Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Manteniment tal-familja

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Jista’ jsir ħlas ta’ manteniment minn ġenitur għal uliedu jew kull tifel / tifla tal-familja lil kull persuna li tieħu ħsieb it-tifel / tifla. Il-manteniment jista’ jitħallas ukoll lil kull parti fiż-żwieġ jew partnership ċivili mill-parti l-oħra

Il-ġenituri jistgħu jħallsu manteniment għat-tfal tagħhom jew kull tifel/tifla tal-familja lil ġenitur jew lill-persuna li hija responsabbli mill-kura tiegħu/tagħha, permezz tal-qorti jew billi jużaw is-sistema statutorja tal-manteniment tat-tfal (is-sistema amministrattiva stabbilita mil-liġi għall-Irlanda ta’ Fuq).

Is-sistema statutorja ta’ manteniment tat-tfal hija magħmula minn żewġ organizzazzjonijiet, is-Servizz għall-Manteniment tat-Tfal (Child Maintenance Service, CMS), li huwa parti mid-Dipartiment tal-Komunitajiet, u l-Għażliet għall-Manteniment tat-Tfal (Child Maintenance Choices). Sabiex jużaw is-sistema għall-manteniment tat-tfal, il-persuni involuti (il-ġenituri jew il-persuna li hija responsabbli mill-kura u t-tfal) jridu jkunu residenti abitwali fir-Renju Unit.

Il-manteniment tat-tfal jista’ jitħallas ukoll mill-ġenituri li jgħixu apparti minn uliedhom li jużaw is-CMS. Is-CMS jiddetermina l-manutenzjoni permezz ta’ proċess amministrattiv iktar milli wieħed ġudizzjarju - jekk it-tfal ikollhom anqas minn 16-il sena, jew ikollhom anqas minn 20 sena f’edukazzjoni full-time li ma tkunx edukazzjoni postsekondarja (fi skola jew stabbiliment edukattiv ekwivalenti), jew ikollhom anqas minn 20 sena u li jgħixu ma’ ġenitur li jkun irreġistra għall-Benefiċċju tat-Tfal.

Dan jitħallas lil ġenitur jew lill-persuna li hija responsabbli mill-kura tat-tfal. Kwalunkwe ġenitur jew persuna li hija responsabbli mill-kura jistgħu jirrikorru għand is-CMS. L-ammont huwa kkalkulat mis-CMS. Il-ħlas ta' kull ġimgħa isir mill-ġenitur mhux residenti, direttament lil ġenitur jew persuna li hija responsabbli mill-kura tat-tfal (magħrufa bħala “Direct Pay” - Ħlas Dirett) jew permezz tas-servizz ta’ ħlas dirett tas-CMS (“Collect and Pay”- Iġbor u Ħallas) li għalih trid titħallas miżata (ara hawn taħt).

Skont l-Ordni tal-1980 dwar il-Proċedimenti Familjali (L-Irlanda ta’ Fuq) (Domestic Proceedings (Northern Ireland) Order 1980), il-konjuġi jista' jitlob lill-qorti sabiex tagħti ordni għal provvediment finanzjarju u skont l-Ordni tal-1978 dwar il-Kawżi Matrimonjali (L-Irlanda ta’ Fuq) (Matrimonial Causes (Northern Ireland) Order 1978), il-konjuġi jista' jitlob għal provvediment finanzjarju matul il-proċedimenti għal divorzju jew separazzjoni ġudizzjarja. Il-Qorti tista’ tordna li jsiru ħlasijiet perjodiċi, lir-rikorrent jew għall-benefiċċju ta’ minuri. Alternattivament, il-Qorti tista’ tordna li titħallas somma waħda.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Skont l-Ordni tal-Irlanda ta’ Fuq dwar l-Appoġġ għat-Tfal (Child Support Order) tal-1991, it-tfal jistgħu jibbenefikaw minn manteniment jekk huma taħt is-16-il sena, jew huma taħt l-20-il sena u jattendu għal kors ta’ edukazzjoni full-time li mhijiex waħda postsekondarja (fi skola jew fi stabbiliment edukattiv ekwivalenti).

