Manteniment tal-familja

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

L-obbligu tal-manteniment ġeneralment jimponi responsabbiltà reċiproċi bejn qraba diretti:

- il-ġenituri għandu obbligu li jmantni lill-uliedu, u l-ulied għandhom l-obbligu jmantnu lill-ġenituri tagħhom;

- jekk it-tfal għandhom dritt għall-manteniment iżda ma għandhomx ġenituri biex iħallsulhom il-manteniment, dan l-obbligu jgħaddu għand il-qraba li jmiss;

- jekk persuna li għandha dritt għall-manteniment ma jkollix tfal, qraba iktar distanti huma responsabbli għall-manteniment tagħha (Taqsima 4:196(1) sa (4) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-minuri mingħajr qarib dirett li jista' jkun irid iħallas il-manteniment iridu jiġi mantnuti minn ħuthom akbar minnhom, jekk ħuthom jistgħu iħallsu l-mantenimnent mingħajr ma jqiegħdu f'riskju l-kapaċità tagħhom li jmantnu lilhom infushom, lill-konjuġi tagħhom jew sieħeb li magħhom jikkoabitaw u l-qraba diretti dipendenti tagħhom (Taqsima 4:197 tal-Kodiċi Ċivili).

Fl-unita' domestika tagħhom il-konjuġi li jgħixu flimkien iridu jmantnu lill-minuri dipendenti tal-konjuġi l-ieħor (wild tar-rispett) li jkun jgħix magħhom bil-kunsens tal-konjuġi l-ieħor (Taqsima 4:198(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-wild tar-rispett iridu jmantnu l-ġenitur tar-rispett tagħhom li għandhom bżonn il-manteniment jekk il-ġenitur tar-rispett ikun ipprovdilhom il-manteniment għal perjodu twil ta' żmien (Taqsima 4:199(1) tal-Kodiċi Ċivili).

It-tfal taħt foster care iridu jmantnu lil dik il-persuna li ħadet ħsiebhom f'darha għal perjodu twil ta' żmien mingħajr ma talbet kumpens finanzjarju, u li mhix il-ġenitur bijoloġiku, adottiv jew tar-rispett tagħhom (Taqsima 4:199(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Kull konjuġi jista' jitlob il-manteniment mingħand il-konjuġi l-ieħor f'każ ta' separazzjoni personali, jew mill-konjuġi l-ieħor f'każ ta' divorzju, jekk ma jkunx jista' jmantni lilu nnifsu mingħajr tort minn naħa tiegħu (Taqsima 4:29(1) tal-Kodiċi Ċivili).

F'każ ta' separazzjoni personali, l-eks konjuġi li ma jistax imantni lilu nnifsu mingħajr tort minn naħa tiegħu jista' jitlob għall-manteniment mill-konjuġi l-ieħor, sakemm ir-relazzjoni damet mill-inqas sena u kellhom tarbija flimkien (Taqsima 4:86(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Hemm żewġ tipi ta' "manteniment": manteniment in natura jew fi flus kontanti (manteniment).

F'każ ta' minuri, "l-obbligu tal-manteniment" ifisser illi l-ġenituri tat-tfal għandu dritt u jrid jipprovdi għat-tfal fil-familja, biex irabbihom u jipprovdi l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp fiżiku, konjittiv, emozzjonali u morali - speċjalment l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ħwejjeġ - kif ukoll l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.

Il-ġenitur li jieħu ħsieb u jgħix fl-istess dar bħat-tfal imantnihom in natura, filwaqt li l-ġenitur li jgħix separatament (jew fl-istess dar iżda ma jipprovdix manteniment) jipprovdi għat-tfal prinċipalment permezz tal-manteniment.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Il-minuri kollha (taħt it-18) għandhom dritt għall-manteniment skont il-preżunzjoni ta' bżonn stabbilita mil-liġi. It-tfal taħt l-20 sena wkoll għandhom dritt għall-manteniment, sakemm ikunu qed jattendu l-iskola sekondarja.

