

Sib informazzjoni għal kull reġjun
It-terminu "manteniment" jirreferi għall-bżonnijiet umani diretti għas-sopravvivenza, l-iktar l-ikel. Madankollu, fil-prattika, it-terminu manteniment ikopri r-rekwiżiti kollha tal-għajxien, sew dawk relatati mal-ispejjeż ta' kuljum u sew attivitajiet edukattivi, kulturali jew ta' divertiment ta' persuna.
L-obbligi ta' manteniment jinvolvu l-ħlas ta' benefiċċji - primarjament fi flus - li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-għajxien tal-benefiċjarju.
Il-persuni li ġejjin huma obbligati jipprovdu manteniment skont l-ordni tal-parentela:
[a] il-konjuġi, anke jekk ikun divorzjat [jekk ikun hemm obbligu ta' manteniment wara d-divorzju];
[b] id-dixxendenti lill-axxendenti fl-ordni tas-suċċessjoni ab intestato;
[b] l-axxendenti [il-ġenituri, in-nanniet: f'każ ta' assenza jew inkapaċità tal-ġenituri] lit-tfal mhux miżżewġin tagħhom (bijoloġiċi jew adottati), fil-prinċipju, sakemm ikunu taħt l-età;
[b] l-aħwa lil ħuthom, u
każijiet speċjali ta' manteniment huma:
[c] manteniment imħallas f'każ ta' separazzjoni u wara divorzju jew annullament taż-żwieġ u
[d] manteniment imħallas lil omm mhux miżżewġa għal tifel imwieled barra miż-żwieġ qabel ma jiġi rikonoxxut.
Fil-prinċipju t-tifel huwa intitolat jirċievi manteniment mingħand l-axxendenti tiegħu [il-ġenituri jew in-nanniet] sakemm isir adult, jiġifieri sakemm jagħlaq 18-il sena.
It-tfal huma intitolati wkoll jirċievu manteniment wara li jsiru adulti, waqt li jkunu qed jistudjaw jew jattendu edukazzjoni għolja jew kors ta' taħriġ vokazzjonali, u ma jkunux jistgħu jaħdmu minħabba l-istudji tagħhom u ma jkollhomx beni personali biex isostnu r-rekwiżiti ta' manteniment tagħhom.
Persuna tkun intitolata għall-manteniment biss jekk ma tkunx kapaċi tmantni ruħha permezz tal-beni tagħha stess jew billi tagħmel xogħol li jkun xieraq għall-età tagħha, kundizzjoni tas-saħħa u kundizzjonijiet tal-għajxein ġeneralment, b'kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, għall-ħtiġijiet edukattivi li jista' jkollha; tfal taħt l-età, anke jekk ikollhom beni personali, xorta jkunu intitolati għall-manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom sakemm l-introjtu mill-beni u x-xogħol tagħhom ma jkunx biżżejjed biex imantu ruħhom. Madankollu, persuna ma tkunx obbligata tipprovdi manteniment jekk, minħabba obbligi oħrajn tagħha, ma tkunx f'pożizzjoni li tagħmel dan mingħajr ma tipperikola l-manteniment tagħha stess; din ir-regola ma tapplikax għall-manteniment ta' persuna taħt l-età minn ġenitur, sakemm il-persuna taħt l-età ma tkunx intitolata li tkun mantnuta minn xi persuna oħra, jew tkun tista' tmantni ruħha permezz tal-beni tagħha stess.
Fil-każ ta' ekskonjuġi:
Ekskonjuġi li ma jkunx jista' jmantni ruħu bl-introjtu jew bil-beni tiegħu stess ikun intitolat jitlob il-manteniment mingħand l-ekskonjuġi tiegħu: (1) jekk, fil-mument li jiġi ddekretat id-divorzju, l-età jew il-kundizzjoni tas-saħħa tal-konjuġi li jkun qed jagħmel it-talba tkun tali li ma jkunx jista' jkun meħtieġ isib jew ikompli jagħmel xogħol adatt biex imantni ruħu, (2) jekk il-konjuġi li jagħmel it-talba jkollu l-kura ta' persuna taħt l-età, u b'hekk ma jkunx jista' jagħmel xogħol adatt, (3) jekk il-konjuġi li jkun qed jagħmel it-talba ma jkunx jista' jsib impjieg regolari xieraq, jew jeħtieġ taħriġ vokazzjonali; f'kull wieħed minn dawn il-każijiet, l-intitolament ma jdumx iktar minn tliet snin mill-mument li ġie ddekretat id-divorzju, jew (4) f'kull każ ieħor fejn ikun meħtieġ l-għoti ta' manteniment fil-mument li jiġi ddekretat id-divorzju għal raġunijiet ekwitabbli.
Madankollu, il-manteniment jista' jiġi miċħud jew ristrett għal raġunijiet importanti, speċjalment jekk iż-żwieġ ma jkunx dam wisq, jew jekk il-konjuġi li jista' jkun intitolat għall-manteniment ikun jaħti għad-divorzju jew ġab il-faqar tiegħu fuqu volontarjament.
Kull wieħed mill-ekskonjuġi huwa meħtieġ jipprovdi lill-ieħor b'informazzjoni korretta rigward il-beni u l-introjtu tiegħu sakemm ikunu rilevanti għall-ammont tal-manteniment. Wara talba minn kwalunkwe wieħed mill-ekskonjuġi, trażmessa permezz tal-avukat ġenerali, kwalunkwe impjegatur, dipartiment amministrattiv jew tal-ġbir tat-taxxi, irid jagħti kull informazzjoni rilevanti li jista' jkollhom dwar il- beni tal-konjuġi l-ieħor u b'mod partikolari d-dħul tiegħu.
Normalment, persuna intitolata li tirċievi manteniment trid tapplika l-qorti biex titlob il-manteniment mingħand il-persuna responsabbli.
Jekk tkun applikabbli l-Konvenzjoni ta' New York dwar l-irkupru tal-manteniment (id-Digriet Leġiżlattiv 4421/1964), id-delegazzjoni responsabbli għat-trażmissjoni ta' talba għal manteniment minn persuna intitolata li tkun residenti fi Stat li huwa parti fil-Konvenzjoni tibgħat talba lid-delegazzjoni responsabbli biex tirċievi talbiet ta' dak it-tip fl-Istat rispettiv, li jkun parti fil-Konvenzjoni, fejn ikun jgħix id-debitur, speċifikament il-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Greċja, biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-irkupru tal-manteniment mill-persuna intitolata. Fil-prattika, il-Ministeru tal-Ġustizzja jqabbad avukat biex jipprovdi r-rikonoxximent tad-dritt jew l-eżekuzzjoni ta' sentenza maqtugħa minn qorti barranija favur benefiċjarju barrani, li jkun jista' jeżerċita r-rimedji ġuridiċi rilevanti kollha quddiem il-qrati Griegi.
Għall-persuni taħt l-età li skont il-liġi [l-Artikolu 63 KPĊ] ma jistgħux jippreżentaw talba l-qorti għall-irkupru ta' manteniment huma stess kontra persuna responsabbli, dik it-talba tkun tista' ssir mill-persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenitur [persuna fiżika: ġenitur jew persuna oħra jew entità ġuridika, pereżempju, istituzzjoni].
Il-qorti b'ġuriżdizzjoni f'kawżi ta' manteniment għal manteniment miftuħa minn persuna intitolata kontra persuna responsabbli hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed [l-Artikoli 17(2) u 681B tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili].
Il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti tal-post tad-domiċilju jew tar-residenza tal-parti intitolata għall-manteniment [l-Artikolu 39A KPĊ] jew tal-konvenut li jkun id-debitur ta' manteniment, jekk it-talba tkun ikkombinata ma' tilwim matrimonjali jew tilwim bejn il-ġenituri u t-tfal, jew il-qorti tal-aħħar residenza abitwali konġunta tal-miżżewġin.
Jekk ikun hemm urġenza jew periklu imminenti, il-persuna intitolata għall-manteniment tista' titlob lill-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed li jkollha ġuriżdizzjoni territorjali biex, sakemm tinqata' s-sentenza finali dwar l-intitolament fi proċediment ordinarju, tordna li tingħata manteniment fuq bażi temporanja.
Kawża għal manteniment tista' tinfetaħ biss permezz ta' avukat li jkollu l-prokura biex jagħmel dan.
F'talba għall-manteniment, il-konvenut irid iħallas depożitu għall-ispejjeż tal-qorti tal-attur, li ma jistax ikunu aktar minn EUR 300 [l-Artikolu 173(4) KPĊ]. Fi proċedimenti ta' dan it-tip, jekk il-konvenut ma jipproduċix prova tal-ħlas lill-iskrivant tal-qorti qabel is-smigħ tal-kawża, il-konvenut jitqies li naqas milli jidher, li jfisser li tista' tinqata' sentenza f'kontumaċja kontrih [l-Artikolu 175 KPĊ].
L-attur jista' jitlob l-għajnuna legali skont il-Liġi 3226/2004, jekk l-introjtu tiegħu ikun baxx ħafna, billi jippreżenta l-provi għal dan l-effett ma' talba għal inibizzjoni separata quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed.
Il-qorti tistabbilixxi l-manteniment għal sentejn, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti ta' kundizzjonijiet tal-għajxien adatti u l-edukazzjoni tal-persuna intitolata, u l-kapaċità finanzjarja tal-persuna responsabbli. Wara sentejn, kwalunkwe waħda mill-partijiet, jiġifieri l-persuna intitolata jew il-persuna responsabbli, tista' tapplika biex ikollha livell ġdid ta' manteniment stabbilit u, fil-każ ta' bidla fiċ-ċirkostanzi li l-qorti meqjusa mill-qorti, kwalunkwe parti tista' titlob li jkollha s-sentenza rieżaminata u l-livell tal-manteniment alterat.
Fil-prinċipju, il-manteniment jitħallas bil-quddiem lill-persuna intitolata fuq bażi mensili.
L-ammont tal-manteniment mhux permess li jitħallas f'somma waħda ta' darba, ħlief f'każijiet ta' manteniment wara d-divorzju [l-Artikolu 1443(b) tal-Kodiċi Ċivili].
Jekk il-persuna intitolata tkun taħt l-età, jew tkun taħt l-assistenza tal-qorti, il-manteniment jitħallas lill-ġenitur tagħha jew lir-rappreżentant tagħha jew, rispettivament, lill-provveditur maħtur mill-qorti li ovvjament ikun se jwettaq l-azzjonijiet rilevanti f'isem il-persuna intitolata.
Jekk id-debitur ta' manteniment jirrifjuta li jħallas manteniment, il-persuna intitolata tipprova teżegwixxi t-talba kontra l-beni tal-persuna responsabbli, jekk ikollha.
Le, ħlief fil-każ ta' benefiċjarji barranin li jistgħu jirrikorru għand il-Ministeru tal-Ġustizzja biex jgħinhom jeżerċitaw id-drittijiet rilevanti tagħhom [ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4, iktar 'il fuq].
Mhux fil-Greċja.
[Ħlief meta istituzzjoni jew entità ġuridika pubblika jew privata jkollha l-kura ta' persuna taħt l-età; f'dan il-każ, l-obbligu ta' manteniment jaqa' fuqha, b'mod ġenerali, u għalhekk ikun surrogat ex officio [l-Artikolu 1490 tal-Kodiċi Ċivili] għad-drittijiet tal-persuna intitolata għall-manteniment. Madankollu, fl-ebda ċirkostanza ma tista' tinħtieġ li titħallas talba għal manteniment bil-quddiem, lanqas jekk rikonoxxuta minn qorti, lil persuna taħt l-età intitolata għall-manteniment dovut lilha minn persuna responsabbli oħra.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51 u 56 tar-Regolament ta' hawn fuq, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru ta' persuna li tkun qed titlob il-manteniment: (a) għandha tikkoopera mal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-persuna responsabbli li tgħaddi u tirċievi l-applikazzjonijiet rilevanti; (b) għandha tiftaħ jew tiffaċilita l-ftuħ ta' proċedimenti relatati ma' dawk l-applikazzjonijiet. Għal dawn l-applikazzjonijiet, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex: (a) jipprovdu jew jiffaċilitaw l-għoti ta' għajnuna legali, meta ċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu hekk; (b) jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-persuna responsabbli jew il-persuna intitolata, b'mod partikolari bl-applikazzjoni tal-Artikoli 61, 62 u 63 tar-Regolament; (c) jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar l-introjtu u, jekk meħtieġ, il-qagħda finanzjarja tal-persuna responsabbli jew il-persuna intitolata, inklużi l-identifikazzjoni tal-beni tagħhom, speċjalment skont l-Artikoli 61, 62 u 63; (d) jinkoraġġixxu soluzzjonijiet bonarji bl-għan li jsir ħlas volontarju tal-manteniment, kif xieraq permezz ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew proċessi simili; (e) jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ulterjuri ta' deċiżjonijiet dwar obbligi ta' manteniment, inkluż imgħax fuq inadempjenza; (f) jiffaċilitaw il-ġbir u t-trasferiment rapidu ta’ ħlasijiet ta’ manteniment; (g) jiffaċilitaw l-aċċess għal dokumentari jew provi oħrajn, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1206/2001; (h) jipprovdu assistenza biex tiġi konstata r-rabta ta' filjazzjoni, fejn ikun neċessarju, għall-irkupru tal-manteniment; (i) jibdew jew jiffaċilitaw il-ftuħ ta’ proċedimenti biex tinkiseb kwalunkwe miżura provviżorja meħtieġa li tkun ta’ natura territorjali u li l-għan tagħha tkun li jiġi żgurat l-eżitu ta’ applikazzjoni ta’ manteniment pendenti; (j) jiffaċilitaw il-komunikazzjoni jew in-notifika ta’ dokumenti, suġġetti għar-Regolament (KE) Nru 1393/2007.
Tista' tikkuntattja lis-Servizz Ċentrali tal-Ministeru tal-Ġustizzja li jinsab f'96 Mesogeion Ave., Ateni - l-Greċja, PC 11527, tel. +30.210.7767322 civilunit@justice.gov.gr
Il-Greċja hija marbuta bil-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment. Skont il-Protokoll, l-obbligi ta' manteniment huma rregolati mil-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna intitolata għall-manteniment, għalhekk jekk il-persuna intitolata għall-manteniment tirrisjedi l-Greċja, il-liġi Griega tkun applikabbli.
Il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 jipprevedi d-dritt għall-għajnuna legali, inkluż il-parir legali bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni qabel ma jitressqu proċedimenti ġudizzjarji, għajnuna legali biex tinfetaħ kawża quddiem awtorità ġudizzjarja jew awtorità oħra u rappreżentanza l-qorti, eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti jew assistenza għalihom u t-tariffi għal persuni obbligati jagħmlu atti waqt il-proċedimenti. Fl-Istati Membri fejn parti telliefa jkollha tħallas l-ispejjeż għall-parti avversarja, jekk ir-riċevitur ta' għajnuna legali jitlef il-kawża, dan ikun jinkludi: l-ispejjeż imġarrba mill-parti avversarja, jekk dawk l-ispejjeż kienu jkunu koperti li kieku r-riċevitur kien residenti abitwali fl-Istat Membru tal-qorti interpellata; l-interpretazzjoni; it-traduzzjoni tad-dokumenti meħtieġa mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti u ppreżentati mir-riċevitur tal-għajnuna legali li jkunu neċessarji għar-riżoluzzjoni tal-kawża; l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jiġġarrbu mir-riċevitur tal-għajnuna legali meta l-preżenza fiżika tal-persuni kkonċernati mill-preżentata tal-kawża tar-riċevitur tkun meħtieġa fil-qorti mil-liġi jew mill-qorti tal-Istat Membru kkonċernat u l-qorti tiddeċiedi li l-persuni kkonċernati ma jistgħux jinstemgħu għas-sodisfazzjon tal-qorti b'mezzi oħrajn.
L-Awtorità Ċentrali għandu jkollha kuntatt regolari, fost l-oħrajn, mal-awtoritajiet kompetenti sabiex: (a) tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni tal-manteniment lid-debitur jew kreditur; (b) tinkiseb l-informazzjoni rilevanti dwar l-introjtu u, jekk ikun neċessarju, ċirkostanzi finanzjarji oħrajn tad-debitur jew tal-kreditur tal-manteniment, inkluż il-post fejn jinsabu l-beni, u (c) jiġi inkoraġġut il-ħlas volontarju tal-manteniment.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.