Skont l-Ordni tal-1980 dwar il-Proċedimenti Familjali (L-Irlanda ta' Fuq), il-qorti ma tiddeċidix dwar provvediment finanzjarju favur ta' tfal li jkunu għalqu t-18-il sena. Madankollu, f’xi ċirkustanzi, jista’ jsir provvediment f’każ li jkun hemm “ċirkustanzi speċjali” jew jekk it-tfal qegħdin isegwu kors fi stabbiliment edukattiv jew jirċievu taħriġ għal kummerċ, professjoni jew vokazzjoni, kemm jekk huma jkunu jew sejrin ikunu wkoll f’impjieg bi qligħ.

Skont l-Ordni tal-1978 dwar il-Kawżi Matrimonjali (L-Irlanda ta' Fuq), il-manteniment ikun disponibbli għal persuna minorenni sakemm hija tagħlaq l-età ta’ 16-il sena (jew 18-il sena jekk il-persuna minorenni tibqa’ f’edukazzjoni full-time). Il-qorti tista’ testendi l-ħlas ta’ manteniment jekk l-edukazzjoni titkompla wara l-età ta’ 18-il sena jew jekk jeżistu ċerti ċirkustanzi speċjali li jeħtieġu li l-manteniment ikompli jingħata.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Meta l-ġenituri jisseparaw fl-Irlanda ta’ Fuq, qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għas-CMS huma meħtieġa li jikkuntattjaw il-Child Maintenance Choices għal pariri u tagħrif li jgħinuhom jagħmlu arranġament effettiv dwar manteniment għall-familja tagħhom. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ dak li jissejjaħ “arranġament familjari”, li huwa arranġament bejn il-ġenituri, jew talba lis-CMS. Il-ġenituri ma jkollhomx aċċess għas-CMS sakemm l-ewwel ma jkunux tkellmu mal-Child Maintenance Choices.

Jekk ġenitur jiddeċiedi li ma jistax jagħmel arranġament familjari, il-ġenitur jista’ jitlob lis-CMS biex jikkalkula l-pagamenti. L-ammont tal-manteniment huwa kkalkulat f’perċentwali tad-dħul tal-ġenitur debitur mhux residenti f’konformità mal-għadd tat-tfal li jrid isir ħlas għalihom.

Jekk il-ġenitur jixtieq ukoll li jkun is-CMS li jiġbor u jgħaddi l-pagamenti tal-manteniment, din il-parti trid tħallas miżata. Jekk il-ġenituri jaqblu li jħallsu lil xulxin direttament (Direct Pay) ma hemm ebda miżata. L-utenti tas-CMS li jixtiequ li dan tal-aħħar jagħmel il-pagament bl-użu tas-servizz ta’ Collect and Pay iridu jħallsu miżati fuq il-ġbir. Għall-ġenitur debitur mhux residenti hemm żieda addizzjonali ta’ 20 % fuq il-pagament użwali ta’ manteniment tat-tfal tiegħu. Il-ġenitur responsabbli mill-kura jirċievi 4 % mnaqqsa mill-ammont ta’ manteniment tat-tfal. Il-ġbir tal-miżati jista’ jiġi evitat permezz ta’ arranġament familjari jew billi jagħżlu ħlas bid-Direct Pay.

Il-ġenitur nonresidenti irid iħallas ukoll il-miżati lis-CMS għal azzjonijiet ta’ infurzar minn dan is-servizz; dawn huma ordnijiet magħmula mill-qorti kontra l-ġenitur nonresidenti li ma jkunx ħallas il-manteniment dovut.

Int tista’ tirrikorri permezz tal-Awtorità Ċentrali tal-Irlanda ta’ Fuq għand il-qorti biex tikseb manteniment jekk int jew it-tfal tiegħek għandkom ordni ta’ manteniment kontra persuna li tgħix fl-Irlanda ta’ Fuq jew pajjiż jew territorju ieħor li għandu arranġament reċiproku mar-Renju Unit għall-obbligi ta’ manteniment; jew tixtiequ tibdew proċedimenti ġudizzjarji għal manteniment f’pajjiż jew territorju ieħor li jkollu ftehim reċiproku mar-Renju Unit.

Jekk qed tagħmel ir-rikors tiegħek għall-infurzar ta’ ordni ta’ manteniment eżistenti skont ir-Regolament (UE) Nru 4/2009 tista’ wkoll tressaq ir-rikors tiegħek direttament lill-qorti tal-maġistrati fl-Irlanda ta’ Fuq.