It-tfal li jistgħu jaħdmu skont il-liġi (18-il sena l-fuq) li jkunu għadhom qed jistudjaw għandhom dritt għall-manteniment minkejja l-preżunzjoni ta' bżonn jekk għandhom bżonn il-manteniment biex ikunu jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom għal perjodu ta' żmien raġjonevoli. It-tfal iridu jinfurmaw lill-ġenituri tagħhom mingħajr dewmien bil-ħsieb tagħħom li jkomplu l-istudju tagħhom (Taqsima 4:220(1) tal-Kodiċi Ċivili).

L-istudji jinkludu kull kors jew taħriġ meħtieġ għall-kisba ta' kwalifika bi tħejjija għal karriera kif ukoll studji ta' baċċellerat jew master's ta' edukazzjoni ogħla jew edukazzjoni vokazzjonali ogħla, segwiti fuq bażi kontinwa.

Fejn ġustifikat b'mod eċċezzjonali, il-ġenituri jistgħu jkunu obbligati jħallsu l-manteniment ta' tfal ta' 25 sena u fuqhom (Taqsima 4:220(5) tal-Kodiċi Ċivili).

Madankollu, l-ġenituri mhux obbligati jmantnu wild ta' età adulta li qed ikompli l-istudji tiegħu jekk huwa jitqies li ma ħaqqux jirċievi manteniment, ma jissodisfax l-obbligi tal-iskola u tal-eżamijiet tort tiegħu stess, jew jekk l-għoti tal-manteniment iqiegħed fir-riskju l-kapaċità ta' dak il-ġenitur li jipprovdi għalih innifsu, jew għal wild minuri tiegħu. Wild adult jitqies li ma jistħoqqlux il-manteniment ukoll jekk, għal xi raġuni mhux ġustifikata, ma jżommx kuntatt mal-ġenitur li jħallaslu l-manteniment (Taqsima 4:220(3) u (4) tal-Kodiċi Ċivili).

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Skont l-ammont u t-tip ta' manteniment, japplika l-ftehim bejn il-persuna li għandha dritt għall-manteniment u l-persuna li trid tħallsu (f'każ ta' manteniment tat-tfal, il-ġenituri). Fin-nuqqas ta' ftehim, il-persuna li għandha dritt għall-manteniment tista' titlon deċiżjoni tal-qorti dwar il-manteniment. Fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-ġenituri, il-manteniment tat-tfal jiġi stabbilit mill-qorti.

Jistgħu jiftħu kawża, għall-manteniment tat-tfal, il-kuratur, u fir-rigward tal-manteniment għal ġenitur - skont il-kunsens tiegħu - l-awtorità distrettwali kompetenti. Il-qraba li għandhom obbligu ta' manteniment u li jipprovdu għall-manteniment jew jieħdu ħsieb persuna li għandha dritt tirċievi l-manteniment jistgħu jiftħu kawża kontra l-partijiet l-oħra li għandhom obbligu ta' manteniment.

Il-ġenitur jew rappreżentant legali ieħor tat-tfal li għandhom dritt għall-manteniment jistgħu jitolbu ħlas bil-quddiem tal-manteniment mill-kuratur, jekk il-manteniment ma setax jinkiseb għal mill-inqas sitt xhur preċedenti.

It-talba trid tgħid illi ma kienx hemm raġunijiet għar-rifjut ta' ħlas bil-quddiem, kif ukoll ir-raġunijiet u l-fatti li jiġġustifikawha.

Id-dokumenti li ġejjin jridu jiġu mehmuża mat-talba: id-dikjarazzjonijiet tal-introjtu rilevanti; id-deċiżjoni finali tal-qorti li tistabbilixxi l-manteniment tat-tfal jew id-dokument li juri r-reġistrazzjoni fi skola sekondarja, jekk applikabbli; u rapport li sar mhux aktar minn sitt xhur ilu dwar il-qbid tal-propjetà, li jiddikjara s-sospensjoni tal-proċedimenti ta' eżekuzzjoni, jew id-dokument li juri li bdew il-proċedimenti għall-irkupru tal-manteniment.

