konjuġi jew għall-ulied minuri – EUR 280;
  • proċedimenti ta’ għoti ta’ manteniment għall-adulti jew għall-ulied emanċipati – EUR 120;
  • proċedimenti għall-emendi fil-ftehimiet ta’ manteniment – EUR 100.

Dawn is-somom huma validi għall-2022, iż-żmien meta ġiet aġġornata din l-iskeda informattiva u huma soġġetti għal rieżami. Għalhekk huwa meħtieġ li wieħed jikkonsulta l-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ.

L-għajnuna legali għal każijiet fil-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċju tar-Reġistru Ċivili

L-għajnuna legali tapplika biss f’żewġ sitwazzjonijiet għal kawżi li jinstemgħu quddiem l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili: il-ħatra ta’ konsulent legali u l-ħlas tat-tariffi tiegħu; il-ħatra ta’ konsulent legali u l-ħlas bin-nifs tat-tariffi tiegħu.

Barra minn hekk, fl-Uffiċċji tar-Reġistri Ċivili, ċerti atti huma bla ħlas għal rikorrenti individwali li jistgħu jagħtu prova tad-diffikultà finanzjarja tagħhom.

Id-diffikultà finanzjarja tista’ tintwera bil-mezzi li ġejjin: dokument maħruġ mill-awtorità amministrattiva kompetenti; dikjarazzjoni maħruġa minn istituzzjoni pubblika għas-sigurtà soċjali fejn ikun ġie affiljat l-individwu.

F’dawn il-każijiet, l-atti li ġejjin huma bla ħlas: atti mir-reġistru ċivili jew tan-nazzjonalità; il-proċedimenti u d-dikjarazzjonijiet relatati magħhom; dokumenti meħtieġa u proċeduri marbuta mal-forniment tagħhom; ċertifikati meħtieġa għal kull għan.

L-istess regola tapplika għall-każijiet fil-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili fejn ġie stabbilit il-manteniment.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Bħal regola, il-manteniment jiġi stabbilit bħala pagamenti fi flus fix-xahar, ħlief fejn ikun hemm ftehim jew dispożizzjoni legali li turi l-kontra jew hemm raġunijiet li jiġġustifikaw miżuri eċċezzjonali. Jekk, pereżempju, il-persuna li għandha tħallas il-manteniment turi li ma tistax tħallsu bħala allowance iżda biss fil-forma tad-dar u l-kumpanija tagħha, dan jista’ jiġi ordnat hekk eċċezzjonalment.

Kalkolu tal-manteniment

L-obbligu ta’ manteniment u l-kalkolu tal-manteniment huma rregolati mill-Artikoli 1871 sa 1880, 1905, 2003 sa 2023 tal-Kodiċi Ċivili.

Il-manteniment irid ikun proporzjonat għall-mezzi tad-debitur tal-manteniment u l-bżonnijiet tal-kreditur tal-manteniment. Fl-istabbiliment tal-manteniment, tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà tal-kreditur tal-manteniment li jmantni lilu nnifsu.

Il-bżonnijiet tal-kreditur tal-manteniment jiddependu mill-fatt jekk huwiex minuri, wild adult li qiegħed jissokta bit-taħriġ jew l-edukazzjoni tiegħu, jew sempliċiment adult. Dawn diġà ssemmew fit-tweġiba għall-mistoqsija 1.

F’dak li jikkonċerna l-mezzi tad-debitur tal-manteniment li għandhom jitqiesu, huwa importanti li wieħed jinnota l-kriterji speċifiċi li jridu jitqiesu, skont jekk il-manteniment huwiex qed jiġi stabbilit għall-ulied minuri jew għall-eks konjuġi.

Il-manteniment għall-ulied minuri

L-obbligu tal-manteniment għall-ulied minuri huma dover fundamentali tal-ġenituri tagħhom. Huwa bbażat direttament fuq l-Artikolu 36(5) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża.

Il-manteniment dovut lill-ulied minuri għandu jkun proporzjonat mal-mezzi tad-debitur tal-manteniment.

Skont il-prinċipju mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja Portugiża (Supremo Tribunal de Justiça), sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ manteniment għall-ulied minuri, il-qorti jeħtiġilha tqis mhux biss il-valur tal-introjtu li attwalment jaqla’ d-debitur, iżda wkoll, b’mod komprensiv u globali, l-istatus soċjali tiegħu, il-kapaċità għax-xogħol, id-dmir li jistinka b’mod attiv għal professjoni li biha jkun jista’ jissodisfa dan id-dmir, u l-firxa tal-assi kollha li għandu.

Il-manteniment għall-eks konjuġi

Fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ manteniment dovut lill-eks konjuġi, il-qorti jeħtiġilha tqis kemm dam iż-żwieġ, il-kontribuzzjoni li saret lejn il-finanzi tal-familja, l-età u l-istat ta’ saħħa tal-konjuġi, il-kwalifiki professjonali tagħhom u l-possibiltajiet ta’ impjieg, iż-żmien li jkollhom jiddedikaw sabiex irabbu lill-ulied komuni tagħhom, il-qligħ u l-introjtu tagħhom, iż-żwieġ mill-ġdid jew koabitazzjoni u, b’mod ġenerali, iċ-ċirkostanzi kollha li jaffettwaw il-bżonnijiet tal-konjuġi li qiegħed jirċievi l-manteniment u l-possibiltajiet tad-debitur tal-manteniment.

Skont il-biċċa l-kbira tal-ġurisprudenza nazzjonali, il-konjuġi li huwa kreditur tal-manteniment ma għandux dritt jitlob li jinżamm il-livell ta’ għajxien li kien igawdi minnu matul iż-żwieġ.

Meta jsir dovut il-manteniment

Il-manteniment stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja huwa dovut mid-data li fiha tinbeda l-azzjoni. Il-manteniment maqbul bejn il-partijiet u approvat b’deċiżjoni tal-qorti jew tar-Reġistratur huwa dovut mid-data li fiha d-debitur jinstab inadempjenti. Id-debitur jitqies inadempjenti fid-data stabbilita għall-ħlas jew, fin-nuqqas, meta jintalab iħallas. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet msemmija qabel, il-liġi Portugiża ma tipprovdix għad-determinazzjoni ta’ manteniment retroattiv.

Aġġustament tal-manteniment li jkun ġie stabbilit

Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi wara li jkun ġie stabbilit il-manteniment, dan jista’ jiġi emendat jew terminat.

Jekk ma jkunx hemm pendenti eżekuzzjoni speċjali għall-manteniment, ir-rikors sabiex jiġi emendat jew terminat jitressaq flimkien mal-azzjoni ta’ kundanna. Jekk hemm pendenti eżekuzzjoni speċjali għall-manteniment, ir-rikors sabiex jiġi emendat jew terminat il-manteniment jingħaqad mal-proċedura għall-eżekuzzjoni.

Id-debitur tal-manteniment jista’ jitlob li jitnaqqas jew jintemm il-manteniment jekk, pereżempju, hemm tnaqqis fil-mezzi finanzjarji tiegħu, titjib f’dawk tal-kreditur tal-manteniment, il-kreditur tal-manteniment jsir adult jew jista’ jikkontribwixxi għas-sussistenza tiegħu stess.

Il-kreditur tal-manteniment jista’ jitlob li jiżdied il-manteniment jekk, pereżempju, is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu tmur għall-agħar, iċ-ċirkostanzi tal-familja tiegħu tinbidel, il-bżonnijiet tiegħu jiżdiedu, l-għoli tal-ħajja jiżdied u din iż-żieda tista’ u għandha tiġi appoġġata mid-debitur tal-manteniment (għaliex, pereżempju, is-salarju tiegħu żdied ukoll).