L-elementi ewlenin tal-proċedura jipprevedu, fejn applikabbli, proċess ta’:

  • reġistrazzjoni ta’ ordni fl-Irlanda ta’ Fuq u l-eżekuzzjoni tagħha,
  • reġistrazzjoni x’imkien ieħor ta’ Ordni mogħti fl-Irlanda ta’ Fuq u l-eżekuzzjoni tagħha,
  • ftuħ ta’ proċedimenti fl-Irlanda ta’ Fuq (inkluża talba għal ordni proviżorju)
  • ftuħ ta’ proċedimenti jew reġistrazzjoni ta’ ordni barra mill-Irlanda ta’ Fuq (inkluża talba għal ordni proviżorju).

Jekk tibbenefika diġà minn valutazzjoni tas-CMS fl-Irlanda ta’ Fuq, int għandek tikkuntattja l-ewwel lis-CMS biex jikkonferma jekk dan jistax jiftaħ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni f’ismek f’din il-ġuriżdizzjoni.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Fir-rigward tal-manteniment għat-tfal, kulħadd bħal xi ħabib, qarib, jew avukat jista’ jagħmel talba f’isem il-ġenitur jew persuna li għandha l-kura tal-minorenni. Ikun hemm bżonn li l-ġenitur jew persuna li hija responsabbli mill-kura tal-minorenni j/tawtorizzawhom biex jagħmlu dan, sakemm dawn mhumiex diġà awtorizzati permezz ta’ prokura, eċċ.

Fl-Irlanda ta’ Fuq, ebda talba ma tista’ ssir f’isem minorenni inkwantu l-minorenni ma jistgħux huma stess jitolbu l-manteniment.

Jista’ isir rikors fl-Irlanda ta’ Fuq għal infurzar reċiproku tal-manteniment f’isem persuna oħra meta dan ikun previst mill-konvenzjoni internazzjonali rilevanti dwar l-infurzar reċiproku ta’ manteniment.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Iż-żona tal-qorti rilevanti għall-ippresentar tal-kawżi hija ddeterminata b’referenza għal tliet Sezzjonijiet tal-Qorti Amministrattiva fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-kawżi jistgħu jitressqu quddiem kull Sede tal-Qorti Amministrattiva għalkemm b’mod ġenerali dawn jitressqu quddiem is-Sede fejn waħda mill-partijiet tkun domiċiljata. L-Awtorità Ċentrali għall-Irlanda ta’ Fuq tista’ tgħin biex tiġi stabbilita Sede xierqa.

Id-dettalji ta’ kuntatt tar-reġistri tal-qrati lokali fl-Irlanda ta’ Fuq jinsabu fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Rikors għal manteniment għall-appoġġ tat-tfal hija proċess amministrattiv trattat mis-CMS fi ħdan l-Irlanda ta’ Fuq u fir-Renju Unit kollu kemm hu.

Ir-rikorrenti li jitolbu l-infurzar reċiproku ta’ ordni ta’ manteniment mhumiex meħtieġa li jkollhom avukat biex jitolbu lill-qorti l-irkupru ta’ manteniment skont id-diversi konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali.  Kull rikors li joriġina minn pajjiż ieħor jintbagħat lill-qorti tal-familja tal-post ta’ residenza tal-intimat jew lill-qorti ta’ oriġini mill-Awtorità Ċentrali għall-Irlanda ta’ Fuq.

Il-persunal tal-qorti jistgħu jassistu bil-mili tal-formolarji meħtieġa iżda ma jistgħux joffru xi forma ta' parir legali. Għalhekk, huwa rakkomandat li r-rikorrent jagħmel użu mis-servizzi ta’ avukat b’esperjenza fil-liġi tal-familja. Il-Law Society of Northern Ireland (telefown +44 28 9023 1614) tista’ tipprovdi lill-individwi bl-ismijiet ta’ avukati li jistgħu jipprovdu pariri u assistenza f’każijiet ta’ appoġġ / manteniment tat-tfal.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-proċess amministrattiv rigward l-eżekuzzjoni jew il-kisba ta' ordnijiet ta’ manteniment reċiproku huwa pprovdut mingħajr ħlas fl-Irlanda ta’ Fuq.

