Manteniment tal-familja

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

L-obbligu tal-ġenituri li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal tagħhom.

Il-ġenituri huma obbligati li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal minuri tagħhom. Il-mod u l-forma ta’ manteniment jiġu ddeterminati permezz ta’ ftehim reċiproku tal-ġenituri. L-ammont ta’ manteniment irid ikun proporzjonat mal-bżonnijiet tal-minuri u mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri tagħhom; dan irid jissalvagwardja l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tat-tfal. Iż-żewġ ġenituri jridu jipprovdu appoġġ għat-tfal minuri tagħhom f’konformità mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom stess (l-Artikolu 3.192 tal-Kodiċi Ċivili (Civilinis kodeksas)). F’ċerti ċirkostanzi speċifikati mil-liġi, il-ġenituri jridu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal adulti tagħhom (sal-età ta’ 24 sena), meta jkunu jistgħu jagħmlu dan (l-Artikolu 3.192(1) tal-Kodiċi Ċivili).

L-obbligu tat-tfal adulti li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-ġenituri tagħhom.

It-tfal adulti huma obbligati li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-ġenituri tagħhom li jkunu tilfu l-kapaċità li jaqilgħu l-għajxien u li jeħtieġu appoġġ. Il-manteniment għandu jiġi pprovdut (mogħti mill-qorti) fil-forma ta’ pagament kull xahar ta’ ammont fiss (l-Artikolu 3.205 tal-Kodiċi Ċivili).

L-obbligu ta’ manteniment reċiproku bejn il-konjuġi.

Meta toħroġ ordni ta’ separazzjoni, il-qorti tista’ tordna lill-parti mill-konjuġi li jkollha t-tort biex tħallas manteniment lill-parti l-oħra li tkun teħtieġu, sakemm il-kwistjonijiet ta’ manteniment ma jkunux issolvew permezz ta’ ftehim reċiproku tal-konjuġi. Il-manteniment jista’ jiġi ordnat bħala somma f’daqqa jew pagamenti ta’ manteniment kull xahar jew trasferiment ta’ proprjetà (l-Artikolu 3.78 tal-Kodiċi Ċivili). Fil-każ ta’ żwieġ li jkun ġie annullat, il-parti mill-konjuġi li ma jkollhiex tort u li tkun teħtieġ manteniment għandha dritt li tfittex manteniment mingħand il-parti mill-konjuġi li jkollha t-tort għal massimu ta’ tliet snin (l-Artikolu 3.47 tal-Kodiċi Ċivili).

L-obbligu ta’ manteniment reċiproku bejn konjuġi preċedenti.

Meta toħroġ l-ordni ta’ divorzju, il-qorti tagħti manteniment favur il-parti mill-konjuġi li tkun teħtieġ manteniment, sakemm il-kwistjoni tal-manteniment ma tkunx issolviet permezz tal-ftehim bejn il-konjuġi dwar l-effetti tad-divorzju. Konjuġi ma jkollhiex dritt għal manteniment jekk l-assi jew l-introjtu tagħha jkunu biżżejjed biex isostnuha kompletament. Il-manteniment jitqies li huwa meħtieġ jekk il-konjuġi tkun qed trabbi wild minuri miż-żwieġ jew ma tkunx tista’ taħdem minħabba l-età jew l-istat tas-saħħa tiegħu jew tagħha. Il-konjuġi responsabbli għad-divorzju ma għandu l-ebda dritt għal manteniment. Meta toħroġ l-ordni ta’ manteniment u tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ manteniment, il-qorti tqis it-tul taż-żwieġ, il-ħtieġa għall-manteniment, l-assi li huma proprjetà tal-konjuġi preċedenti, l-istat tas-saħħa tagħhom, l-età, il-kapaċità għax-xogħol, kemm huwa probabbli li l-konjuġi ssib impjieg u fatturi importanti oħrajn. Il-manteniment jista’ jiġi ordnat bħala somma f’daqqa jew pagamenti ta’ manteniment kull xahar jew trasferiment ta’ proprjetà (l-Artikolu 3.72 tal-Kodiċi Ċivili).

Obbligi ta’ manteniment reċiproku bejn membri oħrajn tal-familja.