Il-kuratur jrid jiżgura illi l-manteniment temporanjament - għall-inqas sitt xhur qabel is-sottomissjoni tat-talba - ma setax jinkiseb.

Il-ħlas bil-quddiem tal-manteniment jista' jsir jekk il-persuna li għandha dritt għall-manteniment talbet għall-eżekuzzjoni tal-manteniment stabbilit fid-deċiżjoni tal-qorti, jekk falliet l-eżekuzzjoni mill-paga, introjtu regolari ieħor jew assi oħra tad-debitur, jew ġiet sospiża l-eżekuzzjoni, jew jekk l-ammont parzjalment imħallas jew is-somma rkuprata ma taqbiżx il-50% tal-ammont ta' manteniment stabbilit mill-qorti.

F'każ ta' bżonn, il-kuratur jista' jitlob lill-qorti jew lil bailiff indipendenti tal-qorti għal informazzjoni dwar l-eżitu tal-proċedimenti ta' eżekuzzjoni mibdija mir-rikorrent. Jekk ikun meħtieġ biex jiġu kjarifikati l-fatti, il-kuratur jista' jitlob dettalji dwar is-sekwestru mingħand l-impjegatur.

Fin-notifika dwar il-bidu tal-proċedimenti, il-kuratur jista' jitlob lid-debitur biex iħallas il-manteniment mingħajr sewmien u biex jagħmel dikjarazzjoni f'dak is-sens.

Il-kuratur jinnotifika id-deċiżjoni tiegħu lill-impjegatur tad-debitur, lill-qorti ta' eżekuzzjoni, lill-bailiff indipendenti tal-qorti, l-uffiċċju tal-prosekutur b'ġuriżdizzjoni fuq l-indirizz tal-kreditur u d-debitur, in-nutar b'ġuriżdizzjoni fuq l-indirizz tad-debiturm bħala awtorità fuq it-taxxa, u l-uffiċċju ta' Budapest jew tal-gvern tal-kontea li jipprovdi ħlas bil-quddiem tal-manteniment.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Iva, il-ġenituri jew rappreżentant legali ieħor tat-tfal li għandhom dritt għall-manteniment jistgħu jitolbu l-ħlas bil-quddiem tal-manteniment mingħand il-kuratur.

Il-qraba li għandhom obbligu ta' manteniment u li jipprovdu għall-manteniment jew jieħdu ħsieb persuna li għandha dritt tirċievi l-manteniment jistgħu jiftħu kawża kontra l-partijiet l-oħra li għandhom obbligu ta' manteniment.

Jistgħu jiftħu kawża, għall-manteniment tat-tfal, il-kuratur, u fir-rigward tal-manteniment għal ġenitur - skont il-kunsens tiegħu - l-awtorità distrettwali kompetenti.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Skont ir-regoli ġenerali tal-ġuriżdizzjoni, il-qorti fit-territorju li fih jgħix il-konvenut (id-debitur) għandha ġuriżdizzjoni.

Fin-nuqqas ta' indirizz fl-Ungerija,il-ġuriżdizzjoni hija regolata mill-post ta' residenza tal-konvenut. Jekk il-post ta' residenza tal-konvenut mhux magħruf jew barra l-pajjiż, jiġi kkunsidrat l-aħħar domiċilju fl-Ungerija tiegħu. Jekk id-domiċilju ma jistax jiġu stabbilit jew jekk il-konvenut ma għandux domiċilju, il-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita fuq il-bażi tad-domiċilju tar-rikorrent, jew fin-nuqqas, il-post ta' residenza tiegħu.

Jekk id-domiċilju u l-post tax-xogħol tal-konvenut mhumiex fl-istess żona, fuq talba tal-konvenut ippreżentata mhux aktar tard mill-ewwel seduta ta' smigħ tal-kawża, il-qorti tirreferi l-kwistjoni lill-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq il-post tax-xogħol tal-konvenut, sabiex tmexxi s-smigħ u tagħti sentenza(Taqsima 29 tal-Kodiċi dwar il-Proċedura ).