Aġġornament awtomatiku

Sabiex wieħed ilaħħaq maż-żieda fl-għoli tal-ħajja, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-manteniment tista’ tipprovdi li l-ammont determinat għandu jiġi aġġornat awtomatikament b’mod regolari (normalment kull sena).

Dan l-aġġornament jista’ jkun ibbażat fuq iż-żieda fir-rata tal-inflazzjoni ppubblikata kull sena mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika (Instituto Nacional de Estatística) jew b’żieda ta’ ċerta rata tal-imgħax indikata mill-qorti. Tista’ tikkonsisti wkoll, madankollu, f’żieda annwali fissa ta’ ċertu ammont kif stipulat fid-deċiżjoni.

L-imħallef huwa responsabbli għad-determinazzjoni ta’ dan l-aġġornament awtomatiku u sabiex jagħżel il-mezzi xierqa sabiex jintlaħaq, skont id-diskrezzjoni tiegħu. L-aġġornament awtomatiku jista’ jiġi determinat ukoll permezz ta’ ftehim approvat bejn il-partijiet.

Il-manteniment proviżorju

Minbarra l-manteniment definittiv, jista’ jingħata wkoll manteniment proviżorju.

Jekk ma jkunx għadu ġie stabbilit manteniment definittiv, il-qorti tista’, fuq talba tal-kreditur tal-manteniment jew ex officio, jekk dan tal-aħħar ikun minuri, tordna manteniment proviżorju li jiġi ddeterminat fid-diskrezzjoni tal-qorti. Il-manteniment proviżorju qatt ma jiġi rifjutat. Dan huwa dovut waqt li huma pendenti l-proċedimenti prinċipali li se jiddeterminaw il-manteniment definittiv. Il-manteniment definittiv huwa dovut malli jiġi stabbilit.

F’każ li huma pendenti proċedimenti kontenzjużi ta’ divorzju, l-imħallef jista’ jordna manteniment proviżorju għal wieħed mill-konjuġi jew għall-ulied minuti waqt li għadhom pendenti l-proċedimenti. Waqt li huma pendenti proċedimenti għar-regolament tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-imħallef jista’ jordna manteniment proviżorju għat-tfal minuri. Fil-każijiet imsemmija hawn fuq, il-manteniment proviżorju jista’ jiġi stabbilit waqt seduta ta’ smigħ matul il-proċedimenti nfushom.

Alternattivament, il-manteniment proviżorju jista’ jiġi stabbilit fi proċedimenti interim li jingħaqdu mal-proċedimenti prinċipali li fihom se jiġi stabbilit il-manteniment definittiv.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment jitħallas skont it-termini u lill-persuna indikata fid-deċiżjoni tal-qorti jew fil-ftehim tal-partijiet approvat mill-qorti.

Bħala regola, jekk il-benefiċjarju jkun adult b’kapaċità legali, jew wild minuri emanċipat, il-manteniment jitħallas lilu direttament.

Jekk ikun adult b’inkapaċità legali, il-manteniment jitħallas lill-persuna li għandha l-obbligu legali li teżerċita d-drittijiet finanzjarji f’ismu (kuratur, fiduċjarju jew amministratur ġudizzjarju tal-proprjetà); anke istituzzjoni tista’ tirċievi l-manteniment.

Jekk il-benefiċjarju jkun minuri, il-manteniment jitħallas lill-persuna li jkollha l-kustodja, li tista’ tkun wieħed mill-ġenituri, membru ieħor tal-familja, terzi (familja tar-rispett) jew id-direttur ta’ istituzzjoni li ġiet fdata bil-minuri.

Il-liġi ma timponix metodi fissi ta’ pagament u l-partijiet jistgħu jaqblu dwar kif għandu jsir il-pagament. Jekk ma jkunx hemm qbil, il-qrati jiddeċiedu dwar l-aktar metodu prattiku u kosteffettiv għall-persuna li qed tħallas jew li qed tirċievi l-manteniment.

Ġeneralment, il-pagament fix-xahar tal-manteniment jitħallas fi flus u jrid jasal għand il-kreditur fil-bidu tax-xahar ikkonċernat.

Il-ħin u l-post tal-ħlas jiġu stabbiliti fil-ftehim jew fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-manteniment. Jekk dawn ma ġewx stabbiliti, japplikaw ir-regoli addizzjonali tal-Kodiċi Ċivili f’dak ir-rigward. Dawn ir-regoli jipprovdu, fil-prinċipju, li fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni:

  • il-manteniment li jitħallas fi flus għandu jitħallas fejn jgħix il-kreditur meta jkun dovut il-ħlas;
  • billi l-pagamenti jikkorrispondu għax-xhur tal-kalendarju Gregorjan, il-kreditur jista’ jitlob il-pagament f’kull ħin mill-ewwel ġurnata tax-xahar ikkonċernat.

L-aktar metodi komuni huma trasferiment bankarju, depożitu f’kont miftuħ il-bank, il-konsenja ta’ ordni postali jew ċekk, jew il-konsenja personali ta’ flus kontanti.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

F’każ li d-debitur tal-manteniment ma jħallasx, il-kreditur tal-manteniment jista’ jitlob miżuri ta’ eżekuzzjoni ċivili u kriminali.

Miżuri ta’ eżekuzzjoni ċivili

Is-seduta ta’ qabel l-eżekuzzjoni

F’każ ta’ manteniment tal-ulied minuri, stabbilit fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tal-manteniment jew fil-proċedimenti sabiex tiġi rregolata r-responsabbiltà tal-ġenituri, il-liġi tagħmel disponibbli seduta ta’ qabel l-eżekuzzjoni għall-kreditur tal-manteniment.

Il-benefiċjarju tal-manteniment tal-ulied minuri jista’ jitlob seduta ta’ qabel l-eżekuzzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 48 tar-Reġim Ġenerali tal-Proċedura għall-Kustodja Ċivili (Regime Geral do Processo Tutelar Cível), jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: Ikun hemm nuqqas ta’ konformità jew ħlas tardiv tal-ħlas tal-manteniment; id-debitur tal-manteniment jirċievi dħul regolari minn impjieg, pensjoni, sussidji, kummissjonijiet, perċentwali, tariffi, bonuses, kontribuzzjonijiet jew dħul simili.

Ir-rikors jingħaqad mal-proċedimenti sabiex jiġi regolat l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew il-proċedimenti għall-manteniment tal-ulied minuri, li jinstemgħu quddiem il-qorti. Id-debitur tal-manteniment jiġi notifikat sabiex iħallas il-manteniment fi żmien għaxart ijiem mid-data meta jsir pagabbli. Jekk id-debitur tal-manteniment jonqos milli jehmeż evidenza dokumentata tal-pagament, il-pagamenti tal-manteniment jiġu mnaqqsa fuq bażi mensili mill-paga, salarju, pensjoni, sussidji jew introjtu ieħor li jirċievi. Għal dan il-għan, l-entità responsabbli għall-pagament tiġi notifikata sabiex tipproċessa t-tnaqqis fix-xahar u tiddepożitahom direttament fil-kont tal-bank indikat tal-kreditur tal-manteniment. L-ammonti mnaqqsa jkopru wkoll il-pagamenti ta’ manteniment li jsiru dovuti.

Kif jiġu notifikati, il-persuni jew l-entitajiet kollha li huma responsabbli għall-ipproċessar jew il-ħlas tal-introjtu msemmi jidħlu fl-irwol ta’ depożitarji approvati tal-ammonti mnaqqsa bħala manteniment. B’riżultat ta’ dan, jekk jonqsu milli jnaqqsu l-ammont hekk maqbul, issir eżekuzzjoni kontrihom bħala parti mill-proċedimenti pendenti.