Madankollu, ir-rikorrent jista' jkollu jbati l-ispejjeż legali jekk xi waħda mill-partijiet tkun qegħdha tagħmel użu mis-servizzi ta' avukat u l-każ jitressaq quddiem il-qorti. L-ispejjeż ivarjaw u, naturalment, rikorrent jista’ jitlob l-għajnuna legali biex ikopri konsulenza u assistenza legali, billi jagħti dettalji dwar ir-riżorsi tiegħu, jiġifieri d-dħul u l-introjtu disponibbli. Ir-regoli dwar l-għajnuna legali huma rregolati mill-Ordni tal-Irlanda ta’ Fuq tal-2003 dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja (Access to Justice Order 2003). L-ispejjeż tipiċi u l-ispejjeż involuti jistgħu jkunu:

  • it-tariffi legali standard
  • l-ispejjeż irrekuperabbli tal-qorti
  • l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Għall-irkupru tal-manteniment, il-qorti tista’ tagħti ordni għal manteniment tat-tfal, manteniment bejn il-konjuġi, jew manteniment tat-tfal / bejn il-konjuġi. Il-qorti tista’ tagħti ordni għal ħlasijiet perjodiċi, ħlasijiet ta’ somma f’daqqa, pagamenti ta’ saldu perjodiċi jew garantiti. Il-Qorti tista’, f’każijiet fejn ikun xieraq, tiddeċiedi li l-manteniment għandu jitħallas b'mod retroattiv. Jittieħed kont taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali meta jiġi deċiż jekk il-manteniment jitħallasx b'mod retroattiv u fil-valutazzjoni tal-ammonti. Tista’ ssir talba lill-qorti f’kull ħin għar-reviżjoni ta’ ordni ta’ manteniment.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-persuni eliġibbli biex tirċievi manteniment huma mniżżla fil-mistoqsija 1 hawn fuq.

Fi ħdan l-Irlanda ta’ Fuq u fir-Renju Unit, is-CMS jipprovdi biss kalkolu permezz ta’ servizz ta’ Direct Pay (Ħlas Dirett) u servizz ta’ Collect and Pay (Iġbor u Ħallas). Skont l-ewwel alternattiva, is-CMS jikkalkula l-ammont ta’ manteniment li għandu jitħallas, u l-ġenituri jieħdu ħsieb li jaqsmu l-ħlas direttament bejniethom. Skont it-tieni alternattiva, is-CMS tiġbor l-ammont korrett mill-ġenitur nonresidenti. Meta l-ġenituri jħallsu jew jirċievu manteniment għat-tfal permezz tas-servizz Collect and Pay, huma jħallsu miżata kull darba.

Skont l-Ordni tal-1980 dwar il-Proċedimenti Familjali (L-Irlanda ta’ Fuq), il-qorti tista’ tordna li l-ħlasijiet isiru direttament mid-debitur lill-kreditur jew lil uffiċjal ta’ ġbir (normalment skrivan għas-sessjonijiet żgħar).

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Għal dawk li jużaw is-servizz Collect and Pay, is-CMS jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jiżgura li l-ġenituri nonresidenti jħallsu l-manteniment dovut tat-tfal. Is-CMS għandu firxa ta’ setgħat li jista’ jagħmel użu minnhom.  Dawn jinkludu t-teħid ta’ flus direttament minn dħul u kontijiet bankarji u t-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji (azzjoni ta’ infurzar). Jekk ikun meħtieġ f’każijiet estremi, il-qorti tista’ tintalab li tikkonfiska l-liċenzja tas-sewqan tal-ġenitur inadempjenti nonresidenti jew li timponi sentenza ta’ priġunerija.

Skont l-Ordni tal-1980 dwar il-Proċedimenti Familjali (L-Irlanda ta' Fuq) u l-Ordni tal-1978 dwar il-Kawżi Matrimonjali (L-Irlanda ta' Fuq), parti tista’ titlob lill-qorti għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet tal-arretrati kollha. Il-qorti għandha firxa ta’ setgħat li tista’ tuża inkluż it-teħid dirett ta’ flus mid-dħul (ordni ta’ sekwestru fuq id-dħul).

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Talba għall-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ manteniment mogħti barra mill-ġuriżdizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq tista’ issir qabel ma jgħaddu tliet snin mid-data ta’ inadempjenza fuq il-pagamenti dovuti jew qabel l-iskadenza ta’ kull perjodu ta’ preskrizzjoni itwal previst skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Is-CMS fl-Irlanda ta’ Fuq jista’ jiġbor il-flus dovuti lill-ġenituri billi juża s-servizz statutorju ta’ Collect and Pay.

Ir-rikorsi għall-irkupru tal-manteniment skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 jistgħu jsiru direttament quddiem il-qorti tal-maġistrati fl-Irlanda ta’ Fuq jew jistgħu jiġu trażmessi lilha mill-Awtorità Ċentrali tal-Irlanda ta’ Fuq. Ir-rikorsi l-oħra kollha għall-irkupru ta’ manteniment internazzjonali jenħtieġ li jintbagħtu lill-Awtorità Ċentrali għall-Irlanda ta’ Fuq.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Is-CMS jista’ jgħaddi biss il-flus li jirċievi f’każijiet amministrati minnu. Mhuwiex kapaċi jħallas il-manteniment, jew parti minnu, huwa stess jew minflok il-ġenitur nonresidenti.

L-Awtorità Ċentrali għall-Irlanda ta’ Fuq (REMO) ma tistax tieħu ebda responsabbiltà biex tagħmel il-pagamenti skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Ir-rikorrent jista’ jikkuntattja lill-Unità tar-REMO fis-Servizz tal-Qrati tal-Irlanda ta’ Fuq, li taġixxi bħala l-Awtorità Ċentrali fl-Irlanda ta’ Fuq abbażi ta' diversi ftehimiet internazzjonali reċiproċi li jikkonċernaw il-manteniment.

Ir-reġistri tal-qrati lokali jistgħu jassistu persuna bil-mili ta’ formularju ta’ rikors iżda ma jistgħux jagħtu parir legali. Meta jkun xieraq, ir-reġistru tal-qorti jibgħat ir-rikors lill-Awtorità Ċentrali għall-Irlanda ta’ Fuq biex tiċċekkjah u jibgħatha sussegwentement lill-Awtorità Ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-paġni REMO tas-sit web ta’ NI Direct..

Fir-rigward tal-manteniment tat-tfal, huwa possibbli biss għas-CMS li jagħmel kalkolu ta’ manteniment meta l-ġenitur assenti jinsab f’parti oħra tar-Renju Unit (jiġifieri, l-Ingilterra, Wales jew l-Iskozja), jew qiegħed jaħdem barra mir-Renju Unit għal impjegatur stabbilit fir-Renju Unit.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

L-Awtorità Ċentrali għar-REMO tista’ tiġi kkuntattjata bil-miktub fl-indirizz li ġej:

Department of Justice for Northern Ireland
REMO Unit at Operational Policy Branch
Northern Ireland Courts and Tribunals Service
4th Floor Laganside House
23-27 Oxford Street
Belfast BT1 3LA
Northern Ireland

Tel: 0300 200 7812 (mir-Renju Unit)

+44 28 9049 5884 (minn barra r-Renju Unit)

Posta elettronika: reciprocalenforcement@courtsni.gov.uk

Id-dettalji ta' kuntatt tar-reġistri tal-qrati lokali fl-Irlanda ta' Fuq jinsabu fuq is-sit tal-web tas-Servizz tal-Qrati tal-Irlanda ta' Fuq.

Il-Child Maintenance Choices (Għażliet ta’ Manteniment tat-Tfal) jista’ jiġi kkuntattjat fuq in-numri segwenti: 0800 028 7439 (mir-Renju Unit) +44 800 0287439 (minn barra r-Renju Unit). (Innota li dan in-numru jopera biss mid- 9.00 sal-17.00, mit-Tnejn sal-Ġimgħa).

Informazzjoni ġenerali tista' tinkiseb fuq in-numri segwenti: 0845 608 0022 (UK) jew 0345 608 0022 (mir-Renju Unit) u +44 845 608 0022 (minn barra r-Renju Unit) jew +44 345 608 0022 (minn barra r-Renju Unit). Il-linji jkunu miftuħin mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00 sat-20.00 u s-Sibt mid-9.00 sal-17.00.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Rikorrent f’pajjiż ieħor għandu normalment l-ewwel jikkuntattja l-Awtorità Ċentrali kompetenti ta’ pajjiżu biex jiġi ddeterminat jekk jeżistix arranġament reċiproku attwali. Jekk mhemm l-ebda arranġament fis-seħħ, alternattiva għar-rikorrent tkun li jiftaħ kawża fl-Irlanda ta’ Fuq. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jenħtieġ li r-rikorrent jikkuntattja l-Law Society of Northern Ireland (telefown: +44 28 9023 1614) li tista’ tipprovdi lill-individwi bl-ismijiet ta’ avukati li jistgħu jipprovdu pariri u assistenza f’każijiet ta’ manteniment tat-tfal.

