Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Manteniment tal-familja

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Fid-dritt Taljan, is-servizzi ta' għajnuna għall-familji għandhom ismijiet, kundizzjonijiet u ammonti differenti skont ir-relazzjonijiet bejn il-persuna responsabbli u l-benefiċjarji.

L-"obbligazione alimentare" jikkonsisti fil-forniment ta' għajnuna materjali affavur ta' persuna inkapaċi li ssostni lilha nfisha b'mod awtonomu u liema obbligu jiġi impost fuq ċerti persuni ddefiniti bil-liġi fil-kuntest tal-obbligi ta' solidarjetà familjari.

Ir-regoli għal dan it-tip ta' manteniment huma stipulati fl-Artikoli 433 et seq. tal-Kodiċi Ċivili u jissuponu:

l-eżistenza ta' relazzjoni legali speċifika bejn il-persuna li hija responsabbli mill-manteniment u l-benefiċjarju

is-sitwazzjoni ta' bżonn tal-benefiċjarju li mhuwiex f'pożizzjoni li jipprovdi waħdu għall-manteniment tiegħu stess.

Il-persuni marbutin bl-obbligu li jipprovdu manteniment jikkonsistu f'dan l-ordni hawn taħt:

  • il-konjuġi
  • it-tfal
  • il- ġenituri u fin-nuqqas tagħhom, l-axxendenti l-aktar qrib
  • ir-raġel tat-tifla u l-mara tat-tifel
  • il-missierijiet u l-ommijiet tar-rispett
  • l-aħwa bniet jew subien.

L-obbligu jirrigwarda min jinsab fl-eqreb grad ta' parentela, fl-ordni indikat hawn fuq. Jekk diversi persuni jinsabu fl-istess grad, l-obbligu jinqasam prorata skont il-kundizzjonijiet ta' dħul tagħhom.

L-ammont li jrid jitħallas ikun proporzjonali għall-bżonnijiet tal-persuna li titlob il-manteniment u għall-kundizzjonijiet ta' dħul tad-debitur. Madankollu, il-manteniment ma għandux jaqbeż dak meħtieġ għall-għajxien tal-kreditur, anki jekk jittieħed kont tal-pożizzjoni soċjali tiegħu.

L-"assegno di mantenimento" huwa l-forniment ta' għajnuna finanzjarja ta' konjuġi lill-konjuġi l-iehor, f'każ ta' separazzjoni jew ta' divorzju, u għandu l-għan li jiżgura li l-persuna li tirċevih tibqa' iżżomm l-istess kundizzjonijiet ta' għajxien bħal dawk li kienet tgawdi minnhom matul iż-żwieġ. L-"assegno di mantenimento" huwa indipendenti mill-istat ta' bżonn tal-benefiċjarju u jista' jintalab anki jekk il-benefiċjarju qiegħed jaħdem; dan jista' jitneħħa u jiġi sostitwit b'pagament uniku.

Billi dan it-tip ta' manteniment għandu l-għan li jiżgura għall-konjuġi livell ta' għajxien li huwa simili għal dak li ppreċeda s-separazzjoni, dan ikun ġeneralment ogħla mill-"assegno alimentare". Madankollu, l-"assegno di mantenimento" mhuwiex dovut lill-konjuġi li huwa meqjus responsabbli għas-separazzjoni.

It-terminu "assegno di mantenimento" jirreferi wkoll għall-appoġġ finanzjarju li l-ġenituri jridu jħallsu għat-tfal tagħhom meta huma jisseparaw jew jiddivorzjaw.