L-ammonti mnaqqsa ma jkoprux il-manteniment li jkun laħaq sar dovut qabel in-notifika lid-debitur tal-manteniment sabiex iħallas. Madankollu, il-pagamenti tal-manteniment li jsiru dovuti huma koperti. Sabiex jiġi rkuprat il-manteniment li sar dovut qabel in-notifika stabbilita f’din is-seduta, il-kreditur tal-manteniment irid jiftaħ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. B’hekk, meta l-manteniment ikun dovut lill-ulied minuri, xejn ma jżomm lis-sellief milli jiftaħ fl-istess ħin seduti ta’ qabel l-eżekuzzjoni (għall-ħlas ta’ ammonti li jkunu saru dovuti) u eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment (għall-ħlas ta’ ammonti li jkunu ilhom dovuti).

Ma huwiex meħtieġ li tintuża seduta ta’ qabel l-eżekuzzjoni qabel wieħed jagħżel li jmur għall-eżekuzzjoni. Hija biss alternattiva għall-eżekuzzjoni. Il-kontestazzjoni ma hijiex permessa, iżda min-naħa l-oħra, il-kreditur tal-manteniment għandu mezzi iktar limitati disponibbli għalih milli fl-eżekuzzjoni, għaliex il-kreditur tal-manteniment jista’ jitlob biss tnaqqis mis-salarji, pagi, pensjonijiet, sussidji jew introjtu perjodiku simili ieħor (ma jistax jitlob il-qbid ta’ proprjetà, depożiti jew drittijiet ta’ kreditu).

Jekk il-manteniment ikun dovut lill-minuri, il-kreditur tal-manteniment jista’, alternattivament, jiftaħ biss proċedimenti speċjali għall-manteniment, kif stabbilit fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. B’hekk, b’azzjoni waħda, jista’ jirkupra l-ammont totali li huwa dovut jew li daqt irid jitħallas. F’azzjoni ta’ eżekuzzjoni, il-kreditur tal-manteniment jista’ juża mezzi usa’ ta’ eżekuzzjoni bħall-qbid u r-rahan tal-introjtu. Il-proċess involut f’dawn il-proċedimenti huwa spjegat iktar ’il quddiem.

Is-seduta minħabba inadempjenza

Fil-każ ta’ manteniment tal-wild minuri stabbilit fi proċedimenti sabiex tiġi rregolata r-responsabbiltà tal-ġenituri, il-liġi tagħmel wkoll seduta ta’ inadempjenza disponibbli għall-kreditur tal-manteniment kif previst fl-Artikolu 41 tar- Reġim Ġenerali tal-Proċedura tal-Kustodja Ċivili (Regime Geral do Processo Tutelar).

Din is-seduta għandha bħala l-għan li l-kreditur jitlob lill-qorti tordna l-passi neċessarji sabiex tiġi infurzata l-konformità u sabiex min ikun baqa’ inadempjenti jiġi kkundannat iħallas multa. Ladarba t-talba tingħaqad mal-proċedimenti, il-qorti tħarrek lill-ġenituri sabiex jidhru għal laqgħa jew tinnotifika lill-intimat sabiex jittratta kif xieraq fi żmien ħamest ijiem.

Il-ġenituri jistgħu jaqblu dwar l-emendi għar-reġim stabbilit. Jekk ma jaqblux, l-imħallef jiddeċiedi b’mod proviżorju fuq it-talba u jirreferi lill-partijiet għall-medjazzjoni jew għal seduta teknika speċjalizzata. Jekk jibqa’ jkun impossibbli li jintlaħaq ftehim, il-ġenituri jiġu nnotifikati sabiex jippreżentaw is-sottomissjonijiet u jitolbu l-provi. Dan huwa segwit mill-istadju tal-provi, mill-proċess u mis-sentenza.

L-eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment

Fi kwalunkwe każ meta jkun hemm dewmien fil-ħlas tal-manteniment, il-kreditur tal-manteniment jista’ jibda proċedimenti ta’ eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment f’konformità mal-Artikoli 933 sa 937 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Din ir-regola tapplika kemm meta l-manteniment ikun dovut lill-ulied minuri kif ukoll meta jkun dovut lill-adulti, u kemm jekk il-manteniment ikun definittiv jew proviżorju.

F’eżekuzzjoni speċjali tal-manteniment, ir-rikorrent jista’ jitlob: l-għoti ta’ proporzjon tal-ammonti, is-salarji jew il-pensjonijiet li tirċievi l-parti l-oħra; jew ċessjoni tal-introjtu tad-debitur tal-manteniment.

L-għoti jew ir-rahan iseħħ indipendentement mill-qbid u huwa intiż li jkopri l-ħlas ta’ ammonti tardivi jew ammonti li se jkunu dovuti.

Meta r-rikorrent jitlob l-għoti ta’ ammonti, salarji jew pensjonijiet, il-korp responsabbli mill-ħlas tagħhom jew mill-ipproċessar tal-ħlasijiet rispettivi jiġi nnotifikat li għandu jħallas il-parti mogħtija direttament lir-rikorrent. L-ammont mogħti jrid jiġi ddepożitat kull xahar fil-kont bankarju tar-rikorrent, li għandu jagħti n-numru tal-kont fir-rikors promotur.

Jekk il-petizzjonant jitlob ċessjoni tal-introjtu, huwa jeħtieġlu jindika l-proprjetà li għaliha japplika u l-aġent ta’ eżekuzzjoni jordna ċ-ċessjoni tal-proprjetà meqjusa bħala biżżejjed sabiex tkopri l-manteniment dovut u li se jsir dovut. Għal dan il-għan jista’ jinstema’ l-intimat.

Jekk, ladarba tkun saret iċ-ċessjoni, jirriżulta li l-introjtu suġġett għaċ-ċessjoni huwa insuffiċjenti, il-petizzjonant jista’ jindika proprjetà oħra. Jekk, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-introjtu huwa eċċessiv, il-petizzjonant huwa obbligat li jrodd lura l-ammont żejjed lill-intimat, kif u meta jasallu l-ammont żejjed. L-intimat jista’ jitlob ukoll li ċ-ċessjoni tkun limitat għal parti mill-proprjetà jew tiġi ttrasferita fuq proprjetà oħra.

L-ammonti aġġudikati jew il-valur taċ-ċessjoni fuq l-introjtu għandhom ikunu suffiċjenti sabiex ikopru l-pagamenti dovuti, l-imgħax fuq l-arretrati meta l-kreditur tal-manteniment jitlobhom, il-pagamenti li qegħdin isiru dovuti u l-aġġornamenti awtomatiċi, jekk dawn ikunu ġew stabbiliti.

Il-kreditur tal-manteniment jista’ xorta jitlob il-qbid tal-proprjetà tad-debitur tal-manteniment. Il-qbid jista’ jinvolvi l-proprjetà mobbli jew immobbli, id-depożiti bankarji, id-drittijiet ta’ kreditu, l-istabbiliment kummerċjali jew l-ishma ta’ kumpaniji.

Jekk il-proprjetà maqbuda tinbiegħ sabiex jitħallas dejn ta’ manteniment, ir-restituzzjoni tal-ammont żejjed lid-debitur tal-manteniment ma għandhiex tiġi ordnata sakemm ma jkunx aċċertat il-ħlas tal-manteniment li se jkun dovut sa fejn l-imħallef iqis li huwa xieraq, ħlief jekk jingħata titolu ta’ sigurtà jew xi garanzija xierqa oħra.

Id-debitur tal-manteniment għandu jiġi mħarrek biss wara li jkun seħħ il-qbid/l-għoti/ir-rahan tal-introjtu. L-oppożizzjoni tad-debitur tal-manteniment għall-eżekuzzjoni jew għall-qbid ma tissospendix l-eżekuzzjoni.

