Manteniment tal-familja

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

L-obbligi ta’ manteniment huma imposti bil-liġi fuq dawk li għandhom il-mezzi biex jappoġġjaw persuna oħra li magħha jkollhom relazzjoni permezz tad-demm jew taż-żwieġ. B’riżultat ta’ dan, diversi persuni jistgħu jitolbu l-manteniment, inkluż:

  • konjuġi wieħed mill-konjuġi l-ieħor jew ekskonjuġi (l-Artikoli 212, 214 u 246 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil)) jew sieħeb ieħor mis-sieħeb l-ieħor, fejn huma marbuta bi sħubija koperta mil-Liġi emendata tad-9 ta’ Lulju 2004 dwar l-effetti legali ta’ ċerti sħubijiet (loi modifiée du 9 juillet 2004 relative aux effets légaux de certains partenariats), jew ekssieħeb taħt ċerti kundizzjonijiet;
  • it-tfal mill-ġenituri tagħhom (l-Artikoli 203, 372 -2 , 376 -2, 376 -3 u 376 -4 tal-Kodiċi Ċivili);
  • missierijiet, ommijiet u axxendenti oħrajn minn uliedhom (l-Artikolu 205 tal-Kodiċi Ċivili);
  • missierijiet u ommijiet tar-rispett mit-tfal tar-rispett tagħhom (l-Artikolu 206 tal-Kodiċi Ċivili).

Ir-regola li “il-manteniment mhuwiex intiż sabiex ikopri pretensjonijiet preċedenti” tfisser li l-manteniment huwa intiż sabiex ikopri l-bżonnijiet preżenti u futuri, u mhux intiż għar-rimborż ta’ spejjeż passati. Din ir-regola għandha l-valur legali ta’ preżunzjoni sempliċi; jiġifieri r-regola tista' tiġi injorata jekk il-kreditur iġib il-prova li huwa kellu jiddejjen għall-għajxien tiegħu jew li huwa ma baqax inattiv jew li kien impossibbli għalih li jieħu azzjoni.

Ma jistax isir tajjeb għall-manteniment sakemm il-pretensjoni li għandu jsir tajjeb għaliha ma tirrigwardax ukoll pretensjoni għall-manteniment.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Meta tiġi eżerċitata responsabbiltà konġunta tal-ġenituri, kull ġenitur, kemm jekk miżżewweġ kif ukoll jekk mhux, separat jew divorzjat, għandu l-obbligu li jikkontribwixxi għall-appoġġ u t-trobbija tat-tfal fi proporzjon mal-mezzi tiegħu, dawk tal-ġenitur l-ieħor u l-bżonnijiet tat-tfal. Fil-każ ta’ divorzju jew separazzjoni, kemm jekk jeżerċitaw b’mod konġunt ir-responsabbiltà tal-ġenituri u kemm jekk le, il-ġenituri għandhom ikomplu jikkontribwixxu flimkien għall-ispejjeż tal-appoġġ u t-trobbija tat-tfal, sakemm qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Din il-kontribuzzjoni tieħu l-forma ta’ allowance għall-manteniment u ma tiqafx awtomatikament meta l-wild jilħaq l-età adulta. Din tista’ titħallas direttament lil wild adult u tista’ tiġi riveduta skont il-ħtiġijiet tat-tfal u l-mezzi u l-ispejjeż li jinbidlu ta’ kull ġenitur.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Il-qorti tal-familja (juge aux affaires familiales) fi ħdan il-qrati distrettwali (tribunaux d’arrondissement) għandha ġuriżdizzjoni b’mod partikolari fuq l-allowances għall-manteniment, l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, id-divorzju u s-separazzjoni legali.

Ir-rikorrent għall-manteniment irid jippreżenta talba lill-qorti tal-familja. Jekk it-talba għal manteniment tkun marbuta ma’ proċedimenti ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni legali, il-qorti tal-familja li tiddeċiedi dwar ir-rikors għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tiddeċiedi wkoll dwar it-talba għall-manteniment.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

F'każ ta’ tutela (tutelle) jew kurazija (curatelle), it-tutur (tuteur) jew il-kuratur (curateur) jista’ jressaq talba f’isem wieħed mill-ġenituri jew f’isem minorenni.

Il-ġenitur jew il-ġenituri li jeżerċita/jeżerċitaw responsabbiltà ta’ ġenitur fuq il-minorenni jista’ / jistgħu jressaq / jressqu talba f’isem dak il-minorenni.