It-tfal għandhom id-dritt għall-manteniment mill-ġenituri f'proporzjon tal-mezzi rispettivi tagħhom u abbażi tal-kapaċità ta' xogħol professjonali jew fid-dar tagħhom. F'każ ta' separazzjoni jew ta' divorzju, il-qorti tistabbilixxi l-ħlas ta' manteniment regolari u tiddeċiedi l-ammont skont il-bżonnijiet tat-tfal, l-istandard tal-għajxien li dawn tal-aħħar kellhom meta kienu qegħdin igħixu maż-żewġ ġenituri, l-ammont ta' żmien mgħoddi ma' kull ġenitur, ir-riżorsi finanzjarji taż-żewġ ġenituri u l-valur finanzjarju tal-funzjonijiet domestiċi u ta' kura mwettqa minn kull ġenitur.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Sakemm isiru adulti, it-tfal għandhom id-dritt għall-manteniment mill-ġenituri f'proporzjon tal-mezzi rispettivi tagħhom u abbażi tal-kapaċità ta' xogħol professjonali jew fid-dar tagħhom. F'każ ta' separazzjoni jew ta' divorzju, il-qorti tistabbilixxi l-ħlas ta' manteniment regolari (ara l-punt preċedenti).

Jekk it-tfal saru maġġorenni iżda għadhom mhumiex finanzjarjament awtonomi, il-qorti tista' tordna lil wieħed mill-ġenituri jew lit-tnejn li huma sabiex iħallsu manteniment regolari, ġeneralment imħallas direttament lit-tfal. Ladarba it-tfal isiru finanzjarjament awtonomi, u jekk huma jerġgħu jgħaddu minn diffikulta finanzjarja, il-ġenituri huma responsabbli biss mill-"obbligazione alimentare".

Fl-aħħar, jekk it-tifel maġġorenni jkollu diżabbiltà serja, japplikaw ir-regoli għal tfal minorenni.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Għall-kisba tal-"alimenti", l-applikant irid iressaq rikors f'dan is-sens (att ta' ċitazzjoni) quddiem il-qorti tal-post ta' residenza tiegħu, billi jehmeż kull dokument li jista' jipprova' l-istat ta' bżonn tiegħu.

Huwa possibbli li jintalab lill-qorti l-iffissar ta' manteniment provviżorju, wara l-ftuħ tal-proċeduri u qabel ma tingħata d-deċiżjoni definittiva.

Jista' jintalab il-manteniment għat-tfal jew għal konjuġi fi proċeduri separati jew fil-kuntest tal-proċeduri ta' separazzjoni jew ta' divorzju. Il-manteniment jista' ukoll jiġi stabbilit mill-qorti matul l-ewwel seduta tal-proċeduri.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009, fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a) il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b) il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(ċ) il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċeduri li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, ħlief jekk dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

(d) il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, ħlief jekk dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Ir-rikors għal manteniment irid jiġi mressaq minn avukat, li jirrapreżenta l-parti fil-proċeduri.

L-assistenza minn avukat mhijiex meħtieġa jekk id-definizzjoni ta' "assegno di mantenimento" mhijiex inkluża fil-ftehim bejn iż-żewġ konjuġi li qegħdin jisseparaw. F'dan il-każ, il-ftehim jitressaq quddiem il-qorti, li tivvalidah wara li tkun ivverifikatu.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Ir-rikorrent f'kawża ċivili jrid iħallas taxxa magħrufa bħala "miżata għar-reġistrazzjoni (contributo unificato di iscrizione a ruolo)", li l-ammont tagħha tvarja skont it-tip u l-valur tal-kawża. Barra minn hekk, l-ordnijiet maħruġa mill-qorti huma suġġetti għal taxxa ta' reġistrazzjoni.

Madankollu, il-proċeduri dwar il-manteniment tat-tfal huma eżenti minn kull ħlas ta' miżati għar-reġistazzjoni.

Il-partijiet iridu jħallsu l-ispejjeż legali tal-avukati li jirrapreżentawhom fil-qorti.

Il-persuni mingħajr riżorsi jistgħu jitolbu li jinħatar avukat sabiex jassistihom mingħajr ħlas, bl-ispejjeż sostnuti mill-Istat (għajnuna legali).