F’każ ta’ talba sabiex il-ħlasijiet tal-manteniment ikunu emendati jew itterminati filwaqt li tkun għadha pendenti eżekuzzjoni speċjali, it-talba għal emenda jew terminazzjoni tingħaqad mal-eżekuzzjoni.

L-Ordni Ewropew ta’ Infurzar

F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ ftehim ta’ manteniment li joriġina minn strument awtentiku mwettaq quddiem awtoritajiet amministrattivi, jew strument awtentikat minn dawn l-awtoritajiet, fi Stat Membru li mhux marbut mill-Protokoll ta’ The Hague tal-2007, il-kreditur tal-manteniment jista’ jinvoka r-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jipprevedi Ordni Ewropew ta’ Infurzar (l-Artikolu 4(3)(b) tal-imsemmi Regolament u l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008).

Miżuri ta’ eżekuzzjoni kriminali

L-Artikolu 250 tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi għal u jikkundanna r-reat ta’ ksur tal-obbligi ta’ manteniment b’sentenza ta’ priġunerija ta’ bejn xahar u sentejn jew multa sa massimu ta’ 240 ġurnata, skont il-każijiet li hemm indikati.

Il-proċedimenti kriminali jeħtieġu kwerela sabiex jinbdew.

Jekk l-obbligu mbagħad jiġi ssodisfat, il-qorti tista’ tirrinunzja s-sentenza jew tiddikjara li s-sentenza li tkun għadha ma ġietx innotifikata tiġi kkanċellata, kompletament jew parzjalment.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Ir-regoli applikabbli għas-sekwestru ta’ assi jew ta’ drittijiet u l-limiti u r-raġunijiet rispettivi għall-oppożizzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 735 sa 783 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Fil-prinċipju, l-assi kollha tad-debitur li jistgħu jinqabdu u li jkunu suġġetti għad-dejn tal-eżekuzzjoni f’konformità mal-liġi sostantiva jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni. Il-qbid huwa limitat għall-assi meħtieġa sabiex jitħallsu d-dejn soġġett tal-eżekuzzjoni u l-ispejjeż previsti għall-eżekuzzjoni.

Barra minn hekk, il-liġi tistabbilixxi wkoll il-valuri massimi għall-qbid u l-perjodi ta’ preskrizzjoni fuq l-obbligi ta’ manteniment imsemmija hawn taħt.

Limiti fuq il-qbid

Hemm ċerti tipi ta’ proprjetà li ma jistgħux ikunu soġġetti għal qbid taħt l-ebda ċirkostanza (proprjetà li assolutament ma tistax tinqabad), oħrajn li jistgħu jinqabdu biss f’ċerti ċirkostanzi (proprjetà li tista’ tinqabad biss relattivament) u oħrajn li jistgħu jinqabdu biss parzjalment (proprjetà li tista’ tinqabad biss parzjalment).

Assi li ma jistgħux jinqabdu

Minbarra oġġetti eżentati mill-qbid skont dispożizzjoni speċjali, dawn li ġejjin igawdu minn immunità assoluta mill-qbid:

  • drittijiet jew oġġetti inaljenabbli;
  • assi li jkunu proprjetà pubblika tal-Istat u ta’ persuni ġuridiċi pubbliċi oħrajn;
  • oġġetti li l-qbid tagħhom ikun immorali jew ma jkunx finanzjarjament ġustifikat minħabba li l-valur tas-suq tagħhom ikun insinifikanti;
  • oġġetti speċifikament intiżi għall-eżerċizzju ta’ qima pubblika;
  • oqbra;
  • strumenti u oġġetti li huma essenzjali għal dawk b’diżabilità u għal min jieħu ħsieb il-morda.

Assi b’immunità relattiva minn qbid

Il-proprjetà li ġejja tista’ tinqabad biss relattivament:

  • Ħlief meta l-eżekuzzjoni tkun għall-ħlas ta’ dejn b’garanzija in rem, l-assi tal-Istat u ta’ persuni ġuridiċi pubbliċi oħrajn, ta’ entitajiet li jagħmlu xogħlijiet pubbliċi jew konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku, jew ta’ għaqdiet karitevoli li jkunu assenjati għal finijiet ta’ interess pubbliku huma eżenti mill-qbid.
  • L-għodda tax-xogħol tad-debitur tal-manteniment u l-oġġetti essenzjali għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu jew tat-taħriġ professjonali tiegħu wkoll huma eżenti mill-qbid, sakemm id-debitur tal-manteniment ma jindikax li jistgħu jinqabdu, jekk l-eżekuzzjoni tkun għall-ħlas tal-prezz tax-xiri tagħhom jew tal-kost tat-tiswija tagħhom, jew jekk jinqabdu bħala assi tanġibbli fi stabbiliment kummerċjali;
  • Huma wkoll eżenti mill-qbid, l-assi li huma affarijiet tad-dar essenzjali fid-dar proprja tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ħlief jekk l-eżekuzzjoni tkun għall-ħlas tal-oġġetti nfushom jew għall-ispejjeż tat-tiswija tagħhom.

Somom ta’ flus jew depożiti bankarji li jirriżultaw mis-saldu ta’ pretensjoni bl-immunità mill-qbid għandhom l-immunità mill-qbid, bl-istess termini tal-pretensjoni oriġinali.

Meta tiġi rkuprata l-pretensjoni tal-manteniment, japplikaw ir-regoli msemmija hawn fuq dwar il-qbid assolut u relattiv.

Bħala regola, meta tkun ikkonċernata proprjetà parzjalment maqbuda matul l-eżekuzzjoni għall-manteniment, l-ammont li jista’ jinqabad huwa ogħla minn dak indikat fl-eżekuzzjoni fondata fuq pretensjonijiet oħra, kif se jiġi spjegat iktar ’il quddiem.

L-assi li jistgħu jiġu maqbuda parzjalment

Żewġ terzi tas-salarji netti, il-pagi, l-ammonti perjodiċi li jiġu rċevuti bħala pensjoni tal-irtirar jew benefiċċji soċjali oħra, assigurazzjoni, indennizz minħabba inċident, annwalità jew pagamenti ta’ kull tip li jiżguraw is-sussistenza tad-debitur ma jistgħux jinqabdu.

Din l-inabilità ta’ qbid għandha limitu massimu ekwivalenti għal tliet pagi minimi nazzjonali għal kull qbid u limitu minimu, meta d-debitur tal-manteniment ma jkollu l-ebda introjtu ieħor, ekwivalenti għal paga minima nazzjonali. Meta d-dejn pendenti jkun għall-manteniment, ammont ekwivalenti għal pensjoni sħiħa mhux kontributorja ma jistax jinqabad.

Meta jsir qbid ta’ flus jew ta’ bilanċi bankarji, l-ammont ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali ma jistax jinqabad jew, f’każ ta’ obbligi ta’ manteniment, l-ammont ekwivalenti għal pensjoni mhux kontributorja sħiħa.

L-impossibbiltà tal-qbid stabbilita għal salarji, pagi jew pagamenti perjodiċi ma tistax tingħaqad mal-impossibbiltà tal-qbid stabbilita għal flus jew kontijiet bankarji.

Jekk ir-regoli msemmija iktar ’il fuq dwar il-possibbiltà tal-qbid ma jiġux osservati, id-debitur tal-manteniment jista’ jikkontestah.

Perjodi ta’ preskrizzjoni

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet għal manteniment huwa stabbilit fl-Artikoli 303, 310, 313, 314, 320 u 323 tal-Kodiċi Ċivili.