Kawża għall-manteniment tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tar-rikorrent (Taqsima 34(1) tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili).

Il-qrati kompetenti jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Ir-rikorrent ma għandux bżonn intermedjarju biex jiftaħ kawża l-qorti. Ir-rikorrent jista' jiftaħ kawża direttament il-qorti (mingħajr l-obbligu li juża rappreżentant) (ara l-Mistoqsijiet 3, 4 u 5).

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, il-partijiet - sakemm mhumiex eżenti mill-ħlas tal-ispejjeż materjali tal-proċedimenti skont il-liġi, skont att ġeneralment u direttament applikabbli tal-Unjoni Ewropea jew ftehim internazzjonali - għandhom dritt għal differiment tal-ispejjeż materjali tal-proċedimenti mressqa għall-manteniment dovut skont il-liġi, inklużi dawk li jinvolvu l-irkupru tal-manteniment mill-korp li qed iħallas il-kumpens tad-debitur jew minn persuna oħra, il-kanċellament jew it-tibdil fl-ammont tal-manteniment, it-terminazzjoni jew il-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-manteniment u, f'każ ta' manteniment transfruntier, jew il-ġbir tad-dejta personali tad-debitur.

F'każ ta' differiment tal-ispejjeż materjali:

(a) l-Istat iħallas għall-ispejjeż tal-proċedimenti (it-tariffi tax-xhieda u l-esperti, l-interpretu, l-amministratur u l-avukat, l-ispejjeż tal-proċess u l-investigazzjoni li saret fuq il-post, eċċ), bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż mhux koperti mid-differiment u għalhekk pagabbli bil-quddiem mill-parti;

(b) il-parti tingħata differiment mill-pagament tat-tariffi tal-qorti.

Anke fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali jew reċiproċità, il-barranin wkoll għandhom dritt għal differiment tal-ispejjeż materjali.

Jekk, f'każ ta' differiment tal-ispejjeż materjali, il-qorti tordna lil parti minnhom biex iġġorr l-ispejjeż tal-proċedimenti, hija trid iġġorr l-ispejjeż kollha mħallas bil-quddiem mill-Istat u t-tariffi reġistrati lill-Istat.

It-tariffa għall-proċedimenti hija ta' 6%, jew minimu ta' HUF 15 000 u massimu ta' HUF 1 500 000. F'każ ta' proċedimenti għal talbiet ta' manteniment, il-bażi tat-tariffa huwa l-manteniment dovut, iżda mhux aktar mill-manteniment għal sena.

Jekk il-parti ma għandix biżżejjed mezzi finanzjarji biex tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti, il-parti tista' tressaq talba għall-eżenzjoni mal-qorti.

Sabiex titħaffef l-eżekuzzjoni tad-drittijiet tagħhom, il-persuni fiżiċi (inkluż l-intervenjenti) li ma jifilħux għall-ispejjeż tal-proċedimenti minħabba l-introjtu u l-qagħda finanzjarja tagħhom jiġu eżenti bis-sħiħ jew parzjalment, fuq talba tagħhom, mill-ħlas ta' dawn l-ispejjeż.

Jekk l-introjtu tal-partijiet (il-paga, l-pensjoni jew finanzjament regolari ieħor) ma jaqbiżx il-pensjoni minima fis-seħħ skont in-numru ta' snin ta' ħidma attiva, u l-parti ma għandix assi - ħlief għan-neċessitajiet normali tad-dar, l-għamara u l-armar - il-parti trid tingħata eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż. L-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż trid tingħata - mingħajr eżaminazzjoni tal-introjtu u l-qagħda finanzjarja tagħhom - lill-partijiet li għandhom dritt għal benefiċċji mogħtija lil persuni ta' età tax-xogħol jew li jgħixu ma' qarib viċin fl-istess dar li għandhom dritt għal benefiċċji mogħtija lil persuni ta' età tax-xogħol.

L-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tinkludi l-benefiċċji li ġejjin:

(a) eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti;

(b) eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura (tariffi tax-xhiedha u esperti, l-interpretu, l-amministratur u l-avukat, l-ispejjeż tal-proċess u l-investigazzjoni li saret fuq il-post, eċċ) bil-quddiem u - sakemm il-liġi applikabbli ma tipprovdix mod ieħor - il-ħlas tagħhom b'mod ġenerali;

(c) eżenzjoni mill-obbligu ta' depożitu għall-ispejjeż tal-proċedimenti;

(d) talba għall-approvazzjoni tar-rappreżentazzjoni minn avukat, jekk permess mil-liġi.

L-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tiġi approvata mill-qorti, fuq talba, u l-qorti tista' tiddeċiedi wkoll dwar l-irtirar ta' din l-eżenzjoni.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-ġenituri, il-manteniment jiġi stabbilit mill-qorti.

Meta' jiġi determinat l-ammont tal-manteniment, iridu jitqiesu dawn li ġejjin:

(a) il-bżonnijiet iġġustifikati tat-tfal (spejjeż regolari meħtieġa għall-għajxien tagħhom, il-kura medika, it-trobbija u l-edukazzjoni);

(b) l-introjtu u l-qagħda finanzjarja taż-żewġ ġenituri;

(c) it-tfal l-oħra li jgħixu fl-istess dar mal-ġenituri tagħhom (it-tfal tagħhom stess, tfal tar-rispett jew tfal bil-fostering), u t-tfal li jridu jiġu mantnuti mill-ġenituri);

(d) l-introjtu tat-tfal stess, u

(e) il-benefiċċji għall-protezzjoni tat-tfal, għajnuna lill-familja, is-sigurtà soċjali u l-benefiċċji soċjali provduti għat-tfal u l-ġenitur li qed irabbihom (Taqsima 4:218(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-manteniment irid jitħallas bħala ammont fiss. Il-qorti tista' tiddeċiedi illi l-ammont tal-manteniment pagabbli jrid jiġi aġġustat awtomatikament kull sena, skont iż-żieda fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur ippubblikat kull sena mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ċentrali tal-Ungerija, mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara (Taqsima 4:207 tal-Kodiċi Ċivili). L-ammont ta' manteniment pagabbli għal kull tifel jiġi ffissat b'mod ġenerali 15-25% tal-introjtu medju tal-persuna li trid tħallas il-manteniment. B'mod ġenerali, meta' jiġi determinat l-introjtu medju tal-persuna li trid tħallas il-manteniment, irid jitqies l-introjtu totali f'sena tas-sena qabel bdew il-proċedimenti għall-manteniment (Taqsima 4:218(4) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk tibdil fil-ftehim tal-partijiet jew fiċ-ċirkostanzi li ffurmaw il-bażi tas-sentenza tal-qorti dwar l-ammont ta' manteniment iqiegħed f'riskju interess legali vitali ta' kull waħda mill-partijiet jekk il-parti jkollha tkompli tħallas il-manteniment taħt l-istess kundizzjonijiet, kull parti tista' titlob għal bidla fl-ammont jew it-termini tal-ħlas. Parti li missha antiċipat bidla fiċ-ċirkostanzi tagħha meta daħħlet għall-ftehim dwar il-manteniment jew li kienet responsabbli għal bidla ma tistax titlob bidla fil-manteniment miftiehem.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-persuna li trid tħallas il-manteniment trid tħallsu lill-persuna li għandha dritt tirċevih, perjodikament (pereżempju fix-xahar), bil-quddiem.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk id-debitur ma jħallasx il-manteniment volontarjament, il-kreditur jista' jressaq it-talba tiegħu quddiem il-qorti, u l-qorti tista' tordna l-eżekuzzjoni tagħha. Talba għall-manteniment li tmur lura aktar minn sitt xhur tista' tiżi eżegwita b'effett retroattiv jekk il-kreditur ikollhu raġuni tajba għalfejn dam bl-applikazzjoni tiegħu għall-eżekuzzjoni. It-talbiet ta' manteniment li jmorru lura aktar minn tliet snin ma jistgħux jiġu invokati l-qorti (Taqsima 4:208(3) tal-Kodiċi Ċivili).

Jistgħu jiftħu kawża, għall-manteniment tat-tfal, il-kuratur, u fir-rigward tal-manteniment għal ġenitur - skont il-kunsens tiegħu - l-awtorità distrettwali kompetenti (Taqsima 4:208(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-qraba li għandhom obbligu ta' manteniment u li jipprovdu għall-manteniment jew jieħdu ħsieb persuna li għandha dritt tirċievi l-manteniment jistgħu jiftħu kawża kontra l-partijiet l-oħra li għandhom obbligu ta' manteniment (Taqsima 4:208(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Fid-deċiżjoni tagħha li tobbliga lil persuna li għandha paga biex tħallas il-manteniment, fuq talba tal-kreditur il-qorti tista' ssejjaħ lill-impjegatur direttament biex inaqqas l-ammont stabbilit fid-deċiżjoni u jħallsu lill-kreditur.

Jekk ma kienx hemm seħja diretta mill-qorti, iżda aktar tard parti tressaq rikors għall-eżekuzzjoni ibbażat fuq is-sentenza tal-qorti jew il-ftehim tal-partijiet approvat minn deċiżjoni tal-qorti, il-qorti tordna l-eżekuzzjoni tal-manteniment permezz ta' mandat ta' qbid, jekk il-paga hekk imnaqqsa tkopri l-ammont konċernat.

L-ammont imnaqqas ma jistax jaqbeż 50% tal-pagi tal-impjegat. Mill-benefiċċju tal-qagħad (benefiċċju tal-qagħad, benefiċċju tal-qagħad qabel il-pensjoni, benefiċċju addizzjonali mal-introjtu u benefiċċju għal min qed ifittex xogħol) jista' jitnaqqas massimu ta' 33% għall-manteniment.

Jekk id-debitur ma għandux introjtu regolari jew l-ammont li se jitnaqqas mill-introjtu tiegħu ma jkoprix l-ammont dovut, il-qorti tordna l-eżekuzzjoni bil-ħruġ tad- dokument ta' eżekuzzjoni. F'dan il-każ, l-eżekuzzjoni tkopri mhux biss il-paga, iżda assi oħra kif stabbiliti fl-Att dwar l-Eżekuzzjoni.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Jekk jogħġbok żur il-paġna li għandha informazzjoni dwar il- Proċeduri għall-eżekuzzjoni ta' sentenza.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 10.

Il-ġenitur jew rappreżentant legali ieħor tat-tfal li għandhom dritt għall-manteniment jistgħu jitolbu ħlas bil-quddiem tal-manteniment mill-kuratur, jekk il-manteniment ilu ma jinkiseb għal mill-inqas sitt xhur.

Fin-notifika dwar il-bidu tal-proċedimenti, il-kuratur jista' jitlob lid-debitur biex iħallas il-manteniment mingħajr dewmien u biex jagħmel dikjarazzjoni f'dak is-sens.

Il-kuratur jinnotifika id-deċiżjoni tiegħu lill-impjegatur tad-debitur, lill-qorti ta' eżekuzzjoni, lill-bailiff indipendenti tal-qorti, l-uffiċċju tal-prosekutur b'ġuriżdizzjoni fuq l-indirizz tal-kreditur u d-debitur, in-nutar b'ġuriżdizzjoni fuq l-indirizz tad-debitur bħala awtorità fuq it-taxxa, u l-uffiċċju ta' Budapest jew tal-gvern tal-kontea li jipprovdi ħlas bil-quddiem tal-manteniment.

In-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment huwa reat kriminali. Kull min jonqos milli jissodisfa l-obbligu tiegħu stabbilit fid-deċiżjoni eżegwibbli tal-awtorità b'tort tiegħu stess jiġi kkundannat sentejn priġunerija.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Iva (ara l-Mistoqsija 3).

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Ungerija jipprovdi għajnuna fuq talba ta' applikanti li jgħixu l-Ungerija skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 u ftehimiet internazzjonali, u jaħdem kontinwament mal-awtorità ċentrali nkarigata mill-kwistjonijiet ta' manteniment fl-Istat Membru l-ieħor konċernat. L-applikant jista' jitlob li d-deċiżjoni dwar il-manteniment mogħtija mill-qorti Ungeriża tiġi eżegwita barra l-pajjiż u - fin-nuqqas ta' tali deċiżjoni - illi l-obbligu tal-manteniment jiġi stabbilit barra l-pajjiż, jew illi jiżdied l-ammont ta' manteniment li jrid jitħallas barra l-pajjiż. Ir-rikjesta formali ma tasalx quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja, iżda mill-qorti distrettwali indikata skont id-domiċilju tal-applikant, il-post ta' residenza jew il-post tax-xogħol, jew mill-qorti distrettali li tat id-deċiżjoni fl-ewwel istanza, li għaliha ġiet mitluba l-eżekuzzjoni. L-ebda avukat mhu meħtieġ sabiex issir it-talba jew għall-proċedimenti barra l-pajjiż. Minflok, il-qorti tassisti lil parti mingħajr rappreżentanza ġuridika bis-sottomissjoni tat-talba tagħha. Il-qorti mbagħad tibgħat it-talba u d-dokumenti mehmuża meħtieġa lill-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jibgħat it-talba tradotta lill-awtorità ċentrali inkarigata mill-kwistjonijiet ta' manteniment fl-Istat Membru l-ieħor. L-awtorità ċentrali tieħu dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jinbdew il-proċedimenti kontra d-debitur. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jinforma lill-applikant b'mod kontinwu bl-iżviluppi fil-proċedimenti, skont l-informazzjoni li tasal minn barra.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Ministeru tal-Ġustizzja, Dipartiment tad-Dritt Internazzjonali Privat (Igazságügyi Minisztérium, Nemzetközi Magánjogi Főosztály)

Indirizz: 1051 Budapest, Nádor utca 22

Indirizz postali: 1357 Budapest, Pf. 2.

Numru tat-telefon: +36 1 795-5397, +36 1 795-3188

Numru tal-fekx: +36 (1) 550-3946

Posta elettronika: nmfo@im.gov.hu

Sit elettroniku: http://igazsagugyiinformaciok.kormany.hu/nemzetkozi-gyermekelviteli-es-tartasdijjal-kapcsolatos-ugyek

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Le, it-talba trid issir permezz tal-awtorità ċentrali inkarigata mill-kwistjonijiet ta' manteniment fl-Istat Membru fejn huwa residenti l-applikant.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri jinsabu hawnhekk.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

-

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

B'rabta mat-talbiet magħmula, il-Ministeru tal-Ġustizzja jikkuntattja lis-servizz kompetenti li jipprovdi l-għajnuna legali sabiex jiġi assenjat avukat lill-applikant li jgħix barra l-pajjiż. Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, l-eżenzjoni sħiħa mill-ispejjeż hija garantita, u t-tariffi tal-avukat wkoll jitħallsu mill-Istat. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 47, il-partijiet għandhom dritt għal differiment tal-ispejjeż materjali skont il-liġi Ungeriża. Skont dan id-dritt, l-Istat iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti (pereżempju t-tariffi tal-qorti u tal-avukat) bil-quddiem, irrispettivament mill-qagħda finanzjarja tal-parti konċernata, iżda jekk il-parti titlef il-kawża, il-qorti tista' tordnalha li tħallas l-ispejjeż. Jekk l-applikant juri illi minħabba l-qagħda finanzjarja tiegħu għandu dritt għal eżenzjoni personali sħiħa mill-ispejjeż skont il-liġi Ungeriża, l-applikant ma jkollhux għalfejn iħallas l-ispejjeż anke jekk jitlef il-kawża.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Manteniment fl-Ungerija hija regolata mill- Att LXVII tal-2011.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 15/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.