Manteniment tal-familja

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

It-terminu "manteniment" jirreferi għall-bżonnijiet umani diretti għas-sopravvivenza, l-iktar l-ikel. Madankollu, fil-prattika, it-terminu manteniment ikopri r-rekwiżiti kollha tal-għajxien, sew dawk relatati mal-ispejjeż ta' kuljum u sew attivitajiet edukattivi, kulturali jew ta' divertiment ta' persuna.

L-obbligi ta' manteniment jinvolvu l-ħlas ta' benefiċċji - primarjament fi flus - li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-għajxien tal-benefiċjarju.

Il-persuni li ġejjin huma obbligati jipprovdu manteniment skont l-ordni tal-parentela:

[a] il-konjuġi, anke jekk ikun divorzjat [jekk ikun hemm obbligu ta' manteniment wara d-divorzju];

[b] id-dixxendenti lill-axxendenti fl-ordni tas-suċċessjoni ab intestato;

[b] l-axxendenti [il-ġenituri, in-nanniet: f'każ ta' assenza jew inkapaċità tal-ġenituri] lit-tfal mhux miżżewġin tagħhom (bijoloġiċi jew adottati), fil-prinċipju, sakemm ikunu taħt l-età;

[b] l-aħwa lil ħuthom, u

każijiet speċjali ta' manteniment huma:

[c] manteniment imħallas f'każ ta' separazzjoni u wara divorzju jew annullament taż-żwieġ u

[d] manteniment imħallas lil omm mhux miżżewġa għal tifel imwieled barra miż-żwieġ qabel ma jiġi rikonoxxut.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Fil-prinċipju t-tifel huwa intitolat jirċievi manteniment mingħand l-axxendenti tiegħu [il-ġenituri jew in-nanniet] sakemm isir adult, jiġifieri sakemm jagħlaq 18-il sena.

It-tfal huma intitolati wkoll jirċievu manteniment wara li jsiru adulti, waqt li jkunu qed jistudjaw jew jattendu edukazzjoni għolja jew kors ta' taħriġ vokazzjonali, u ma jkunux jistgħu jaħdmu minħabba l-istudji tagħhom u ma jkollhomx beni personali biex isostnu r-rekwiżiti ta' manteniment tagħhom.

Persuna tkun intitolata għall-manteniment biss jekk ma tkunx kapaċi tmantni ruħha permezz tal-beni tagħha stess jew billi tagħmel xogħol li jkun xieraq għall-età tagħha, kundizzjoni tas-saħħa u kundizzjonijiet tal-għajxein ġeneralment, b'kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, għall-ħtiġijiet edukattivi li jista' jkollha; tfal taħt l-età, anke jekk ikollhom beni personali, xorta jkunu intitolati għall-manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom sakemm l-introjtu mill-beni u x-xogħol tagħhom ma jkunx biżżejjed biex imantu ruħhom. Madankollu, persuna ma tkunx obbligata tipprovdi manteniment jekk, minħabba obbligi oħrajn tagħha, ma tkunx f'pożizzjoni li tagħmel dan mingħajr ma tipperikola l-manteniment tagħha stess; din ir-regola ma tapplikax għall-manteniment ta' persuna taħt l-età minn ġenitur, sakemm il-persuna taħt l-età ma tkunx intitolata li tkun mantnuta minn xi persuna oħra, jew tkun tista' tmantni ruħha permezz tal-beni tagħha stess.

Fil-każ ta' ekskonjuġi:

Ekskonjuġi li ma jkunx jista' jmantni ruħu bl-introjtu jew bil-beni tiegħu stess ikun intitolat jitlob il-manteniment mingħand l-ekskonjuġi tiegħu: (1) jekk, fil-mument li jiġi ddekretat id-divorzju, l-età jew il-kundizzjoni tas-saħħa tal-konjuġi li jkun qed jagħmel it-talba tkun tali li ma jkunx jista' jkun meħtieġ isib jew ikompli jagħmel xogħol adatt biex imantni ruħu, (2) jekk il-konjuġi li jagħmel it-talba jkollu l-kura ta' persuna taħt l-età, u b'hekk ma jkunx jista' jagħmel xogħol adatt, (3) jekk il-konjuġi li jkun qed jagħmel it-talba ma jkunx jista' jsib impjieg regolari xieraq, jew jeħtieġ taħriġ vokazzjonali; f'kull wieħed minn dawn il-każijiet, l-intitolament ma jdumx iktar minn tliet snin mill-mument li ġie ddekretat id-divorzju, jew (4) f'kull każ ieħor fejn ikun meħtieġ l-għoti ta' manteniment fil-mument li jiġi ddekretat id-divorzju għal raġunijiet ekwitabbli.

Madankollu, il-manteniment jista' jiġi miċħud jew ristrett għal raġunijiet importanti, speċjalment jekk iż-żwieġ ma jkunx dam wisq, jew jekk il-konjuġi li jista' jkun intitolat għall-manteniment ikun jaħti għad-divorzju jew ġab il-faqar tiegħu fuqu volontarjament.

Kull wieħed mill-ekskonjuġi huwa meħtieġ jipprovdi lill-ieħor b'informazzjoni korretta rigward il-beni u l-introjtu tiegħu sakemm ikunu rilevanti għall-ammont tal-manteniment. Wara talba minn kwalunkwe wieħed mill-ekskonjuġi, trażmessa permezz tal-avukat ġenerali, kwalunkwe impjegatur, dipartiment amministrattiv jew tal-ġbir tat-taxxi, irid jagħti kull informazzjoni rilevanti li jista' jkollhom dwar il- beni tal-konjuġi l-ieħor u b'mod partikolari d-dħul tiegħu.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Normalment, persuna intitolata li tirċievi manteniment trid tapplika l-qorti biex titlob il-manteniment mingħand il-persuna responsabbli.

Jekk tkun applikabbli l-Konvenzjoni ta' New York dwar l-irkupru tal-manteniment (id-Digriet Leġiżlattiv 4421/1964), id-delegazzjoni responsabbli għat-trażmissjoni ta' talba għal manteniment minn persuna intitolata li tkun residenti fi Stat li huwa parti fil-Konvenzjoni tibgħat talba lid-delegazzjoni responsabbli biex tirċievi talbiet ta' dak it-tip fl-Istat rispettiv, li jkun parti fil-Konvenzjoni, fejn ikun jgħix id-debitur, speċifikament il-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Greċja, biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-irkupru tal-manteniment mill-persuna intitolata. Fil-prattika, il-Ministeru tal-Ġustizzja jqabbad avukat biex jipprovdi r-rikonoxximent tad-dritt jew l-eżekuzzjoni ta' sentenza maqtugħa minn qorti barranija favur benefiċjarju barrani, li jkun jista' jeżerċita r-rimedji ġuridiċi rilevanti kollha quddiem il-qrati Griegi.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Għall-persuni taħt l-età li skont il-liġi [l-Artikolu 63 KPĊ] ma jistgħux jippreżentaw talba l-qorti għall-irkupru ta' manteniment huma stess kontra persuna responsabbli, dik it-talba tkun tista' ssir mill-persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenitur [persuna fiżika: ġenitur jew persuna oħra jew entità ġuridika, pereżempju, istituzzjoni].

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-qorti b'ġuriżdizzjoni f'kawżi ta' manteniment għal manteniment miftuħa minn persuna intitolata kontra persuna responsabbli hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed [l-Artikoli 17(2) u 681B tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili].

Il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti tal-post tad-domiċilju jew tar-residenza tal-parti intitolata għall-manteniment [l-Artikolu 39A KPĊ] jew tal-konvenut li jkun id-debitur ta' manteniment, jekk it-talba tkun ikkombinata ma' tilwim matrimonjali jew tilwim bejn il-ġenituri u t-tfal, jew il-qorti tal-aħħar residenza abitwali konġunta tal-miżżewġin.

Jekk ikun hemm urġenza jew periklu imminenti, il-persuna intitolata għall-manteniment tista' titlob lill-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed li jkollha ġuriżdizzjoni territorjali biex, sakemm tinqata' s-sentenza finali dwar l-intitolament fi proċediment ordinarju, tordna li tingħata manteniment fuq bażi temporanja.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Kawża għal manteniment tista' tinfetaħ biss permezz ta' avukat li jkollu l-prokura biex jagħmel dan.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

F'talba għall-manteniment, il-konvenut irid iħallas depożitu għall-ispejjeż tal-qorti tal-attur, li ma jistax ikunu aktar minn EUR 300 [l-Artikolu 173(4) KPĊ]. Fi proċedimenti ta' dan it-tip, jekk il-konvenut ma jipproduċix prova tal-ħlas lill-iskrivant tal-qorti qabel is-smigħ tal-kawża, il-konvenut jitqies li naqas milli jidher, li jfisser li tista' tinqata' sentenza f'kontumaċja kontrih [l-Artikolu 175 KPĊ].

L-attur jista' jitlob l-għajnuna legali skont il-Liġi 3226/2004, jekk l-introjtu tiegħu ikun baxx ħafna, billi jippreżenta l-provi għal dan l-effett ma' talba għal inibizzjoni separata quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-qorti tistabbilixxi l-manteniment għal sentejn, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti ta' kundizzjonijiet tal-għajxien adatti u l-edukazzjoni tal-persuna intitolata, u l-kapaċità finanzjarja tal-persuna responsabbli. Wara sentejn, kwalunkwe waħda mill-partijiet, jiġifieri l-persuna intitolata jew il-persuna responsabbli, tista' tapplika biex ikollha livell ġdid ta' manteniment stabbilit u, fil-każ ta' bidla fiċ-ċirkostanzi li l-qorti meqjusa mill-qorti, kwalunkwe parti tista' titlob li jkollha s-sentenza rieżaminata u l-livell tal-manteniment alterat.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Fil-prinċipju, il-manteniment jitħallas bil-quddiem lill-persuna intitolata fuq bażi mensili.

L-ammont tal-manteniment mhux permess li jitħallas f'somma waħda ta' darba, ħlief f'każijiet ta' manteniment wara d-divorzju [l-Artikolu 1443(b) tal-Kodiċi Ċivili].

Jekk il-persuna intitolata tkun taħt l-età, jew tkun taħt l-assistenza tal-qorti, il-manteniment jitħallas lill-ġenitur tagħha jew lir-rappreżentant tagħha jew, rispettivament, lill-provveditur maħtur mill-qorti li ovvjament ikun se jwettaq l-azzjonijiet rilevanti f'isem il-persuna intitolata.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk id-debitur ta' manteniment jirrifjuta li jħallas manteniment, il-persuna intitolata tipprova teżegwixxi t-talba kontra l-beni tal-persuna responsabbli, jekk ikollha.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

  • L-intitolament għal manteniment jintemm jekk il-kundizzjonijiet li ngħata għalihom ma jibqgħux jeżistu, jew jekk il-persuna intitolata jew il-persuna responsabbli tmut; it-talba tal-persuna intitolata kontra l-persuna responsabbli hija suġġetta għal preskrizzjoni ta' ħames snin mill-mument li tiġi ppreżentata t-talba.
  • Talbiet minn persuni [jiġifieri istituzzjoni] li jkunu ħallsu manteniment lil persuna intitolata kontra l-persuna li tkun oriġinarjament responsabbli huma suġġetti għal preskrizzjoni ta' ħames snin [l-Artikolu 250(17) tal-Kodiċi Ċivili].
  • Omm mhux miżżewġa hija intitolata titlob rifużjoni tal-ispejjeż għat-twellid u manteniment mingħand missier binha għal perjodu limitat [xahrejn qabel it-twelid u erba' xhur, imma mhux iktar minn sena [f'każi eċċezzjonali], wara t-twelid, jekk il-paternità tkun stabbilita minn ordni ġudizzjarja u l-omm tkun qed tgħix fil-faqar. Talba ta' omm mhux miżżewġa tiġi preskritta tliet snin wara t-twelid, u tista' tiġi ppreżentata wkoll kontra l-werrieta tal-missier.
  • Qbid ta' 1/2 is-salarju pagabbli ta' persuna responsabbli għal talba għal manteniment tkun permessa u hija applikabbli wkoll fuq id-depożiti mal-istituzzjonijiet ta' kreditu [l-Artikolu 982(2)(d) u (3) KPĊ].

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Le, ħlief fil-każ ta' benefiċjarji barranin li jistgħu jirrikorru għand il-Ministeru tal-Ġustizzja biex jgħinhom jeżerċitaw id-drittijiet rilevanti tagħhom [ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4, iktar 'il fuq].

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Mhux fil-Greċja.

[Ħlief meta istituzzjoni jew entità ġuridika pubblika jew privata jkollha l-kura ta' persuna taħt l-età; f'dan il-każ, l-obbligu ta' manteniment jaqa' fuqha, b'mod ġenerali, u għalhekk ikun surrogat ex officio [l-Artikolu 1490 tal-Kodiċi Ċivili] għad-drittijiet tal-persuna intitolata għall-manteniment. Madankollu, fl-ebda ċirkostanza ma tista' tinħtieġ li titħallas talba għal manteniment bil-quddiem, lanqas jekk rikonoxxuta minn qorti, lil persuna taħt l-età intitolata għall-manteniment dovut lilha minn persuna responsabbli oħra.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51 u 56 tar-Regolament ta' hawn fuq, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru ta' persuna li tkun qed titlob il-manteniment: (a) għandha tikkoopera mal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-persuna responsabbli li tgħaddi u tirċievi l-applikazzjonijiet rilevanti; (b) għandha tiftaħ jew tiffaċilita l-ftuħ ta' proċedimenti relatati ma' dawk l-applikazzjonijiet. Għal dawn l-applikazzjonijiet, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex: (a) jipprovdu jew jiffaċilitaw l-għoti ta' għajnuna legali, meta ċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu hekk; (b) jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-persuna responsabbli jew il-persuna intitolata, b'mod partikolari bl-applikazzjoni tal-Artikoli 61, 62 u 63 tar-Regolament; (c) jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar l-introjtu u, jekk meħtieġ, il-qagħda finanzjarja tal-persuna responsabbli jew il-persuna intitolata, inklużi l-identifikazzjoni tal-beni tagħhom, speċjalment skont l-Artikoli 61, 62 u 63; (d) jinkoraġġixxu soluzzjonijiet bonarji bl-għan li jsir ħlas volontarju tal-manteniment, kif xieraq permezz ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew proċessi simili; (e) jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ulterjuri ta' deċiżjonijiet dwar obbligi ta' manteniment, inkluż imgħax fuq inadempjenza; (f) jiffaċilitaw il-ġbir u t-trasferiment rapidu ta’ ħlasijiet ta’ manteniment; (g) jiffaċilitaw l-aċċess għal dokumentari jew provi oħrajn, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1206/2001; (h) jipprovdu assistenza biex tiġi konstata r-rabta ta' filjazzjoni, fejn ikun neċessarju, għall-irkupru tal-manteniment; (i) jibdew jew jiffaċilitaw il-ftuħ ta’ proċedimenti biex tinkiseb kwalunkwe miżura provviżorja meħtieġa li tkun ta’ natura territorjali u li l-għan tagħha tkun li jiġi żgurat l-eżitu ta’ applikazzjoni ta’ manteniment pendenti; (j) jiffaċilitaw il-komunikazzjoni jew in-notifika ta’ dokumenti, suġġetti għar-Regolament (KE) Nru 1393/2007.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Tista' tikkuntattja lis-Servizz Ċentrali tal-Ministeru tal-Ġustizzja li jinsab f'96 Mesogeion Ave., Ateni - l-Greċja, PC 11527, tel. +30.210.7767322     civilunit@justice.gov.gr

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Il-Greċja hija marbuta bil-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment. Skont il-Protokoll, l-obbligi ta' manteniment huma rregolati mil-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna intitolata għall-manteniment, għalhekk jekk il-persuna intitolata għall-manteniment tirrisjedi l-Greċja, il-liġi Griega tkun applikabbli.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 jipprevedi d-dritt għall-għajnuna legali, inkluż il-parir legali bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni qabel ma jitressqu proċedimenti ġudizzjarji, għajnuna legali biex tinfetaħ kawża quddiem awtorità ġudizzjarja jew awtorità oħra u rappreżentanza l-qorti, eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti jew assistenza għalihom u t-tariffi għal persuni obbligati jagħmlu atti waqt il-proċedimenti. Fl-Istati Membri fejn parti telliefa jkollha tħallas l-ispejjeż għall-parti avversarja, jekk ir-riċevitur ta' għajnuna legali jitlef il-kawża, dan ikun jinkludi: l-ispejjeż imġarrba mill-parti avversarja, jekk dawk l-ispejjeż kienu jkunu koperti li kieku r-riċevitur kien residenti abitwali fl-Istat Membru tal-qorti interpellata; l-interpretazzjoni; it-traduzzjoni tad-dokumenti meħtieġa mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti u ppreżentati mir-riċevitur tal-għajnuna legali li jkunu neċessarji għar-riżoluzzjoni tal-kawża; l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jiġġarrbu mir-riċevitur tal-għajnuna legali meta l-preżenza fiżika tal-persuni kkonċernati mill-preżentata tal-kawża tar-riċevitur tkun meħtieġa fil-qorti mil-liġi jew mill-qorti tal-Istat Membru kkonċernat u l-qorti tiddeċiedi li l-persuni kkonċernati ma jistgħux jinstemgħu għas-sodisfazzjon tal-qorti b'mezzi oħrajn.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-Awtorità Ċentrali għandu jkollha kuntatt regolari, fost l-oħrajn, mal-awtoritajiet kompetenti sabiex: (a) tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni tal-manteniment lid-debitur jew kreditur; (b) tinkiseb l-informazzjoni rilevanti dwar l-introjtu u, jekk ikun neċessarju, ċirkostanzi finanzjarji oħrajn tad-debitur jew tal-kreditur tal-manteniment, inkluż il-post fejn jinsabu l-beni, u (c) jiġi inkoraġġut il-ħlas volontarju tal-manteniment.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.