Il-Kodiċi Ċivili Portugiż jistabbilixxi perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ 5 snin għall-ħlasijiet tal-arretrati tal-manteniment (l-Artikolu 310(f) tal-Kodiċi Ċivili). Għalhekk, ħames snin wara d-data ta’ maturità tal-pagamenti ta’ manteniment, id-dritt għal dawk il-pagamenti jiġi preskritt minħabba nuqqas ta’ azzjoni. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott b’taħrika għal proċedimenti legali rigward il-ħlas tal-manteniment. Min-naħa tiegħu, id-debitur tal-manteniment jista’ jirrinunzja għall-preskrizzjoni wara li jiskadi l-perjodu ta’ preskrizzjoni. Peress li huwa perjodu ta’ preskrizzjoni preżunt, dan jista’ jiġi kkonfutat minn ammissjoni espressa jew taċita. Il-qorti ma tistax tagħti terminu ta’ preskrizzjoni ex officio; sabiex ikun effettiv, irid jiġi invokat.

F’każ ta’ manteniment tal-ulied minuri, il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma jibdiex jew ma jiddekorrix waqt li l-wild minuri ma jkollux rappreżentant. Anke jekk il-wild minuri jkollu rappreżentant, il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma jintemmx iktar kmieni minn sena minn meta jilħaq l-età maġġuri.

Il-liġi tal-proċedura ċivili Portugiża ma tistabbilixxix perjodu ta’ preskrizzjoni li wara li jiskadi l-kreditur ma jistax jiftaħ proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-manteniment. Għaldaqstant, il-pagamenti tal-manteniment preskritti jistgħu jkunu soġġetti għall-eżekuzzjoni. F’dan il-każ, il-qorti tista’ ma tkunx konxja, ex officio, mill-preskrizzjoni. Sabiex tkun effettiva, il-preskrizzjoni trid tiġi invokata mid-debitur tal-manteniment, li jista’ jikkontesta l-eżekuzzjoni għal din ir-raġuni.

Oġġezzjoni għall-qbid

L-Artikoli 784 u 785 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxu r-regoli li ġejjin:

L-iskadenza ġenerali għall-kontestazzjoni tal-qbid hija ta’ għaxart ijiem minn meta d-debitur tal-manteniment jiġi nnotifikat bil-qbid. It-terminu ġenerali għall-kontestazzjoni tal-eżekuzzjoni huwa ta’ 20 jum minn meta d-debitur tal-manteniment jiġi mħarrek.

F’każ ta’ eżekuzzjoni speċjali għall-manteniment, id-debitur jiġi mħarrek għall-eżekuzzjoni biss wara li jkun seħħ il-qbid, l-aġġudikazzjoni jew iċ-ċessjoni tal-introjtu. Flimkien mat-taħrika, jiġi notifikat bil-qbid li jkun diġà seħħ.

Fil-każ ta’ seduti ta’ smigħ ta’ qabel l-infurzar fil-qorti tal-minorenni, id-debitur tal-manteniment jiġi nnotifikat qabel ma tiġi ordnata ċ-ċessjoni tal-introjtu iżda ma jistax jippreżenta kontestazzjoni. Huwa jista’ jipprovdi biss evidenza dokumentata tal-pagament.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

F’każ ta’ manteniment tal-wild minuri, il-Prosekutur Pubbliku għandu dritt jiftaħ il-proċedimenti xierqa sabiex jistabbilixxi l-manteniment. Kulħadd jista’ jinnotifika lill-Prosekutur Pubbliku bil-bżonn li jiġi stabbilit jew emendat il-manteniment tal-ulied minuri. Għal dan il-għan, il-Prosekutur pubbliku għandu servizz ta’ front desk f’kull qorti.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Iva, fil-każ ta’ manteniment tal-ulied minuri. Huwa magħruf bħala l-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment dovut lill-Minuri (Fundo de Garantia de Alimentos Devidos a Menores, minn issa l-quddiem magħruf bħala “il-Fond”). Il-Fond huwa ġestit mill-Istitut ta’ Ġestjoni Finanzjarja għas-Servizzi Soċjali IP (Instituto de Gestão Financeira da Segurança Social IP).

Il-garanzija ta’ manteniment għat-tfal hija regolata mil-Liġi 164/99

Il-Fond huwa responsabbli biex jiżgura l-ħlas, sa ċertu punt, tal-manteniment dovut lill-minuri. Il-pagament isir fuq ordni tal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni.

Rekwiżiti

Ir-rekwiżiti sabiex jitħaddem il-Fond ta’ garanzija huma kif ġej:

  • il-wild minuri jeħtieġlu jkun residenti fil-Portugall;
  • il-ħlasijiet tal-manteniment iridu jkunu ġew stabbiliti b’sentenza tal-qorti (id-deċiżjonijiet tar-Reġistratur Ċivili li jistabbilixxu l-manteniment fil-każijiet li għalihom huma responsabbli jipproduċu l-istess effetti bħas-sentenzi legali);
  • id-debitur tal-manteniment jeħtieġlu jkun inadempjenti;
  • is-seduta ta’ qabel l-eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 48 tar-Reġim Ġenerali tal-Proċedura għall-Kustodja Ċivili trid tkun ġiet ippjanata (skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, soġġett għal tibdil, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi sodisfatt ukoll b’rikors li jagħti lok għal seduta minħabba nuqqas ta’ adempjenza tal-manteniment, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tar-Reġim Ġenerali tal-Proċedura għall-Kustodja Ċivili jew proċedimenti speċjali għall-eżekuzzjoni tal-manteniment);
  • l-introjtu gross tal-wild minuri ma jridx jaqbeż il-valur tal-indiċi ta’ appoġġ soċjali (IAS - Indexante dos Apoios Sociais);
  • il-wild minuri jeħtieġ li ma jibbenefikax mill-introjtu ta’ persuna oħra li tkun ingħatat il-kura tagħha li tkun ogħla mill-IAS (dan iseħħ meta l-introjtu per capita tal-unità domestika tal-wild minuri ma jaqbiżx l-IAS).

Fl-2022, meta kienet qed titħejja din l-iskeda informattiva, l-IAS kien ta’ EUR 443.20. L-ammont tal-IAS fil-prinċipju jiġi aġġornat kull sena; il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għandha dejjem tiġi kkonsultata għall-ammont applikabbli.

Il-limiti fuq il-ħlas

Jekk jiġu vverifikati r-rekwiżiti indikati iktar ’il fuq, l-Istat jiggarantixxi pagamenti ta’ manteniment fix-xahar sal-limitu massimu muri iktar ’il quddiem.

Għal kull debitur tal-manteniment, il-pagamenti ta’ manteniment fix-xahar mogħtija ma jistgħux jeċċedu 1 IAS, irrispettivament min-numru ta’ wlied minuri.

Fi ħdan dan il-limitu, il-valur tal-pagamenti li se jiġi garantit mill-Fond irid jiġi stabbilit mill-qorti. Fl-istabbiliment ta’ dan il-valur, il-qorti tqis il-kapaċità ekonomika tal-unità domestika, l-ammont ta’ manteniment stabbilit u l-bżonnijiet speċifiċi tal-wild minuri.

Il-Fond ma jiggarantix pagamenti li ilhom dovuti. Il-pagamenti garantiti mill-Fond huma dovuti mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li matulu ġie stabbilit il-valur garantit b’deċiżjoni tal-qorti.

Il-pagament huwa garantit sakemm id-debitur jibda jħares l-obbligi tiegħu b’mod effettiv.

Il-pagamenti mill-Fond jieqfu meta l-wild minuri jagħlaq 18-il sena.

It-tfal li jkunu ddaħħlu f’istituti ta’ għajnuna soċjali pubbliċi jew privati mingħajr skop ta’ qligħ, iffinanzjati mill-Istat, il-persuni ġuridiċi skont il-liġi pubblika, privata jew utilità pubblika, iċ-ċentri ta’ tutela edukattivi u ċ-ċentri ta’ detenzjoni mhux intitolati għall-pagamenti ta’ manteniment garantiti mill-Fond.

Ipproċessar

Ir-rikorsi sabiex jiġu determinati l-ammonti pagabbli mill-Fond iridu jitressqu quddiem il-qorti matul il-proċedimenti ta’ inadempjenza. Il-Prosekutur Pubbliku jew il-kreditur tal-manteniment huwa responsabbli għall-preżentata tar-rikors.

L-imħallef jordna inkjesta bbażata fuq il-bżonnijiet tal-wild minuri u mbagħad jieħu deċiżjoni sabiex jistabbilixxi l-pagamenti li għandhom isiru mill-Fond skont il-limiti indikati iktar ’il fuq.

F’każijiet fejn il-manteniment ikun dovut b’urġenza, l-imħallef jista’ jistabbilixxi manteniment proviżorju li jiġi garantit mill-Fond sakemm tittieħed deċiżjoni finali.

Il-kreditur tal-manteniment jeħtieġlu jipproduċi prova kull sena li għadu jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jiggarantixxi dawk il-pagamenti mill-Fond, inkella jitwaqqfu.

Ir-rappreżentant legali tal-wild minuri jew il-persuna li għandha l-kustodja għandha l-obbligu tinforma lill-qorti jew lill-Fond bi kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni ta’ inadempjenza jew fis-sitwazzjoni tal-wild minuri jew it-tmiem tagħha.

Il-Fond jiġi surrogat fid-drittijiet tal-wild minuri, sal-limitu li tħallas, sabiex jitlob ir-rimborż mid-debitur tal-manteniment.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Jekk il-kreditur tal-manteniment ikun qiegħed il-Portugall u jixtieq jirkupra l-manteniment fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlu jippreżenta rikors quddiem id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Direcção Geral da Administração da Justiça), li huwa entità pubblika. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix għall-intervent ta’ organizzazzjoni privata għal dawn l-għanijiet.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja huwa l-Awtorità Ċentrali Portugiża għall-għanijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (minn issa ’il quddiem magħruf bħala “ir-Regolament”).

Dan ir-Regolament jiffaċilita l-irkupru transfruntier tal-manteniment. Ir-Regolament japplika għal sentenzi mogħtija fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (magħrufa wkoll bħala “Stat Membru”) u s-sentenzi mogħtija fl-Istati mhux Membri tal-Unjoni Ewropea (magħrufa wkoll bħala “Stat terz”). Japplika mhux biss għad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-manteniment wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, fit-18 ta’ Ġunju 2011, iżda wkoll għal dawk li saru qabel dik id-data. Ikopri l-irkupru tal-manteniment dovut u dak li se jsir dovut, l-aġġornamenti awtomatiċi stabbiliti mid-deċiżjoni u l-imgħax fuq l-arretrati. Skont ir-Regolament, il-manteniment stabbilit b’ordni tal-qorti jew minn deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti oħra jista’ jiġi rkuprat.

Ir-rikors għall-irkupru tal-manteniment fi Stat Membru ieħor jiġi sottomess lid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja billi jimtlew u jiġu mehmuża l-formoli xierqa annessi mar-Regolament. Il-kreditur irid jehmeż ċerti dokumenti u informazzjoni mal-formoli, li jistgħu jkunu, kif xieraq: ċertifikat tas-sentenza jew deċiżjoni li tat lok għal manteniment definittiv flimkien ma’ avviż li d-deċiżjoni/sentenza saret res judicata, li trid tkun il-formola li qiegħda fl-Anness I tar-Regolament; dokument li juri li rċieva jew qiegħed f’pożizzjoni li jirċievi l-għajnuna legali jew proċedimenti mingħajr ħlas; dettalji bankarji fejn jiġu depożitati l-ammonti rkuprati; ċertifikati tat-twelid tat-tfal minuri; ċertifikati ta’ attendenza tal-iskola għat-tfal adulti; il-prokura mogħtija lill-awtorità ċentrali; lista tal-ammonti dovuti.

Il-formola jew formoli li jridu jimtlew u d-dokumenti u l-informazzjoni li jridu jiġu mehmuża mill-kreditur tal-manteniment jinsabu fl-istruzzjonijiet li jistgħu jinkisbu mid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ din l-awtorità huma mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija 14.2.

It-tip ta’ proċedimenti li jistgħu jintalbu mid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja huma spjegati fit-tweġiba għall-mistoqsija 15.4.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità Ċentrali Portugiża huma:

Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Direção-Geral da Administração da Justiça)

D. João II, 1.08.01 D/E

1990–097 LIŻBONA – IL-PORTUGALL

Tel.: (+351) 21 790 65 00

Email: correio.dsjcji@dgaj.mj.pt

Sit web: http://www.dgaj.mj.pt/

Lingwi: Il-Portugiż, l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Ingliż.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Fir-rwol tiegħu bħala l-Awtorità Ċentrali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 imsemmi hawn fuq, id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja se jipprovdi l-appoġġ meħtieġ kif deskritt fit-tweġiba għall-mistoqsija 14.1.

Jekk il-kreditur tal-manteniment qiegħed fi Stat Membru ieħor u jixtieq jitlob l-applikazzjoni ta’ wieħed mill-proċedimenti stipulati fir-Regolament, huwa jeħtieġlu jippreżenta r-rikors lill-awtorità ċentrali maħtura mill-Istat Membru fejn huwa bbażat. Din l-awtorità ċentrali, min-naħa tagħha, tibgħat it-talba lill-awtorità ċentrali Portugiża li tieħu ħsieb tgħaddiha lill-qorti nazzjonali kompetenti, kif xieraq.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Jekk ir-rikorrent ikun qiegħed fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jkun jista’ jikkuntattja lid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn ikun ibbażat ir-rikorrent.

Tista’ tingħata l-għajnuna li ġejja:

Sabiex jiġi rkuprat il-manteniment stabbilit minn deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor, ir-Regolament jipprovdi tliet tipi differenti ta’ regoli:

(i) regoli li japplikaw għal deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru li huwa marbut bil-Protokoll ta’ The Hague tal-2007 (kif inhu fil-każ tal-Portugall);

(ii) regoli li japplikaw għal deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru li mhux marbut bil-Protokoll ta’ The Hague tal-2007;

(iii) regoli li japplikaw għal deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri kollha.

Id-deċiżjonijiet previsti (i):

  • jiġu rikonoxxuti fl-Istat Membru rikjest mingħajr il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni;
  • jibbenefikaw mit-tneħħija ta’ exequatur; huma eżegwibbli immedjatament fl-Istat Membru rikjest;
  • jawtorizzaw lill-kreditur tal-manteniment iressaq miżuri kawtelatorji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru rikjest.

Id-deċiżjonijiet stabbiliti fit-taqsima msemmija f’(ii):

  • jiġu rikonoxxuti fl-Istat Membru rikjest sakemm ma tiġix pruvata waħda mir-raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent stabbilita fir-Regolament;
  • jekk huma eżegwibbli fl-Istat Membru tal-oriġini, il-kreditur tal-manteniment jista’ jitlob lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest sabiex jirrikonoxxu l-eżegwibbiltà tiegħu f’konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament;
  • ir-rikonoxximent tal-eżegwibbiltà jgħodd biss għal parti mid-deċiżjoni.

Id-deċiżjonijiet stabbiliti fit-taqsima msemmija fi (iii):

  • jistgħu jiġu eżegwiti proviżorjament jekk l-Istat Membru tal-oriġini jiddikjara li appell kontra d-deċiżjoni se jkollu effett mhux sospensiv.
  • jekk il-kreditur tal-manteniment jinvoka d-deċiżjoni fl-Istat Membru rikjest, huwa jeħtieġlu juri l-awtentiċità tagħha billi jimla l-formoli u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament;
  • fejn meħtieġ, il-kreditur tal-manteniment jeħtieġlu jehmeż traduzzjoni tad-deċiżjoni;
  • l-eżekuzzjoni tas-sentenza sseħħ skont il-liġi tal-Istat Membru rikjest;
  • taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ tiġi riveduta sentenza fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru rikjest;
  • il-kostijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament ma jieħdux preċedenza fuq l-irkupru tal-manteniment dovut.

Ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri li huma disponibbli għall-kredituri tal-manteniment fl-Artikolu 56. F’ċerti każijiet, dawn il-proċeduri ma jkoprux biss id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri iżda d-deċiżjonijiet ta’ Stati terzi wkoll.

B’mod speċifiku, il-kreditur tal-manteniment jista’:

  • jitlob mingħand Stat Membru r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor;
  • jibda azzjoni għall-manteniment fl-Istat Membru rikjest;
  • jgħaqqad rikors sabiex tiġi determinata l-parentela flimkien ma’ din l-azzjoni;
  • jibda azzjoni għall-istabbiliment tal-manteniment fl-Istat Membru rikjest fejn jirriżulta impossibbli li jikseb ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor;
  • jitlob modifika f’sentenza mogħtija fl-Istat Membru rikjest;
  • jitlob modifika f’sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru rikjest.

Dawn il-proċeduri huwa regolati mil-liġi u r-regoli tal-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru rikjest, ħlief jekk ikun hemm arranġamenti oħra stabbiliti fir-Regolament. F’dawn il-każijiet, il-kreditur tal-manteniment jiġi megħjun u rappreżentat mill-awtorità ċentrali jew awtorità pubblika, korp jew persuna oħra maħtura mill-Istat Membru rikjest.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva, l-Portugall huwa marbut bil-Protokoll ta’ The Hague tal-2007. B’hekk, ir-regoli li ġejjin tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 japplikaw għas-sentenzi dwar il-manteniment mogħtija fil-Portugall: l-Artikoli 8, 13 u 17 sa 22.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija nulla minħabba t-tweġiba fl-affermattiv għall-mistoqsija preċedenti.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Il-liġi nazzjonali Portugiża – il-Liġi Nru 34/2004 – tinkludi regoli li jipprovdu għajnuna legali komparabbli għal dik stabbilita fil-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008.

F’dak li jikkonċerna l-persuni fiżiċi, dawn li ġejjin għandhom dritt għall-għajnuna legali, sakemm jistgħu jipproduċu prova ta’ diffikultà finanzjarja:

  • Ċittadini Portugiżi u ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
  • Barranin u persuni mingħajr Stat b’permess ta’ residenza validu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
  • Barranin mingħajr permess ta’ residenza validu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea – jekk il-liġijiet tal-pajjiżi tal-oriġini tagħhom jagħtu l-istess dritt lil ċittadini Portugiżi.
  • Persuni li jgħixu jew jirrisjedu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea differenti mill-Istat Membru fejn ikunu se jsiru l-proċedimenti (tilwim transfruntier).

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għall-applikazzjoni tal-kriterji li ġejjin għall-valutazzjoni tad-diffikultà finanzjarja ta’ persuni fiżiċi:

  • l-applikanti li l-unità domestika tagħhom għandha introjtu rilevanti għall-iskopijiet tal-għajnuna legali ndaqs għal jew inqas minn tliet kwarti tar-rata ta’ referenza għall-għajnuna soċjali ma humiex f’pożizzjoni li jħallsu ammonti marbuta mal-ispejjeż tal-proċess u jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll mill-assenjazzjoni ta’ aġent għall-eżekuzzjoni u konsulenza legali b’xejn;
  • l-applikanti li l-unità domestika tagħhom għandha introjtu rilevanti għall-għanijiet tal-għajnuna legali ta’ iktar minn tliet kwarti u ndaqs għal jew inqas minn darbtejn u nofs ir-rata ta’ referenza għall-għajnuna soċjali huma f’pożizzjoni li jħallsu l-kostijiet tal-konsulenza legali soġġetta għal ħlas minn qabel ta’ tariffa, iżda ma humiex f’pożizzjoni li jħallsu fil-pront l-ispejjeż tal-proċedimenti u għalhekk, jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-forma ta’ pagament bin-nifs u l-assenjazzjoni ta’ aġent għall-eżekuzzjoni;
  • l-applikanti li l-unità domestika tagħhom għandha dħul rilevanti għall-għanijiet tal-għajnuna legali ta’ aktar minn darbtejn u nofs ir-rata ta’ referenza għall-għajnuna soċjali ma jiġux ikkunsidrati ekonomikament insuffiċjenti;
  • l-introjtu rilevanti għall-għanijiet tal-għajnuna legali huwa l-ammont li jirriżulta mid-differenza bejn il-valur tad-dħul kollu nett tal-unità domestika u l-valur tat-tnaqqis rilevanti għall-għajnuna legali (il-kriterji għall-kalkolu ta’ dawn il-valuri huma stabbiliti mil-liġi);
  • persuni li jgħixu fl-istess unità domestika mal-applikant għall-għajnuna legali jitqiesu li jappartjenu għall-istess unità domestika;
  • jekk l-applikant jew xi membru tal-unità domestika tiegħu jkollu depożiti bankarji u titoli ammessi għan-negozjar fuq suq regolat b’ammont li huwa 24 darba iktar mir-rata ta’ referenza għall-għajnuna soċjali, jiġi meqjus li l-applikant ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja, irrispettivament mill-valur tal-introjtu rilevanti tal-unità domestika għall-finijiet tal-għajnuna legali;
  • l-applikant jista’ jitlob, b’mod eċċezzjonali u għal raġuni valida, illi l-valutazzjoni tad-diffikultà finanzjarja tieħu inkonsiderazzjoni biss l-introjtu, l-assi u l-kostijiet kurrenti tiegħu jew dawk ta’ wħud mill-membri tal-unità domestika tiegħu;
  • f’każ ta’ tilwim ma’ membru jew iktar tal-unità domestika, il-valutazzjoni tad-diffikultà finanzjarja tieħu inkonsiderazzjoni biss l-introjtu, l-assi u l-kostijiet kurrenti tal-applikant jew tal-applikant u xi membri tal-unità domestika tiegħu, jekk hekk jitlob l-applikant;
  • jekk, f’każ speċifiku, il-kap tas-servizzi tas-sigurtà soċjali li jkun inkarigat bid-deċiżjoni li jagħti l-għajnuna legali jifhem illi l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafi preċedenti jwasslu għal ċaħda manifesta ta’ aċċess għall-ġustizzja u għall-qrati huwa jista’, b’ordni mmotivata, jieħu deċiżjoni li hija differenti minn dik li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji msemmija iktar ’il quddiem.

Il-parir legali jippermetti lill-parti tikkonsulta avukat sabiex tikseb informazzjoni teknika dwar tilwima speċifika qabel ma tiftaħ jew tikkontesta azzjoni ġudizzjarja.

L-għajnuna legali, min-naħa l-oħra, tista’ tingħata bit-termini li ġejjin:

  • eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti u minn spejjeż oħra relatati mal-kawża;
  • il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża, f’pagamenti parzjali;
  • il-ħatra ta’ konsulent legali u l-ħlas tat-tariffi tiegħu;
  • il-ħatra ta’ konsulent legali u l-ħlas bin-nifs tat-tariffi tiegħu.
  • assenjazzjoni ta’ aġent għall-eżekuzzjoni sabiex iwettaq il-miżuri ta’ eżekuzzjoni (pereżempju, qbid).

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż speċifiċi li jirriżultaw min-natura transfruntiera tat-tilwim.

Għalhekk, f’każ ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali mingħand ċittadin ta’ Stat Membru ieħor għal azzjoni li fuqha għandhom ġuriżdizzjoni l-qrati Portugiżi, l-għajnuna legali tinkludi l-kostijiet tat-traduzzjoni, l-interpretar u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-persuni li jridu jidhru l-qorti meta l-preżenza tagħhom hija mitluba u/jew il-Qorti tqis li ma hemmx mod ieħor kif jinstemgħu.

F’każ ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali mitluba minn ċittadin Portugiż sabiex jiftaħ kawża li fuqha għandhom ġuriżdizzjoni l-qrati ta’ Stat Membru ieħor, l-għajnuna legali tkopri l-appoġġ ta’ qabel il-litigazzjoni, sakemm jinfetħu l-proċedimenti fi Stat Membru ieħor, u l-ispejjeż tat-traduzzjoni tar-rikorsi u d-dokumenti l-oħra.

Jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jitlef l-azzjoni, is-sistema għar-rimborż tal-pagamenti u l-ispejjeż imħallsa bil-quddiem mill-parti r-rebbieħa hija l-istess għall-kategoriji kollha tal-benefiċjarji individwali indikati hawn fuq, mingħajr diskriminazzjoni bejniethom.

Madankollu, jeżistu regoli fil-liġi nazzjonali li jipprovdu għajnuna legali inqas estensiva minn dik prevista fil-Kapitolu V tar-Regolament u għalhekk din trid tiġi kumpensata b’dan il-mod.

Fil-Portugal, il-minuri huma eżenti mit-tariffi meta jiġu rappreżentati mill-Prosekutur Pubbliku jew minn avukat maħtur mill-qorti.

Il-minuri jew ir-rappreżentanti legali tagħhom huma wkoll eżenti mill-ispejjeż fl-appelli kontra deċiżjonijiet marbuta mar-rikors, għall-aġġustament jew it-terminazzjoni tal-manteniment, mogħtija fi proċedimenti quddiem il-qorti tal-minuri.

Il-partijiet fi proċedimenti quddiem il-qorti tal-minuri u l-azzjonijiet kontra l-istatus ta’ persuna huma eżenti mill-ħlas bil-quddiem tat-tariffi tal-qorti. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-età maġġuri tintlaħaq fl-età ta’ 18-il sena.

Madankollu, il-ħlas bil-quddiem tat-tariffi tal-qorti ma jistax jintalab fi proċedimenti quddiem qrati Portugiżi u li għalihom japplika r-Regolament. Dan ikun il-każ fejn il-proċedimenti jikkonċernaw ulied minuri jew adulti, irrispettivament mill-forma tal-proċess u minn jekk hemmx sovrapożizzjoni bejn it-talba għall-manteniment u t-talba dwar l-istatus tal-persuni (l-Artikolu 44 tar-Regolament).

F’dawn il-proċedimenti, jekk l-applikant ma jikkwalifikax għal għajnuna legali jew għal proċedimenti mingħajr ħlas, it-tariffa tal-qorti tista’ tintalab fl-aħħar. Barra minn hekk, il-proċedimenti stabbiliti fl-Artikolu 56 tar-Regolament, f’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligu tal-ġenituri li jipprovdu manteniment għal wild ta’ anqas minn 21 sena (l-Artikolu 46 tar-Regolament) iridu jkunu kompletament mingħajr ħlas.

Ir-regoli msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament huma direttament applikabbli u jestendu, internament, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna legali mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Skont l-imsemmi Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008, id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, bħala l-awtorità ċentrali Portugiża, joffri assistenza f’dawk il-proċedimenti stabbiliti fir-Regolament u jadotta l-miżuri xierqa kollha għal dak il-għan.

B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli sabiex:

  • jibgħat u jirċievi tali talbiet;
  • jibda jew jiffaċilita l-ftuħ ta’ proċedimenti fil-qorti kompetenti;
  • meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, jagħti jew jiffaċilita l-għoti tal-għajnuna legali;
  • jgħin sabiex jinstab id-debitur;
  • jgħin sabiex tinkiseb informazzjoni rilevanti dwar l-introjtu u l-assi tad-debitur;
  • jinkoraġġixxu soluzzjonijiet amikevoli bil-ħsieb li jinkiseb ħlas volontarju ta’ manteniment, fejn xieraq bl-użu ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew proċessi simili;
  • jiffaċilita l-eżekuzzjoni pendenti ta’ deċiżjonijiet ta’ manteniment, inklużi l-arretrati kollha;
  • jiffaċilita l-ġbir u t-trasferiment rapidu ta’ pagamenti ta’ manteniment;
  • jiffaċilita l-kisba ta’ evidenza dokumentarja jew evidenza oħra;
  • jipprovdi assistenza sabiex tiġi stabbilita l-filjazzjoni, fejn meħtieġ, għall-irkupru tal-manteniment;
  • jibda jew jiffaċilita l-ftuħ ta’ proċedimenti sabiex jinkisbu l-miżuri proviżorji meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-eżitu finali ta’ rikors pendenti għall-manteniment;
  • jiffaċilita n-notifika tad-dokumenti.

Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, l-Istat Portugiż, u b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, bħala l-awtorità ċentrali, adotta dawn il-miżuri:

  • it-tisħiħ tan-numru ta’ persunal legali u amministrattiv sabiex jirċievi u jittrażmetti l-ordnijiet magħmula skont ir-Regolament;
  • issa huwa disponibbli medjatur tal-familja;
  • it-twaqqif ta’ żona fuq is-sit web tiegħu ddedikata esklużivament għall-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali, fejn ikun hemm informazzjoni dwar l-obbligi ta’ manteniment, struzzjonijiet dwar id-dokumenti u l-formoli meħtieġa sabiex jinfetħu proċedimenti stabbiliti fir-Regolament u sabiex timtela formola standard li tispeċifika l-ammont tal-arretrati;
  • meta mitlub jagħmel hekk, jibgħat ir-rikors għall-għajnuna legali lill-awtoritajiet kompetenti għal dan il-għan;
  • jibgħat ir-rikorsi lill-qrati nazzjonali kompetenti;
  • jittraduċi d-dokumenti meħtieġa għall-preżentata ta’ pretensjonijiet meta l-Portugall ikun l-Istat rikjest;
  • jitlob informazzjoni u provi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-pulizija, amministrattivi u tat-taxxi u mill-awtoritajiet għall-Immigrazzjoni u l-Kontroll tal-Fruntieri dwar fejn jinsabu d-debitur tal-manteniment u l-proprjetà tiegħu;
  • fir-rigward tal-konċiljazzjoni, meta d-debitur tal-manteniment jiġi mħarrek sabiex jidher jew jagħmel kuntatt mal-awtorità ċentrali, dan jiġi mgħarraf bir-rikors għall-istabbiliment, l-emenda jew l-irkupru tal-manteniment u ppreżentat b’possibilitajiet differenti, partikolarment dawk li huma tal-aktar ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet, sabiex jiġi mħeġġeġ il-ħlas volontarju.

Avviż

Il-Punt ta’ Kuntatt, il-qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħra ma humiex marbuta bl-informazzjoni f’din l-iskeda informattiva. Għadu meħtieġ ukoll li jinqraw it-testi legali fis-seħħ. Dawn huma suġġetti għal aġġornamenti regolari u għal żviluppi fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 15/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.