Fejn ikun possibbli, xi ħadd mill-aħwa adulti jrid jieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ ħuh jew oħtu minuri li jeħtieġ/teħtieġ appoġġ, li ma għandux/għandhiex ġenituri jew li ma jistax/tistax jikseb/tikseb manteniment mingħandhom (l-Artikolu 3.236 tal-Kodiċi Ċivili). In-neputijiet adulti f’pożizzjoni li jagħmlu dan iridu jħallsu l-manteniment lin-nanniet tagħhom jekk dawn ma jkunux jistgħu jaħdmu u jkunu jeħtieġu l-appoġġ. In-nanniet li jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan iridu jħallsu l-manteniment lin-neputijiet minuri tagħhom li ma jkollhomx ġenituri jew li ma jkunux jistgħu jiksbu manteniment mingħandhom (l-Artikolu 3.237 tal-Kodiċi Ċivili).

Kuntratt ta’ manteniment u kuntratt ta’ vitalizju

Taħt kuntratt ta’ manteniment, parti waħda, il-pagatur tal-manteniment (debitur) jimpenja ruħu, mingħajr ħlas jew bi skambju għal trasferiment ta’ kapital għall-pussess tiegħu, li jagħmel ħlasijiet perjodiċi lill-parti l-oħra, jiġifieri l-benefiċjarju tal-manteniment, ta’ somma ta’ flus iddeterminata fil-kuntratt ta’ manteniment, jew inkella li jagħti manteniment lill-benefiċjarju bi kwalunkwe mod ieħor. Id-dmir li jitħallas il-manteniment jista’ jiġi stabbilit mhux biss permezz ta’ kuntratt, iżda bl-istess mod permezz ta’ liġi, sentenza tal-qorti jew testment (l-Artikolu 6.439 tal-Kodiċi Ċivili). Taħt kuntratt ta’ vitalizju, il-benefiċjarju tar-renta, persuna fiżika, jittrasferixxi dar, appartament, biċċa art jew proprjetà immobbli oħra li tappartjeni lilu għas-sjieda tal-pagatur tal-annwalità, filwaqt li dan tal-aħħar huwa obbligat li jagħti manteniment lill-benefiċjarju tar-renta u/jew lil persuna oħra jew persuni oħrajn speċifikati minnu matul ħajjithom (l-Artikoli 6.460 u 6.461 tal-Kodiċi Ċivili).

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Il-ġenituri huma obbligati li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal minuri tagħhom. Il-proċedura u l-forma tal-manteniment jiġu ddeterminati permezz ta’ ftehim reċiproku tal-ġenituri. L-ammont ta’ manteniment irid ikun proporzjonat mal-bżonnijiet tat-tfal minuri u mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri tagħhom; dan irid jissalvagwardja l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tat-tfal (l-Artikolu 3.192 tal-Kodiċi Ċivili). B’hekk, fil-prinċipju, il-ġenituri huma obbligati li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal tagħhom sakemm isiru adulti (18-il sena) fil-każijiet kollha.

Id-dmir li huma jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal sakemm jilħqu l-età ta’ 24 sena jiddependi minn għadd ta’ ċirkostanzi. Meta jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan, il-ġenituri jridu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal adulti tagħhom sa 24 sena li jkunu rreġistrati fi programm ta’ edukazzjoni sekondarja jew fi programm ta’ taħriġ vokazzjonali formali biex jiksbu kwalifika inizjali jew fi skola ta’ edukazzjoni għolja taħt programm full-time, jekk ikunu jeħtieġu assistenza finanzjarja bbażata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tfal adulti, l-introjtu tagħhom, il-possibbiltà li jiksbu introjtu weħidhom u fatturi importanti oħrajn. Il-ġenituri mhumiex meħtieġa li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal adulti li jkunu qed jistudjaw għal edukazzjoni għolja jew kwalifiki professjonali addizzjonali (l-Artikolu 3.192(1) tal-Kodiċi Ċivili). Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-forma u l-ammont ta’ manteniment ta’ tfal minuri u adulti ma jvarjawx u jiddependu minn ċirkostanzi speċifiċi.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Jekk il-manteniment ma jitħallasx lil tifel jew tifla, dan jingħata permezz ta’ proċedura ġudizzjarja. Jekk il-ġenitur(i) jonqsu milli jaqdu d-dmir tagħhom li jmantnu lit-tfal minuri tagħhom, il-qorti tista’ toħroġ ordni ta’ manteniment f’azzjoni miġjuba minn ġenitur jew tutur (kustodju) tat-tifel/tifla jew mill-istituzzjoni tal-Istat għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tifel/tifla. Tista’ tinħareġ ukoll ordni ta’ manteniment mill-qorti jekk, wara divorzju jew separazzjoni, il-ġenituri ma jkunux qablu fuq il-manteniment tat-tfal minuri tagħhom (l-Artikolu 3.194 tal-Kodiċi Ċivili). Jekk il-ġenitur(i) ta’ tifel/tifla adult(a) jonqsu milli jirrispettaw l-obbligu tal-manteniment tat-tfal, it-tifel/tifla jista’/tista’ jressaq/tressaq kawża ġudizzjarja għall-manteniment (l-Artikolu 3.192(1) tal-Kodiċi Ċivili). Il-konjuġi, il-konjuġi preċedenti u membri oħrajn tal-familja jistgħu wkoll jingħataw manteniment skont il-proċedura ġudizzjarja.

Il-kawżi ta’ manteniment jinstemgħu mill-qrati distrettwali fil-Litwanja. Ir-rikorsi jiġu ppreżentati lill-qorti abbażi tal-post tar-residenza tal-konvenut. Meta l-post tar-residenza tal-konvenut ma jkunx magħruf, ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat abbażi tal-post fejn il-konvenut ikollu l-assi tiegħu jew abbażi tal-aħħar residenza magħrufa. Meta l-konvenut ma jkollux post tar-residenza magħrufa fir-Repubblika tal-Litwanja, ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat abbażi tal-post fejn il-konvenut ikollu l-assi tiegħu jew abbażi tal-aħħar post tar-residenza magħruf tal-konvenut fir-Repubblika tal-Litwanja. Kawża għall-manteniment tista’ titressaq ukoll skont il-post tar-residenza tar-rikorrent (l-Artikoli 26, 29 u 30 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-Istat jipprovdi manteniment lill-minuri li ma jkunux irċevew, għal perjodu ta’ aktar minn xahar, manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom jew qraba stretti adulti li jkunu f’pożizzjoni li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom (l-Artikolu 3.204 tal-Kodiċi Ċivili). L-allowances tal-manteniment jiġu allokati u mħallsa mill-Bord tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol. Meta jitlob għall-allowance, ir-rikorrent (il-ġenitur mogħti l-kustodja tat-tifel/tifla mill-qorti jew it-tutur/il-kuratur) irid jissottometti d-dokumenti li ġejjin: ir-rikors għall-allowance, id-deċiżjoni tal-qorti jew il-kuntratt iċċertifikat mill-qorti għall-manteniment tat-tfal, jew kopji ċċertifikati, traskrizzjonijiet jew siltiet minnhom, li jispeċifikaw l-ammont stabbilit ta’ manteniment meħtieġ tat-tfal, u d-dokumenti li juru li: il-wild huwa ċittadin Litwan, persuna apolida jew persuna barranija residenti b’mod permanenti fil-Litwanja; il-wild ma rċeviex manteniment tat-tfal, jew irċieva biss porzjon mill-manteniment, għal perjodu ta’ aktar minn xahar; ir-rikorrent huwa ċittadin Litwan, persuna apolida jew persuna barranija residenti b’mod permanenti fil-Litwanja (fejn l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tikseb l-imsemmija dokumenti jew data minn reġistri istituzzjonali jew tal-Istat jew minn sistemi ta’ informazzjoni tal-Istat). Billi jħallas l-allowance tal-manteniment f’konformità mal-proċedura stipulata, il-Bord tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol, jikseb id-dritt, sa mill-mument li titħallas l-allowance, li jirkupra mingħand id-debitur l-ammonti mħallsin, flimkien mal-imgħax impost fuq l-ammont dovut fir-rigward tad-dewmien ta’ kull jum. Deċiżjoni dwar l-irkupru tal-ammonti tal-allowance imħallsa u/jew tal-imgħax flimkien jikkostitwixxu strument ta’ infurzar.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Iva. Rikors f’isem persuna minuri jista’ jiġi ppreżentat mir-rappreżentanti legali tagħha (ġenituri, ġenituri adottivi, tuturi, kustodji). Hija tista’ tiġi ppreżentata wkoll minn individwu eliġibbli biex jaġixxi taħt awtorizzazzjoni bħala rappreżentant ta’ persuna fiżika fil-qorti (avukat, assistent legali, eċċ.). Il-persuni fiżiċi jistgħu wkoll ikunu rrappreżentati fil-qorti taħt awtorizzazzjoni minn persuni li jkollhom edukazzjoni universitarja fil-liġi, sakemm ikunu jirrappreżentaw il-qraba stretti jew il-konjuġi (ko-abitant) tagħhom. Qraba stretti jinkludu qraba lineali sa u inkluż it-tieni grad (ġenituri u tfal, nanniet u neputijiet) u qraba kollaterali tat-tieni grad (aħwa) (l-Artikolu 3.135 tal-Kodiċi Ċivili).

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-kawżi ta’ manteniment jinstemgħu mill-qrati distrettwali fil-Litwanja. Ir-rikorsi jiġu ppreżentati lill-qorti abbażi tal-post tar-residenza tal-konvenut. Meta l-post tar-residenza tal-konvenut ma jkunx magħruf, ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat abbażi tal-post fejn il-konvenut ikollu l-assi tiegħu jew abbażi tal-aħħar residenza magħrufa. Meta l-konvenut ma jkollux post tar-residenza fir-Repubblika tal-Litwanja, dan jista’ jiġi ppreżentat abbażi tal-post fejn il-konvenut ikollu l-assi tiegħu jew abbażi tal-aħħar residenza magħrufa fir-Repubblika tal-Litwanja. Kawża għall-manteniment tista’ titressaq ukoll skont il-post tar-residenza tar-rikorrent (l-Artikoli 26, 29 u 30 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta jressaq azzjoni ġudizzjarja, ir-rikorrent mhuwiex meħtieġ li juża s-servizzi ta’ avukat jew kwalunkwe intermedjarju ieħor. Ara wkoll il-mistoqsijiet 3 u 4.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Meta jressaq azzjoni ġudizzjarja, ir-rikorrent mhuwiex meħtieġ li juża s-servizzi ta’ avukat jew kwalunkwe intermedjarju ieħor. Ara wkoll il-mistoqsijiet 3 u 4.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-ispejjeż legali jinkludu t-taxxa tal-boll u l-ispejjeż tas-smigħ tal-kawża (l-Artikolu 79 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). L-ammonti tat-taxxa tal-boll tal-qorti mitluba għall-preżentazzjoni ta’ azzjoni tal-qorti huma rregolati mill-Artikolu 80 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. F’tilwim dwar proprjetà, l-ammont tat-taxxa tal-boll tal-qorti jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-valur tal-pretensjoni: għal pretensjonijiet sa EUR 30 000 – 3 %, iżda mhux inqas minn EUR 20; għal pretensjonijiet minn EUR 30 000 sa EUR 100 000 – EUR 900 flimkien ma’ 2 fil-mija tal-ammont tal-pretensjoni li jaqbeż it-EUR 30 000; għal pretensjonijiet ta’ aktar minn EUR 100 000 – EUR 2 300 flimkien ma’ 1 fil-mija tal-ammont li jaqbeż il-EUR 100 000. L-ammont totali tat-taxxa tal-boll tal-qorti f’tilwim dwar proprjetà ma jistax ikun ta’ aktar minn EUR 15 000 (l-Artikolu 80 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-ammont tal-pretensjoni fil-każ ta’ kawża għal manteniment permezz ta’ pagament perjodiku jiġi stabbilit abbażi tal-ammont annwali totali ta’ pagamenti (l-Artikolu 85 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F'kawżi għal manteniment, ir-rikorrenti huma eżentati mit-taxxa tal-boll tal-qorti (l-Artikolu 83 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta r-riżorsi finanzjarji ta’ persuna ma jkunux biżżejjed, din tista’ tikkwalifika għal għajnuna legali ggarantita mill‑Istat skont il-proċedura preskritta mil-Liġi dwar l-Għajnuna Legali ggarantita mill-Istat. L-għajnuna legali sekondarja ggarantita mill-Istat tkopri wkoll ir-rimborż tal-ispejjeż legali mġarrba fil-proċedimenti ċivili.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Obbligi ta’ manteniment reċiproku bejn il-ġenituri u t-tfal

Il-qorti tista’ toħroġ ordni ta’ manteniment li tobbliga lil wieħed mill-ġenituri jew liż-żewġ ġenituri li jkunu naqsu milli jagħtu manteniment lit-tfal tagħhom biex jipprovdu manteniment lit-tfal tagħhom bil-modi li ġejjin: (1) bħala pagament ta’ kull xahar; (2) bħala somma f’daqqa; (3) bħala trasferiment ta’ proprjetà lit-tifel/tifla. Sakemm joħroġ l-eżitu tal-każ, il-qorti tista’ tordna ħlas provviżorju ta’ manteniment. L-ammont ta’ manteniment irid ikun proporzjonat mal-bżonnijiet tat-tfal u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri tagħhom; dan irid jissalvagwardja l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tat-tfal. Iż-żewġ ġenituri jridu jipprovdu manteniment lit-tfal tagħhom f’konformità mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom stess (l-Artikoli 3.192 u 3.196 tal-Kodiċi Ċivili).

F’kawża mressqa minn tifel/tifla, mill-ġenitur tat-tifel/tifla, mill-istituzzjoni tal-Istat għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jew minn prosekutur pubbliku, il-qorti tista’ tnaqqas jew iżżid l-ammont ta’ manteniment jekk, wara l-għoti tal-ordni ta’ manteniment, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partijiet tkun inbidlet b’mod fundamentali. Tista’ tiġi ordnata żieda fl-ammont ta’ manteniment jekk ikun hemm spejjeż addizzjonali relatati mal-kura tat-tfal (mard, korriment, kura ta’ infermiera jew kura full-time). Jekk ikun meħtieġ, il-qorti tista’ toħroġ ordni biex tkopri l-ispejjeż futuri relatati mat-trattament tat-tfal. Fuq talba tal-persuni msemmija hawn fuq, il-qorti tista’ tbiddel il-forma stabbilita preċedentement ta’ kif jiġi pprovdut il-manteniment (l-Artikolu 3.201 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-manteniment għat-tfal adulti jitħallas (jingħata) lill-ġenituri fil-forma ta’ pagament fiss ta’ kull xahar. L-ammont ta’ manteniment jiġi ddeterminat mill-qorti wara li din tqis is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tfal u tal-ġenituri, kif ukoll iċ-ċirkostanzi importanti l-oħrajn tal-każ. Meta tistabbilixxi l-ammont tal-manteniment, il-qorti trid tqis l-obbligu li jingħata manteniment lit-tfal adulti kollha tal-ġenitur, irrispettivament minn jekk tkunx tressqet kawża għall-manteniment fir-rigward tat-tfal kollha jew ta’ wieħed/waħda minnhom biss (l-Artikolu 3.205 tal-Kodiċi Ċivili).

Fil-każ li l-manteniment jingħata fil-forma ta’ pagamenti perjodiċi, l-ammont ta’ manteniment jiġi indiċjat kull sena taħt il-proċedura stabbilita mill-Gvern f’konformità mar-rata tal-inflazzjoni (l-Artikolu 3.208 tal-Kodiċi Ċivili).

Obbligu ta’ manteniment reċiproku bejn il-konjuġi.

Meta toħroġ l-ordni ta’ manteniment u tiddetermina l-ammont, il-qorti trid tqis it-tul taż-żwieġ, il-ħtieġa għall-manteniment, is-sitwazzjoni finanzjarja taż-żewġ konjuġi, l-istat tas-saħħa tagħhom, l-età u l-kapaċità tal-qligħ tal-għajxien, iċ-ċansijiet tal-konjuġi qiegħda li ssib impjieg u ċirkostanzi importanti oħrajn. Il-manteniment jista’ jiġi ordnat bħala somma f’daqqa fissa, pagamenti ta’ kull xahar jew trasferiment ta’ proprjetà. Meta l-manteniment jingħata fil-forma ta’ pagamenti perjodiċi, fil-każ ta’ bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi, kwalunkwe waħda mill-konjuġi tista’ titlob żieda, tnaqqis jew terminazzjoni tal-pagamenti. Il-pagamenti perjodiċi jiġu indiċjati fuq bażi annwali skont il-proċedura preskritta mill-Gvern (l-Artikolu 3.78 tal-Kodiċi Ċivili).

Obbligu ta’ manteniment reċiproku bejn konjuġi preċedenti.

Meta toħroġ ordni ta’ manteniment u tiddeċiedi dwar l-ammont tiegħu, il-qorti trid tqis it-tul taż-żwieġ, il-ħtieġa għall-manteniment, is-sitwazzjoni finanzjarja taż-żewġ konjuġi preċedenti, l-istat tas-saħħa tagħhom, l-età, il-kapaċità għax-xogħol, iċ-ċansijiet tal-konjuġi qiegħda li ssib impjieg u ċirkostanzi importanti oħrajn. Il-manteniment jitnaqqas, isir temporanju jew jiġi rrifjutat jekk tkun teżisti mill-inqas waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(1) iż-żwieġ ikun dam inqas minn sena; (2) il-konjuġi intitolat(a) għall-manteniment ikun/tkun ikkommetta/ikkommettiet reat kontra l-konjuġi l-ieħor/l-oħra jew il-qraba stretti tiegħu/tagħha; (3) il-konjuġi intitolat(a) għall-manteniment ikun/tkun ġab(et) is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tiegħu/tagħha permezz tal-azzjonijiet kolpevoli tiegħu/tagħha stess; (4) il-konjuġi li jkun/tkun qed jitlob/titlob il-manteniment ma jkunx/tkunx ikkontribwixxa/ikkontribwixxiet għall-assi konġunti tagħhom jew ikun/tkun aġixxa/aġixxiet volontarjament kontra l-interessi tal-konjuġi l-ieħor/oħra jew tal-familja matul iż-żwieġ. Il-manteniment jista’ jiġi ordnat bħala somma f’daqqa fissa, pagamenti ta’ kull xahar jew trasferiment ta’ proprjetà.

Meta l-manteniment jingħata fil-forma ta’ pagamenti perjodiċi, fil-każ ta’ bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi, kwalunkwe waħda mill-konjuġi tista’ titlob żieda, tnaqqis jew terminazzjoni tal-pagamenti. Il-pagamenti perjodiċi jitħallsu matul il-ħajja tal-kreditur u jiġu indiċjati skont l-inflazzjoni kull sena skont il-proċedura stipulata mill-Gvern. Meta l-konjuġi preċedenti li jkun/tkun ta(t) il-manteniment imut/tmut jew jerġa’/terġa’ jiżżewweġ/tiżżewweġ, il-ħlas tal-manteniment jiġi tterminat (l-Artikolu 3.72 tal-Kodiċi Ċivili).

Obbligi ta’ manteniment reċiproku bejn membri oħrajn tal-familja.

Fejn ikun possibbli, xi ħadd mill-aħwa adulti jrid jieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ ħuh jew oħtu minuri li jeħtieġ/teħtieġ appoġġ, li ma għandux/għandhiex ġenituri jew li ma jistax/tistax jikseb/tikseb manteniment mingħandhom (l-Artikolu 3.236 tal-Kodiċi Ċivili). Meta jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan, in-neputijiet adulti jridu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tan-nanniet tagħhom meta dawn ma jkunux jistgħu jaħdmu u jkunu jeħtieġu l-appoġġ. Meta jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan, in-nanniet iridu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tan-neputijiet minuri tagħhom li ma jkollhomx ġenituri jew li ma jkunux jistgħu jiksbu manteniment mingħandhom (l-Artikolu 3.237 tal-Kodiċi Ċivili). Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jirregolaw l-obbligi ta’ manteniment reċiproku bejn it-tfal u l-ġenituri huma applikabbli mutatis mutandis.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Id-debitur tal-manteniment għandu jħallas il-manteniment lill-kreditur tal-manteniment. Meta rikors f’isem it-tifel/tifla minuri titressaq minn ġenitur, il-manteniment jitħallas lill-ġenitur minflok lit-tifel/tifla. Jekk tifel/tifla jitqiegħed/titqiegħed taħt tutela/f’kustodja, il-manteniment jitħallas lit-tutur jew lill-kustodju, li min-naħa tiegħu jrid jużah esklussivament fl-interessi tat-tifel/tifla.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

It-talbiet għall-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti jridu jiġu indirizzati lil uffiċjal ġudizzjarju. Il-bażi għall-azzjoni ta’ infurzar hija l-istrument ta’ infurzar kif ippreżentat. L-istrumenti ta’ infurzar jinkludu, inter alia, ordnijiet ta’ infurzar maħruġa abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti, kif ukoll ordnijiet ġudizzjarji. Ladarba d-deċiżjoni infurzabbli tkun saret finali, il-qorti tal-prim’istanza toħroġ l-ordni ta’ infurzar lill-kreditur abbażi ta’ talba bil-miktub.

L-evitar tal-obbligu ta’ manteniment għat-tfal huwa punibbli skont il-liġi kriminali: L-Artikolu 164 tal-Kodiċi Kriminali jistabbilixxi li persuna li tevita l-obbligu impost mill-qorti li tieħu ħsieb lil binha/bintha, li tħallas il-manteniment tat-tfal jew li tipprovdi appoġġ finanzjarju meħtieġ ieħor għal binha/bintha għandha tiġi kkastigata b’servizz fil-komunità, restrizzjoni tal-libertà, arrest, jew sentenza ta’ kustodja sa massimu ta’ sentejn. In-nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni tal-qorti ta’ natura differenti jista’ jkun soġġett ukoll għal responsabbiltà kriminali: skont l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Kriminali, persuna li ma kkonformatx ma’ deċiżjoni mhux punittiva tal-qorti tkun ikkommettiet imġiba ħażina, li tiġi kkastigata b’servizz fil-komunità, multa, restrizzjoni tal-libertà jew arrest.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Fil-każ ta’ rkupru minn persuni fiżiċi, l-irkupru ma jistax jiġi infurzat kontra xi unità domestika, materjal tax-xogħol jew tat-taħriġ jew proprjetà oħra li huma meħtieġa għall-għajxien tad-debitur jew tal-familja tiegħu/tagħha jew l-impjieg jew it-taħriġ professjonali tiegħu/tagħha. Il-lista tal-proprjetà msemmija hawn fuq hija stabbilita fil-Manwal tal-Infurzar tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-irkupru ma jistax jiġi infurzat fir-rigward ta’ somma ta’ flus sal-paga minima ta’ kull xahar stabbilita mill-Gvern jew fir-rigward ta’ kwalunkwe oġġett meħtieġ mit-tfal u mill-persuni b’diżabbiltà (l-Artikolu 668 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

It-tnaqqis mill-porzjon tas-sehem tal-pagi jew ta’ pagamenti u allowances ekwivalenti tad-debitur sal-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern isir abbażi tal-istrumenti ta’ infurzar, sakemm l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jiġu koperti kompletament: meta jiġi infurzat il-manteniment permezz ta’ ħlas perjodiku jew kumpens għad-danni kkawżati minn mutilazzjoni jew minn indeboliment ieħor fis-saħħa jew mewt tal-persuna prinċipali li taqla’ l-għajxien tal-familja, ir-rata għandha tkun ta’ 30 fil-mija, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-ordni ta’ infurzar jew rikjest mil-liġijiet jew mill-qorti. It-tnaqqis mill-parti tal-pagi u mill-pagamenti u l-allowances ekwivalenti li jaqbżu l-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern għandu jkun ugwali għal 50 fil-mija, sakemm ma jkunx rikjest mod ieħor mil-liġijiet jew mill-qorti (l-Artikolu 736 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). L-Artikolu 739 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddefinixxi wkoll l-ammonti ta’ flus li mhumiex soġġetti għall-irkupru (pereżempju, il-benefiċċji tal-maternità u tal-paternità, il-benefiċċji tal-indukrar tat-tfal, eċċ.).

L-irkupru tal-flus mill-assi tad-debitur mhuwiex permess jekk id-debitur ikun issottometta lill-uffiċjal ġudizzjarju evidenza li turi li l-ammont rikuperabbli u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni jistgħu jiġu rkuprati fi żmien sitt xhur jew, fil-każ ta’ rkupru mill-unika dar fejn jirrisjedi d-debitur, fi żmien 18-il xahar permezz ta’ tnaqqis tal-ammonti speċifikati fl-Artikolu 736 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili mill-pagi, il-pensjoni, l-għotja ta’ student jew introjtu ieħor tad-debitur.

L-ordnijiet ta’ infurzar ibbażati fuq deċiżjonijiet tal-qorti jistgħu jiġu sottomessi għall-eżekuzzjoni fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-qorti. Jekk id-deċiżjoni tal-qorti tkun teħtieġ irkupru fil-pagamenti perjodiċi, l-istrumenti ta’ infurzar jibqgħu validi matul il-perjodu ta’ rkupru, bid-data tal-għeluq stabbilita tibda fil-jum li fih tiskadi d-data tal-għeluq għal kull pagament (l-Artikolu 605 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

L-Istat jieħu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal minuri li ma jkunux irċevew manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom jew qraba stretti adulti li jkunu f’pożizzjoni li jagħtu manteniment lit-tifel/tifla (l-Artikolu 3.204 tal-Kodiċi Ċivili) għal perjodu ta’ aktar minn xahar. L-allowances tal-manteniment jiġu allokati u mħallsa mill-Bord tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol. Meta jitlob l-allowance, ir-rikorrent (il-ġenitur assenjat il-kustodja tat-tifel/tifla mill-qorti jew it-tutur/il-kustodju) irid jippreżenta d-dokumenti li ġejjin: ir-rikors għall-allowance, id-deċiżjoni tal-qorti jew il-kuntratt iċċertifikat mill-qorti għall-manteniment tat-tfal, jew kopji ċċertifikati, traskrizzjonijiet jew siltiet minnhom, li jispeċifikaw l-ammont stabbilit ta’ manteniment tat-tfal meħtieġ, u d-dokumenti li juru li: il-wild huwa ċittadin Litwan, persuna apolida jew persuna barranija residenti b’mod permanenti fil-Litwanja; il-wild ma rċeviex fondi ta’ manteniment tat-tfal, jew irċieva biss porzjon mill-manteniment, għal perjodu ta’ aktar minn xahar;ir-rikorrent huwa ċittadin Litwan, persuna apolida jew persuna barranija residenti b’mod permanenti fil-Litwanja (fejn l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tikseb l-imsemmija dokumenti jew data minn reġistri istituzzjonali jew tal-Istat jew minn sistemi ta’ informazzjoni tal-Istat). Billi jħallas l-allowance tal-manteniment f’konformità mal-proċedura stipulata, il-Bord tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol, jikseb id-dritt, sa mill-mument li titħallas l-allowance, li jirkupra mingħand id-debitur l-ammonti mħallsin, flimkien mal-imgħax impost fuq l-ammont dovut fir-rigward tad-dewmien ta’ kull jum. Deċiżjoni dwar l-irkupru tal-ammonti tal-allowance mħallsa u/jew tal-imgħax flimkien jikkostitwixxu infurzar.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Ara l-Mistoqsija 12.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Is-Servizz ta’ Għajnuna Legali ggarantit mill-Istat huwa l-awtorità ċentrali awtorizzata biex twettaq il-funzjonijiet speċifikati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji li jirrigwardjaw l-obbligi ta’ manteniment (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala r-“Regolament dwar il-Manteniment”).

Meta r-rikorsi jkunu jikkonċernaw l-obbligi ta’ manteniment ta’ persuni taħt il-21 sena li jirriżultaw mir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, il-funzjonijiet tal-awtorità ċentrali msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment jitwettqu mill-Bord tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol.

Dettalji ta’ kuntatt tas-Servizz ta’ Għajnuna Legali ggarantit mill-Istat:

Indirizz: Odminių g. 3, 01122 Vilnius, tel. +370 700 00 211, fax +370 700 35 006, posta elettronika: teisinepagalba@vgtpt.lt

Dettalji ta’ kuntatt tal-Bord tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol:

Il-Fergħa ta’ Mažeikai tal-Bord tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat, indirizz: Vasario 16-osios g. 4, LT-89225 Mažeikiai, tel. +370 (443) 26659, fax +370 (443) 27341, posta elettronika: mazeikiai@sodra.lt

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara l-Mistoqsija 14.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Il-Protokoll tal-Aja tal-2007 huwa applikabbli fil-Litwanja.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Meta japplika r-Regolament dwar il-Manteniment, l-għajnuna legali tiġi pprovduta f’konformità mal-Artikoli 44-47 tar-Regolament dwar il-Manteniment u mal-Artikolu 31-5 tal-Liġi dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u dik internazzjonali li tirregola l-proċedimenti ċivili u l-Liġi dwar l-għajnuna legali ggarantita mill-Istat. Ir-rikorsi għal għajnuna legali ggarantita mill-Istat jintbagħtu direttament lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-għajnuna legali ggarantita mill-Istat (is-Servizz ta’ Għajnuna Legali ggarantit mill-Istat u l-fergħat lokali tiegħu).

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Manteniment, ġew adottati emendi għal-Liġi Litwana dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u dik internazzjonali li tirregola l-proċedimenti ċivili. Dawn jiddefinixxu l-istituzzjonijiet awtorizzati biex iwettqu l-funzjonijiet tal-Awtorità Ċentrali skont ir-Regolament dwar il-Manteniment u l-proċedura biex tiġi pprovduta għajnuna legali u jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jwettqu r-rwol tal-Awtorità Ċentrali biex jiksbu, mingħajr ħlas, mingħand istituzzjonijiet Statali u muniċipali, korpi oħrajn, banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji oħrajn, u minn reġistri tal-Istat u sistemi ta’ informazzjoni oħrajn, id-data meħtieġa biex jitwettqu l-funzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-Manteniment.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.