Jekk ikun hemm arranġament fis-seħħ, ir-rikorsi għall-irkupru tal-manteniment skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 jistgħu jsiru direttament lill-qorti jew jistgħu jiġu trażmessi lilha mill-Awtorità Ċentrali għall-Irlanda ta’ Fuq. Jenħtieġ li r-rikorsi b’arranġamenti reċiproċi oħra jintbagħtu lill-Awtorità Ċentrali.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-CMS huwa kompetenti biex jagħmel kalkolu ta’ manteniment biss jekk ir-rikorrent u l-minuri huma residenti band’oħra fir-Renju Unit (jiġifieri, l-Ingilterra, Wales jew l-Iskozja). Jekk ir-rikorrent jinsab barra mir-Renju Unit, is-CMS ma għandux ġuriżdizzjoni sabiex jikkalkula l-manteniment.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Jekk ikun hemm arranġament reċiproku li kien fis-seħħ f’dak iż-żmien, ladarba r-rikors ikun intbagħtat fl-Irlanda ta’ Fuq, l-Awtorità Ċentrali tal-Irlanda ta’ Fuq taġixxi bħala punt ta’ kuntatt għar-rikorrent, għall-avukati u għall-awtoritajiet barranin.

L-Awtorità Ċentrali għall-Irlanda ta’ Fuq tieħu ħsieb ukoll, meta jkun xieraq, ir-reġistrazzjoni tal-ordni tal-qorti u tara li jinħatar avukat f’isem ir-rikorrent suġġett għall-ħtiġijiet ta’ għajnuna legali.

L-Awtorità Ċentrali tipproċessa r-rikors tiegħek u, jekk dan ikun meħtieġ, se tgħaddih lill-qorti tal-maġistrati għall-azzjoni xierqa (għalkemm kif ġie nnotat, ir-rikorsi skont ir-Regolament (UE) Nru 4/2009 jistgħu jsiru wkoll direttament lill-qorti tal-maġistrati). Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità Ċentrali huma pprovduti hawn fuq.

Is-CMS jista’ ikun f’pożizzjoni li jagħmel kalkolu ta’ manteniment f’ċirkustanzi limitati. Ara t-tweġibiet preċedenti għal ċirkustanzi fejn rikors ma jistax jiġi aċċettat mis-CMS u dettalji ta’ kuntatt rilevanti.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Ir-Renju Unit mhux marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007 u għalhekk ma japplikax fl-Irlanda ta’ Fuq.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tapplika għall-każijiet kollha deċiżi fl-Irlanda ta’ Fuq.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Għall-irkupru tal-manteniment, ir-rappreżentanza legali normalment ma tkunx meħtieġa u t-tariffi ma jkunux meħtieġa fil-maġġoranza tal-każijiet.

Fejn ir-rappreżentanza legali hija meħtieġa, l-għajnuna u l-assistenza legali jkunu disponibbli (Kapitolu V) iżda huma suġġetti għal test tal-mezzi u tal-merti f’xi każijiet; ir-rikorrent jista’ jintalab iħallas kontribuzzjoni. Bħala parti minn għajnuna legali, tista’ ssir valutazzjoni biex jiġi deċiż jekk in-natura tal-każ iwassalx sabiex tintalab l-għajnuna legali sħiħa.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ir-Regolamenti tal-2011 dwar il-kompetenza u d-deċiżjonijiet ċivili (il-Manteniment) (The Civil Jurisdiction and Judgments (Maintenance) Regulations 2011 (SI 1484/2011) jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 4/2009. Ir-Regolament 3 u l-Iskeda 1 jaħtru l-Awtoritajiet Ċentrali għar-Renju Unit (inkluża l-Irlanda ta’ Fuq). Ir-Regolament 4 u l-Iskeda 2 jistabbilixxu liema korpi għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet ċentrali (inkluża informazzjoni dwar id-debitur) u jipprovdu regoli dwar l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni mill-awtoritajiet ċentrali.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 27/07/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.