Minuri ma għandux personalità ġuridika u m’għandux il-kapaċità li jagħmel rikors huwa stess, ħlief meta l-minorenni jkun jista’ jifforma l-fehmiet tiegħu skont l-Artikolu 1007 -50 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili (Nouveau Code de procédure civile). F’dan il-kuntest, il-minuri li kapaċi jifforma l-fehmiet tiegħu jew tagħha jista’, permezz ta’ rikors quddiem il-qorti distrettwali, jitlob lill-qorti tal-familja biex temenda l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ aċċess jew l-arranġamenti tal-għajxien. F’dan il-każ, il-qorti tordna l-ħatra ta’ avukat biex jirrappreżenta lill-minuri fi żmien 15-il jum.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni territorjali hija:

  1. il-qorti fil-post fejn tinsab id-dar tal-familja;
  2. jekk il-ġenituri jgħixu b’mod separat, il-qorti fil-post ta’ residenza tal-ġenitur li miegħu jgħixu t-tfal minuri b’mod abitwali fejn ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata b’mod konġunt, jew il-qorti fil-post ta’ residenza tal-ġenitur li jeżerċita din ir-responsabbiltà waħdu;
  3. f’każijiet oħra, il-qorti fil-post ta’ residenza tal-persuna li ma tkunx ressqet il-proċedimenti.

Għal rikorsi konġunti, il-partijiet jagħżlu l-qorti fil-post fejn tkun tgħix parti waħda jew il-parti l-oħra.

Madankollu, fejn it-tilwima tkun tikkonċerna biss manteniment tal-konjuġi, kontribuzzjoni għall-appoġġ u t-trobbija tat-tfal, kontribuzzjoni għall-ispejjeż taż-żwieġ, jew miżuri urġenti u proviżorji fejn sħubija reġistrata tiġi terminata, il-ġuriżdizzjoni tista’ tkun f’idejn il-qorti tal-post ta’ residenza tal-konjuġi jew ekssieħeb li jirċievi manteniment jew tal-ġenitur primarjament responsabbli għall-kura tat-tfal, anke meta dawn ikunu adulti.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija ddeterminata mill-post ta’ residenza fid-data tar-rikors jew, f’każijiet ta’ divorzju, fid-data meta tiġi ppreżentata l-petizzjoni inizjali.

Jekk il-manteniment jiġi ddikjarat matul il-proċedimenti tad-divorzju, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża hija l-qorti li tkun qed tisma’ ir-rikors għad-divorzju.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Rikorrent jista’ jressaq każ quddiem il-qorti tal-familja billi jippreżenta rikors lill-qorti distrettwali. Dan ir-rikors irid jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti distrettwali, li tinnotifikah lill-parti opposta. Il-partijiet ma għandhomx għalfejn ikunu rappreżentati minn avukat, ħlief meta l-manteniment jintalab matul proċedimenti ta’ divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli tar-relazzjoni matrimonjali jew matul proċedimenti ta’ separazzjoni legali. Fit-tali każijiet, irid jintuża avukat.

F’kull każ, ir-rikorrent irid iressaq lill-qorti d-dokumenti kollha li jippruvaw l-istat ta’ bżonn tiegħu. Dawn jikkonsistu fl-estratti tas-salarju, iċ-ċertifikati ta’ nontassazzjoni, l-attestazzjoni ta’ diżokkupazzjoni jew ta’ liv minħabba mard twil, provi ta’ renta, self, tfal dipendenti, spejjeż ta’ manteniment u ta’ skolarità, eċċ.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Fost l-ispejjeż li għandu jittieħed kont tagħhom f’każ ta’ proċedimenti legali, hemm lok li jissemmew l-ispejjeż legali u l-ispejjeż tal-proċeduri li l-parti li titlef il-kawża tista’ tiġi ordnata tħallas (parzjalment jew fl-intier tagħhom). Għandhom jitqiesu wkoll, jekk ikun il-każ, l-onorarji tal-avukat.

Il-persuni bi dħul insuffiċenti skont il-liġi Lussemburgiża jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Għal dan l-għan, huma jridu jimlew kwestjonarju disponibbli miċ-ċentru tas-servizz tal-għajnuna soċjali (service central d'assistance sociale) u jibagħtuh lill-President tal-Kamra tal-Avukati (Bâtonnier de l'Ordre des avocats) tat-territorju kompetenti.

Jekk l-għajnuna legali tingħata mill-President tal-Kamra tal-Avukati, hija tkopri l-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedimenti, proċeduri jew atti ġudizzjarji li tkun ingħatat għalihom. Din tkopri pereżempju t-taxxi tal-boll u l-ispejjeż ta' reġistrazzjoni, l-onorarji tal-avukati, l-ispejjeż u l-onorarji tal-marixxalli, l-ispejjeż u l-onorarji tan-nutara, l-ispejjeż u l-onorarji tat-teknixin, l-onorarji tat-tradutturi u tal-interpreti, l-ispejjeż għal certificats de coutume (ċertifikati jew affidavit għal-liġi applikabbli)), l-ispejjeż għall-ivvjaġġar, l-ispejjeż u l-onorarji relatati mal-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni, ipoteki u assenjazzjoni u, fejn meħtieġ, l-ispejjeż għall-pubblikazzjoni fil-gazzetti.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

  • Tip ta’ manteniment

Matul il-proċedimenti u wara d-deċiżjoni ta’ divorzju jew separazzjoni legali, il-manteniment jieħu fil-biċċa l-kbira tad-drabi l-forma ta’ pagament mensili. Madankollu, dan jista’ ukoll jieħu l-forma ta' kapital li tista’ tikkonsisti f’somma flus jew fl-abbandun ta’ beni in rem.

Rigward il-kontribuzzjoni lejn il-manteniment tat-tfal u l-edukazzjoni tal-minorenni, il-manteniment jista’ jieħu l-forma ta’ pagament kull xahar jew il-pagament dirett (parzjalment jew fl-intier tiegħu) tal-ispejjeż magħmula għall-minorenni. Fl-aħħar, dan jista' jieħu l-forma ta' dritt ta' użu jew ta' abitazzjoni.

Jekk il-parti li qegħdha tintalab tagħti l-manteniment tipprova li ma tistax tħallas il-manteniment, il-qorti tista’ tordnalha sabiex tilqa’ lill-parti intitolata għal manteniment fid-dar tagħha, tagħtiha x’tiekol u tmantniha.

  • Kalkolu tal-manteniment

Ma jeżistu ebda skali ta’ riferiment. L-ammont tal-manteniment huwa kkalkulat abbażi tal-mezzi finanzjarji tad-debitur u l-bżonnijiet tal-kreditur.

  • Indiċjar

Sabiex jadatta l-manteniment mal-evoluzzjonijiet tal-għoli tal-ħajja, l-imħallef jista’, anki fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jiddeċiedi li l-manteniment ikun marbut ma’ indiċi skont klawżola ta’ varjazzjoni prevista legalment.

  • Reviżjoni

F’każ ta’ tibdil fiċ-ċirkustanzi, il-manteniment jista’ jiġi rivedut ’l fuq jew ’l isfel u jiġi tterminat. Dan ma japplikax fejn ikun tħallas bħala somma f’daqqa bħala parti minn divorzju. Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, il-qorti tiddeċiedi dwar ir-revoka jew it-tnaqqis tal-manteniment.

Il-qorti tista’ tbiddel ukoll l-ammont ta’ manteniment li jkun ġie stabbilit bi ftehim bejn il-partijiet. Dan id-dritt japplika mhux biss f’każ ta' tibdil fis-sitwazzjonijiet rispettivi tal-kreditur u tad-debitur, iżda wkoll fin-nuqqas ta’ kull bidla, jekk l-imħallef iqis li l-ammont huwa insuffiċjenti jew eċċessiv.

Il-manteniment mogħti lil konjuġi f’divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli tar-relazzjoni matrimonjali ma jistax jitħallas għal żmien itwal mit-tul taż-żwieġ, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Matul il-proċedimenti u wara l-għoti ta’ divorzju jew separazzjoni legali, il-manteniment jitħallas lill-konjuġi benefiċjarju.

Il-kontribuzzjoni lejn il-manteniment u l-edukazzjoni tal-minorenni titħallas minn wieħed mill-ġenituri lill-ġenitur l-ieħor jew lill-persuna li għandha l-kustodja tal-minorenni. Meta t-tifel isir adult, l-imħallef jista' jiddeċiedi jew il-ġenituri jistgħu jiftehmu bejniethom li din il-kontribuzzjoni titħallas, parzjalment jew fl-intier tagħha, lit-tifel.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Il-kreditur għandu bosta mezzi biex jisforza lid-debitur li ma jikkoperax sabiex iħallas il-manteniment.

Il-liġi ċivili:

Kreditur għandu diversi għażliet:

  • F’każ ta’ divorzju, kreditur jista’ jressaq il-każ quddiem il-qorti tal-familja billi jippreżenta rikors lill-qorti distrettwali sabiex tawtorizzah li jirċievi, għall-esklużjoni tal-ekskonjuġi tiegħu u mingħajr ħsara għad-drittijiet ta’ terzi, id-dħul ta’ dak l-ekskonjuġi, inkluż il-pensjonijiet u r-renti, u ammonti l-oħra kollha li jistgħu jkunu dovuti minn terzi skont il-proporzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imħallef. Din id-deċiżjoni hija soġġetta għal reviżjoni fil-każ ta' tibdil fiċ-ċirkostanzi.
  • Kreditur jista’ jitlob għal miżuri ta’ eżekuzzjoni ordinarji, jiġifieri s-sekwestru (pereżempju ta' kont bankarju), is-sekwestru ta’ beni mobbli (karozza, ġojelli, eċċ) kif ukoll is-sekwestru ta' beni immobbli (dar, artijiet, eċċ.), abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti jew ordni ta’ infurzar.

Il-liġi kriminali:

Kreditur jista’ jressaq ilment kriminali għar-reati li ġejjin:

  • Ir-reat tal-abbandun tal-familja huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn xahar u sena u multa ta’ bejn EUR 251 u EUR 2 500, jew waħda minn dawn il-penali biss (l-Artikolu 391 bis tal-Kodiċi Kriminali (Code pénal)). Dan jissupponi li d-debitur qiegħed jevita milli josserva xi ftit mill-obbligi li għandu jew l-obbligi tiegħu kollha ta’ manteniment fir-rigward tal-kreditur imposti fuqu mil-liġi, billi jirrifjuta li jissodisfa dawn l-obbligi meta jkun jista’ jagħmel dan jew għax mhuwiex possibbli għalih li jissodisfahom minħabba t-tort tiegħu.

Dan japplika għall-obbligu ta’ manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom, l-obbligu bejn il-konjuġi u l-obbligu tal-ġenituri adottivi lejn it-tfal adottati.

Il-prosekuzzjoni tar-reat hija ppreċeduta mill-interrogazzjoni tad-debitur minn uffiċjal tal-pulizija tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li tiġi rreġistrata permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub. Jekk id-debitur ma jkollu ebda residenza magħrufa, l-interrogazzjoni ma tkunx meħtieġa.

  • Ir-reat ta’ insolvenza frawdolenti huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn sitt xhur u tliet snin u multa ta’ bejn EUR 500 u EUR 12 500, jew waħda minn dawn il-penali biss (l-Artikolu 391 ter tal-Kodiċi Kriminali). Dan jissupponi li, anki qabel id-deċiżjoni tal-qorti, id-debitur organizza jew aggrava l-insolvenza tiegħu, billi żied id-dejn tiegħu jew billi naqqas l-assi tiegħu, jew billi ħeba uħud mill-beni tiegħu, bl-għan li jevita l-eżekuzzjoni ta’ ordni mogħti minn qorti ċivili fir-rigward tal-manteniment.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 391  ter tal-Kodiċi Kriminali, id-deċiżjonijiet tal-qorti u l-ftehimiet approvati mill-qorti li jimponu obbligu li jsiru pagamenti, sussidji jew kontribuzzjonijiet lejn il-kostijiet matrimonjali, kif ukoll provvedimenti ta’ manteniment li jinsabu fi ftehimiet li ntlaħqu qabel id-divorzju b’kunsens reċiproku, jitqiesu bħala ekwivalenti.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

L-azzjonijiet biex jinġabru l-arretrati ta’ renti perpetwi, vitalizji u ta’ manteniment huma preskritti wara ħames snin.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Fuq talba mill-kreditur, il-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà (Fonds national de solidarité) jista’ jirkupra kull manteniment dovut lil konjuġi, axxendent jew dixxendent. Għas-somom li huwa jrid jirkupra, il-Fond huwa surrogat fl-azzjonijiet u l-garanziji tal-kreditur għall-irkupru tal-manteniment tiegħu. Ladarba d-debitur ġie nnotifikat bl-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, huwa jrid jagħti dawn l-ammonti lill-President tal-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Il-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà jista’, skont ċerti kundizzjonijiet, iħallas il-manteniment minflok id-debitur. It-talba għal pagament trid issir mill-kreditur jew mir-rappreżentant legali tiegħu lill-President tal-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà.

Din it-talba tiġi aċċettata mill-President jew mid-delegat tiegħu jekk il-kreditur jipprova li:

  1. huwa għandu d-domiċilju legali tiegħu fil-pajjiż u li huwa jew ir-rappreżentant legali tiegħu ilu jirrisjedi hemmhekk għal ħames snin;
  2. il-manteniment tiegħu ġie stabbilit permezz ta’ deċiżjoni mill-qorti li hija eżegwibbli fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu;
  3. l-irkupru totali jew parzjali tal-manteniment ma setax jinkiseb permezz ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni eżerċitata b’mod effettiv skont id-dritt privat;
  4. huwa jinsab f’qagħda ekonomika diffiċli.

Anki jekk il-kundizzjoni msemmija fil-punt (c) mhijiex sodisfatta, it-talba tiġi milqugħa jekk l-użu ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni huwa mistenni li ma jirnexxiex jew jekk id-debitur jirrisjedi barra mill-pajjiż. Kull kontestazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-kummissarju tal-ġustizzja (juge de paix) tad-domiċilju tal-kreditur, li għandha titressaq kawża quddiemu f’perjodu ta’ 40 jum min-notifika tad-deċiżjoni tal-President.

Il-kredituri jistgħu ipso jure jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Minn meta tintlaqa’ it-talba sat-tmiem tal-pagamenti mill-Fond, il-kreditur ma jistax jieħu xi azzjoni kontra d-debitur biex jirkupra l-manteniment tiegħu.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Skont il-Konvenzjoni ta’ New York tal-20 ta’ Ġunju 1956 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, ir-rikorrent li jirrisjedi fil-Lussemburgu, jista’, jekk id-debitur jirrisjedi barra mill-pajjiż, jagħmel talba lill-Kap Prosekutur Pubbliku (Procureur Général d’Etat) sabiex jikseb il-manteniment.

Il-Kap Prosekutur Pubbliku, fil-kapaċità tiegħu ta' awtorità ċentrali, se jgħaddi t-talba u d-dokumenti annessi lill-awtorità ċentrali tal-pajjiż li fih jirrisjedi d-debitur sabiex din l-awtorità ċentrali tkun tista’ tgħin lir-rikorrent sabiex jikseb il-pagament tal-manteniment dovut.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Il-persuna intitolata għall-manteniment tressaq it-talba lill-awtorità speditriċi, jiġifieri lill-Kap Prosekutur Pubbliku, bl-użu tad-diversi formolarji previsti fir-Regolament (KE) Nru 4/2009.

Procureur Général d’Etat

Cité Judiciaire
Bâtiment CR
L-2080 Luxembourg

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Ir-rikorrent li jirrisjedi f’pajjiż ieħor mil-Lussemburgu jrid jagħmel talba lill-awtorità ċentrali tal-pajjiż li fih huwa jirrisjedi. Huwa ma jistax jagħmel talba direttament lil organizzazzjoni jew awtorità Lussemburgiża.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Mhux applikabbli.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Fil-każ ta’ talbiet skont dan ir-Regolament tal-UE, l-għajnuna legali hija kompletament b’xejn għall-kredituri ta’ manteniment ta’ anqas minn 21 sena, irrispettivament mill-provvedimenti tal-liġi nazzjonali.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Sabiex l-awtorità ċentrali tkun tista’ tagħti l-għajnuna prevista fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment, il-Lussemburgu għadda liġi fit-3 ta’ Awwissu 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tal-UE, u kif ukoll regolament tal-Gran Dukat li jimplimenta l-Artikoli 2 u 3 ta’ din il-liġi tat-3 ta' Awwissu 2011 (Gazzetta Uffiċjali (Mémorial) A Nru°175 tat-12 ta' Awwisu 2011).

Dawn il-provvedimenti legali taw lill-Kap Prosekutur Pubbliku aċċess dirett għal ċerti bażijiet ta' data.

Ħoloq relatati

Legilux

L-aħħar aġġornament: 25/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna