Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Manteniment tal-familja

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Skont il-liġi ta' Ġibiltà, kemm il-Qorti tal-Maġistrati u kemm il-Qorti Suprema għandhom is-setgħa li jagħtu ordnijiet relatati mal-ħlas tal-manteniment. Il-manteniment huwa ġeneralment kopert mill-Att dwar il-Manteniment. Fil-Qorti Suprema, provvediment għall-manteniment ta' tfal, sħab reġistrati, dipendenti u konjuġi jista' isiru b'mod anċillari ma' proċedimenti għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, annullament jew dissoluzzjoni taż-żwieġ. Kemm il-Qorti Suprema u kemm il-Qorti tal-Maġistrati għandhom ġuriżdizzjoni biex ivarjaw it-termini tal-manteniment li jkollu jitħallas wara d-dikjarazzjoni tad-digriet assolut jew l-ordni ta' dissoluzzjoni taż-żwieġ. Il-Qorti tal-Maġistrati għandha s-setgħa għal ordni ta' manteniment favur il-mara, ir-raġel, it-tfal, jew saħansitra l-ġenituri tal-partijiet meta jkunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Din l-ordni tista' ssir billi jitressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Hemm ukoll provvediment statutorju għall-għoti ta' ordni ta' manteniment meta koabitant jonqos milli jmantni lill-koabitant l-ieħor.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Tfal taħt l-età ta' sittax-il sena huma intitolati jirċievu l-manteniment. Barra minn hekk, tfal li jkunu għalqu sittax-il sena imma jkunu taħt il-wieħed u għoxrin sena u li jkunu jew qed jieħdu edukazzjoni full time jew jagħmlu taħriġ full time għal sengħa, professjoni jew vokazzjoni u għal mhux inqas minn sentejn ikunu intitolati wkoll li jirċievi l-manteniment.

Tfal li l-kapaċità tagħhom ta' qligħ tkun imxekkla minħabba mard jew diżabilità fil-moħħ jew fil-ġisem u li jkunu għadhom ma laħqux l-età ta' wieħed u għoxrin sena huma wkoll intitolati għall-manteniment.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Biex wieħed jitlob il-manteniment meta tkunx ġiet invokata l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Suprema, ir-rikorrent ikollu jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Ir-rikorsi għall-manteniment li jkunu anċillari u li joħorġu minn divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, annullament jew proċediment ta' dissoluzzjoni taż-żwieġ għandhom jiġi ppreżentati quddiem il-Qorti Suprema.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Tista' ssir talba għal manteniment f'isem wild mingħand persuna li jkollha l-ordni għall-ħarsien tat-tfal jew ir-responsabbiltà ta' ġenitur għalih. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Manteniment, it-tfal jistgħu japplikaw huma stess għall-manteniment mingħand persuna responsabbli li tmantnihom.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Jekk it-talba għall-manteniment tiġi minn żwieġ jew sħubija ċivili, il-Qorti tal-Maġistrati jista' jkollha ġurisdizzjoni biex tittratta l-kwistjoni. Jekk it-talba għall-manteniment tirriżulta minn proċedimenti ta' divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, annullament jew dissoluzzjoni taż-żwieġ fil-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Suprema, tkun dik il-Qorti li trid tqis il-kwistjoni tal-manteniment.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Rikorrent jista' jressaq talba personalment u jirrappreżenta lilu nnifsu fil-Qorti, alternattivament, jista' jqabbad avukati biex jaġixxu f'ismu.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-preżentata ta' rikors fil-Qorti tal-Maġistrati hija bla ħlas. Għalhekk, rikorrent jista' jidher personalment mingħajr ma jġarrab l-ebda spiża.

Fil-Qorti Suprema, mal-preżentata ta' ċitazzjoni normalment irid isir ħlas ta' £150. Kemm fil-Qorti tal-Maġistrati kif ukoll fil-Qorti Suprema, l-għajnuna legali tista’ tingħata skont ir-riżultat ta’ test tal-mezzi. It-talbiet għall-għajnuna legali fi kwalunkwe qorti għandhom isiru quddiem il-Qorti Suprema u formoli għar-rikorsi jinġabru mir-Reġistru tal-Qorti Suprema.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Malli tisma' t-talba, il-Qorti tal-Maġistrati tista' toħroġ ordni ta' manteniment għall-ħlas ta' somma fil-ġimgħa jew somma perjodika oħra li l-Qorti tqis li tkun raġonevoli fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ għall-manteniment ta' wild, missier, sieħeb, sieħba koabitant, omm u/jew konjuġi.

Sussegwentement jistgħu jsiru rikorsi għall-varjazzjoni tal-ordnijiet ta' manteniment. Dan ir-rikors isir ukoll lill-Qorti tal-Maġistrati jew lill-Qorti Suprema, meta applikabbli.

Il-qorti tista' f'każijiet xierqa tiddeċiedi li l-manteniment isir b'mod retroattiv.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment jista' jitħallas minn parti lill-oħra jew alternattivament, il-ħlasijiet jistgħu jsiru permezz tal-Qorti.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Hemm provvediment li jipprevedi li rikorrent jista' jitlob mandat ta' sekwestru fuq il-qligħ ladarba l-intimat ikun naqas milli jħallas tnejn mill-pagamenti meħtieġa mill-ordni ta' manteniment oriġinali. Il-Qorti tal-Maġistrati għandha wkoll is-setgħa li toħroġ mandati in factum, li jwassal sabiex l-intimat jittieħed il-ħabs talli jkun naqas milli josserva t-termini ta' ordni ta' manteniment. Madankollu, f'dawn il-każijiet, il-Qorti tagħti opportunità li intimat jippreżenta l-argumenti għalfejn ma għandhiex tagħti din l-ordni.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Ma hemm l-ebda perjodu ta' limitazzjoni.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Rikorsi għal manteniment normalment jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Maġistrati ta' Ġibiltà, 32 – 36 Town Range, Ġibiltà. Meta talba għal manteniment tiġi minn proċedimenti ta' divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament, ir-rikors għandu jsir lill-Qorti Suprema ta' Ġibiltà, 277 Main Street, Ġibiltà.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar dan fil-liġi ta' Ġibiltà. Il-ħlas jista' jiġi infurzat permezz ta' mandat ta' sekwestru fuq il-qligħ jew bl-użu ta' mandati in factum.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Il-mistoqsijiet għandhom isiru lill-Qorti tal-Maġistrati, 277 Main Street, Ġibiltà jew lill-Qorti Suprema, 277 Main Street, Ġibiltà.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Il-mistoqsijiet għandhom jiġu indirizzati lill-:

Clerk of the Magistrates’ Court,
Magistrates' Court,
32 – 36 Town Range
Ġibiltà
telefown: +350 200 75671
faks: +350 200 40483.

Alternattivament, il-mistoqsijiet dwar il-proċedimenti ta' manteniment fil-Qorti Suprema jistgħu jiġu indirizzati lil

The Registry,
Supreme Court,
277 Main Street,
Ġibiltà
telefown: +350 200 75608
faks: +350 200 77118.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Rikors li jispjega l-ammont mitlub f'Ġibiltà jista' jintbagħat direttament lill-Qorti tal-Maġistrati malli u ladarba jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ġuriżdizzjonali. Alternattivament, ir-rikors xieraq jista' jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Suprema meta t-talba għal manteniment tirriżulta minn proċedimenti ta' divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara l-mistoqsija preċedenti.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Ġibiltà mhijiex marbuta mill-Protokoll tal-Aja u dan ma japplikax f'Ġibiltà.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Il-liġijiet ta' Ġibiltà japplikaw għall-każijiet kollha f'Ġibiltà.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Dan ir-Regolament jistipula sensiela ta' miżuri mmirati lejn il-faċilitazzjoni għall-ħlas ta' talbiet għal manteniment f'sitwazzjonijiet transfruntieri. Dawn it-talbiet jirriżultaw mill-obbligu ta' għajnuna lejn membri tal-familja fil-bżonn. Pereżempju, dawn jistgħu jieħdu l-forma tal-manteniment li jrid jitħallas lil wild jew lil parti waħda mill-ekskonjuġi wara divorzju.

Ir-Regolament japplika għal obbligi ta' manteniment li jkunu ġejjin minn:

  • relazzjoni familjari;
  • filjazzjoni;
  • żwieġ jew affinità.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-Att dwar il-Manteniment jistabbilixxi t-tħaddim tar-Regolament dwar il-Manteniment. L-awtorità ċentrali ddeżinjata hija:

Minister for Justice,
Government of Gibraltar
Suite 771 Europort
Ġibiltà
Tel: + 350 200 59267
Faks: + 350 200 59271
e-mail: moj@gibraltar.gov.gi

L-Att dwar l-Għajnuna u l-Assistenza Legali jistabbilixxi t-testijiet ta' kwalifika permezz ta' kundizzjonijiet sostanzjali u finanzjarji meħtieġa.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 03/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.