Għall-kisba tal-għajnuna legali, ir-rikorrent irid ikollu dħul annwali taxxabbli li ma jkunx ogħla minn EUR 10 766,33. Jekk huwa jikkoabita flimkien mal-konjuġi tiegħu jew ma' membri oħra tal-familja tiegħu, id-dħul jiġi kkalkulat billi jingħadd id-dħul miksub matul l-istess perjodu mill-membri kollha tal-familja, inkluż ir-rikorrent. F'dan il-każ, id-dħul massimu biex wieħed jikkwalifika għall-għajnuna legali jiżdied b' EUR 1 032,91 għal kull membru tal-familja li miegħu r-rikorrent ikun qiegħed igħix.

It-talba għall-għajnuna legali titressaq quddiem il-Consiglio dell’Ordine degli Avvocati tal-post fejn tinsab il-qorti li għandha ġurisdizzjoni. It-talbiet iridu jsiru fuq formularji disponibbli mill-uffiċċju amministrattiv u fuq is-sit web tal-Consiglio dell'Ordine degli Avvocati, billi jiġu ppreżentati d-dokumenti indikati fuqhom.

Huwa meħtieġ li fit-talba jiġu indikati r-raġunijiet u l-motivi legali għat-talba u jitressqu l-provi dokumentati relatati, inkwantu l-Consiglio dell’Ordine degli Avvocati (il-Kamra tal-Avukati) jkun jista' jagħti l-benefiċċju tal-għajnuna legali biss jekk it-talbiet invokati matul il-proċeduri jkunu manifestament fondati.

Jekk il-Consiglio dell’Ordine degli Avvocati jilqa' it-talba, il-parti interessata tista' taħtar avukat difensur billi tagħżlu mill-elenku tal-avukati awtorizzati biex jaqdu l-funzjonijiet ta' avukat imħallas mill-Istat. Ċerti kunsilli jipproċedu sabiex jindividwaw l-avukat li jieħu l-kawża.

It-talba għal-għajnuna legali tista' ssir f'kull stadju tal-proċess u istanza tal-proċeduri u hija valida għall-istanzi suċċessivi kollha. Il-kundizzjoni ta' insuffiċjenza ta' dħul trid tippersisti matul il-perjodu kollu tal-proċess.

Jekk it-talba għall-għajnuna legali mhijiex aċċettata, il-persuna kkonċernata tista' tagħmel talba oħra quddiem il-qorti li hija kompetenti mill-kawża.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

L-ordni mill-qorti li jistabbilixxi l-għoti u l-ammont tal-manteniment, u li jordna l-ħlas tiegħu, hija sentenza ta' kundanna li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

Is-sentenza li tiddikjara d-dritt għall-manteniment timponi l-obbligu fuq id-debitur li jakkomplixxi dak meħtieġ sabiex il-benefiċjarju jkun jista' jissodisfa l-eżiġenzi fundamentali ta' għajxien tiegħu (spejjeż tal-ikel, akkomodazzjoni, lbies u spejjeż għall-beni u s-servizzi intiżi sabiex jippermettu minimu ta' ħajja deċenti). Fl-iffissar tal-ammont tal-manteniment, il-qorti tieħu kont ukoll tal-kundizzjonijiet finanzjarji tad-debitur.

Is-sentenza li tiddikjara l-ammont tal-manteniment affavur konjuġi separat tieħu wkoll kont tal-livell ta' għajxien matul iż-żwieġ.

Is-sentenza li tiddikjara l-ammont tal-manteniment affavur tfal minuri, jew anki maġġorenni iżda nhux awtonomi, tieħu kont tal-ħtieġa dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-ammont tal-manteniment huwa awtomatikament allinjat mal-indiċi tal-ISTAT, jew eventwalment skont parametri oħra li l-partijiet ikunu qablu magħhom jew ġew previsti fis-sentenza.

L-ammont tal-manteniment jista' sussegwentement jiġi mmodifikat fuq talba tal-persuna interessata jew tal-kreditur, liema talba għandha titressaq lill-qorti kompetenti li ġeneralment hija dik li tkun tat l-ewwel sentenza.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-qorti tistabbilixxi l-forom u l-modalitajiet tal-ħlas tal-manteniment.

Rigward is-separazzjoni personali, il-qorti tista' tordna lil partijiet terzi li jkunu obbligati jħallsu xi somom tal-flus lid-debitur, inkluż perjodikament (pereż. lill-impjegatur tiegħu), li jħallsu parti mis-somma direttament lill-konjuġi separat.

Il-manteniment irid jitħallas lill-kreditur.

Il-manteniment affavur tat-tfal minuri huwa issoltu mħallas lill-konjuġi li għandha l-kustodja tagħhom.

Il-manteniment ordnat mill-qorti affavur ta' tfal li saru maġġorenni, iżda mhux awtonomi finanzjarjament, jitħallas direttament lit-tfal.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk id-debitur ma jħallasx il-manteniment volontarjament, il-benefiċjarju għandu l-mezzi tas-soltu għall-infurzar tal-obbligi finanzjarji (eżekuzzjoni sforzata).

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Id-dritt għall-manteniment mhuwiex per se suġġett għal terminu ta' preskrizzjoni. Il-ħlasijiet individwali dovuti u mhux imħallsa huma suġġetti għall-preskrizzjoni ta' perjodu ta' ħames snin (Art. 2948(2) tal-Kodiċi Ċivili). Barra minn hekk, il-preskrizzjoni hija sospiża bejn il-konjuġi u bejn dawk li jeżerċitaw ir-responsabbiltà parentali għall-persuni li jirċievu l-manteniment.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Ma teżistix fl-Italja organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħin lil dawk intitolati għall-manteniment sabiex jirċevuh. Il-parti interessata, personalment jekk hija maġġorenni jew permezz tar-rappreżentant legali tagħha jekk hija jkollha anqas minn 18-il sena, trid iġġib każ quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, bl-assistenza ta' avukat.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Le.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Il-persuna intitolata għall-manteniment fil-konfront ta' debitur residenti f'pajjiż ieħor tista' titlob l-assistenza mingħand l-awtorità ċentrali Taljana u permezz tagħha, fl-Istat Membru li fih id-debitur stabbilixxa r-residenza użwali tiegħu, tressaq talba għal rikonoxximent, dikjarazzjoni li jkollha forza eżekutorja u ta' infurzar tad-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-intitolament tagħha għall-manteniment, skont is-sistema ta' kooperazzjoni stabbilita mill-Kapitolu VII tar-Regolament (KE) Nru 4/2009.

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Minorenni fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja - (Ministero della Giustizia - Dipartimento per la Giustizia Minorile) - hija l-awtorità ċentrali għall-Italja skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 għall-irkupru tal-manteniment f'tilwim ta' natura transfruntiera fil-qasam ġudizzjarju Ewropew.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

L-awtorità ċentrali tista' tiġi kkuntattjata fl-indirizz li ġej:

Ministero della Giustizia, Dipartimento per la Giustizia Minorile
Via Damiano Chiesa 23
00136 Roma

Tel. 0668188325

Faks 0668808085;

Posta elettronika: acitalia0409.dgm@giustizia.it

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Il-kreditur li jirrisjedi barra mill-pajjiż u li beħsiebu jeżegwixxi fl-Italja d-deċiżjoni li tirrikonoxxi d-dritt tiegħu għall-manteniment, jista' ifittex għajnuna mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru u permezz tagħha, iressaq talba fis-sensi tal-Art. 56 tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 b'mod li jibbenefika mis-sistema ta' kooperazzjoni stabbilita mill-Kapitolu VII ta' dan ir-regolament.

Konsegwentement, it-talba ma tistax titressaq direttament lill-awtorità ċentrali jew lill-awtoritajiet jew entitajiet privati oħra fl-Italja.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Rigward l-aċċess għall-ġustizzja, fil-kaijiet ta' tilwim transfruntier, l-iskema prevista fil-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 hija direttament applikabbli.

Fil-qosor, dan ifisser li għal talbiet għal manteniment imressqa permezz tas-sistema deskritta fil-Kapitolu VII, li tirriżulta minn relazzjoni ta' filjazzjoni, tintuża' l-proċedura li ġejja:

fit-tilwim għar-rikonoxximent jew ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni li jkollha forza eżekutorja ta' deċiżjonijiet u għall-infurzar ta' deċiżjoni maħruġa fl-Istat jew diġà rikonoxxuta, jekk il-benefiċjarju għandu anqas minn 21 sena, l-għajnuna legali b'xejn hija awtomatikament prevista, mingħajr ma jittieħed kont, għalhekk, tal-kriterji tad-dħul u tal-fondatezza tat-talba, kif previsti permezz tar-reglementazzjoni ġenerali (Ara l-punt 7);

għal tipi ta' każijiet oħra (talbiet għall-kisba jew għall-modifika ta' deċiżjoni) u jekk it-talba tirrigwarda persuna taħt l-età ta' 21 sena, l-għoti b'xejn tal-għajnuna legali huwa kkundizzjonat fuq valutazzjoni dwar in-natura manifestament fondata tat-talba, iżda mingħajr verifiki tad-dħul tal-persuna;

jekk l-applikant għandu aktar minn 21 sena, huwa jista' jibbenefika mill-għoti b'xejn tal-għajnuna legali abbażi tal-kriterji normali tad-dħul u tal-fondatezza tat-talba tiegħu, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara l-punt 7).

Għat-talbiet dwar l-obbligi tal-manteniment li ma jirriżultawx minn relazzjoni ta' filjazzjoni (u għalhekk it-talbiet imressqa mill-konjuġi jew minn persuni oħra abbażi ta' rapport ta' parantela jew affinità), l-għajnuna b'xejn mill-Istat tingħata fil-preżenza ta' kriterji abitwali ta' dħul u ta' fondatezza tat-talba, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara l-punt 7).

F'kull każ, il-kriterju tal-kontinwità jiġi applikat: ir-rikorrent li bbenefika totalment jew parzjalment mill-għajnuna b'xejn mill-Istat ta' oriġini huwa intitolat għall-għajnuna b'xejn mill-Istat anki fil-kuntest tal-proċedura li nfetħet fl-Italja għar-rikonoxximent, għad-dikjarazzjoni li jkollha forza eżekutorja u għall-infurzar tad-deċiżjoni.

Meta l-kriterji msemmija iktar 'il fuq huma ssodisfatti, l-awtorità ċentrali Taljana titrażmetti t-talba ta' għajnuna legali b'xejn lill-consiglio dell’ordine degli Avvocati, flimkien mad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa fornita mill-parti interessata.

Il-consiglio dell’ordine degli Avvocati jiddeċiedi dwar l-għoti tal-għajnuna legali skont l-ipoteżijiet imsemmija hawn fuq.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Għall-ipproċessar ta' talba ta' kooperazzjoni trażmessa skont il-Kapitolu VII, l-awtorità ċentrali Taljana adottat il-metodu segwenti:

  • hija tinkoraġixxi soluzzjonijiet amikevoli tal-kontroversja billi tibgħat stedina lid-debituri sabiex jissodisfaw volontarjament l-obbligu tagħhom;
  • hija tistieden id-debitur sabiex jikkuntattja l-awtorità ċentrali biex jaqbel dwar il-modalitajiet tat-tranżazzjoni tal-kawża;
  • hija tillokalizza d-debitur billi taċċedi għall-bażi tad-data tar-Reġistru Nazzjonali tal-Muniċipalitajiet Taljani (Indice nazionale dei comuni italiani) u dik tal-Awtorità tal-Ħabsijiet (Amministrazione penitenziaria), jew inkella billi tikkuntattja l-uffiċċji lokali tal-insinwa;
  • hija tiġbor informazzjoni dwar id-dħul u l-beni tad-debitur, bl-għajnuna tal-pulizija għat-taxxa (polizia tributaria);
  • hija tiffaċilita l-ġbir ta' provi dokumentati, fil-kuntest tal-miżura speċifika prevista fl-Artikolu 51(2)(g) tar-Regolament, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji.
  • hija tiffaċilita l-għoti ta' għajnuna legali kif spjegat fil-punti 7 u 18 iktar 'il fuq.
L-aħħar aġġornament: 22/01/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna