

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Persuni li huma obbligati jħallsu l-manteniment:
Ma hemm l-ebda limitu ta’ età għall-manteniment tal-ulied: dan irid jitħallas sakemm il-wild ikun dipendenti fuqu, sakemm dan ma jkunx dovut minħabba xi tort min-naħa tal-wild. Madankollu, hekk kif l-ulied jispiċċaw l-edukazzjoni u t-taħriġ normalment ikunu mistennija jmantnu lilhom infushom. Ġeneralment, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-manteniment tipprivileġġa lil ulied minorenni fuq l-ulied adulti li jkunu temmew l-edukazzjoni ġenerali tagħhom. Ir-rekwiżiti imposti fuq il-persuna responsabbli għall-manteniment huma aktar stretti, u l-minorenni ġeneralment jieħdu prijorità fuq ulied maġġorenni.
Biex l-obbligu tal-manteniment jiġi rikonoxxut, il-parti intitolata trid normalment tressaq talba l-qorti, jew l-Uffiċċju għall-Benessri taż-Żgħażagħ (Jugendamt), jew lil nutar, sabiex jinkiseb titolu eżekuttiv (vollstreckungsfähiger Titel) li jippermetti li tinġabar somma flus b’mod obbligatorju.
Jekk it-talba tiġi kkontestata trid tiġi pproċessata quddiem il-qorti. Madankollu, l-obbligu li tiġi ssodisfata talba jista’ jkun rikonoxxut quddiem nutar jew l-Uffiċċju għall-Benessri taż-Żgħażagħ. L-ambitu tal-awtorità tal-Uffiċċju tal-Benessri taż-Żgħażagħ huwa aktar ristrett milli minn dak ta’ nutar: l-Uffiċċju tal-Benessri taż-Żgħażagħ jista’ jirreġistra obbligu għall-manteniment tat-tfal sal-età ta’ 21 sena, jew talba minn omm jew missier li tirriżulta mit-twelid ta’ wildhom.
It-tilwim dwar it-talbiet ta’ manteniment huma każijiet tal-liġi tal-familja u jiġu ttrattati mill-qorti tal-familja (Familiengericht). Il-proċedimenti huma rregolati mill-Att dwar il-Proċedura fi Kwistjonijiet Familjari u Materji ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja (Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit – FamFG) u l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO).
Skont l-Artikolu 1629(1) tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch – BGB) il-ġenituri jirrappreżentaw lill-wild b’mod konġunt; ġenitur jista’ jirrappreżenta lill-wild waħdu jekk ikun jeżerċita l-kustodja ta' ġenitur waħdu jew jekk ikun awtorizzat jieħu deċiżjoni waħdu skont l-Artikolu 1628 tal-Kodiċi Ċivili. Ir-regola ġenerali, għalhekk, hija li l-ġenituri jistgħu jippreżentaw talba f’isem uliedhom bħala r-rappreżentanti legali ta’ dawk l-ulied. Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1629(2) tal-Kodiċi Ċivili, il-missier u l-omm ma jistgħux jirrappreżentaw lill-wild meta l-Artikolu 1795 tal-Kodiċi ma jippermettix li tutur jirrappreżenta lit-tfal minħabba kunflitt ta’ interess. Fost affarijiet oħra, dan ikopri tilwim legali bejn il-wild u l-konjuġi tal-ġenitur. F’dan il-każ, persuna msejħa “tutur addizzjonali” (Ergänzungspfleger) trid tinħatar biex taġixxi bħala rappreżentant tal-wild u tasserixxi t-talba f’ismu. It-talbiet ta’ manteniment huma eċċezzjoni għar-regola ġenerali. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1629(2) tal-Kodiċi Ċivili, jekk il-ġenituri jkollhom setgħa eżerċitata bi ftehim bejn iż-żewġ ġenituri fuq il-wild, il-ġenitur li jkun qed irabbi l-wild jista’ jressaq talba għal manteniment li tikkonċerna l-wild kontra l-ġenitur l-ieħor. L-Artikolu 1629(3) tal-Kodiċi Ċivili jimmodifika din id-dispożizzjoni f’każijiet meta l-ġenituri tat-tfal ikunu miżżewġin lil xulxin iżda jkunu jgħixu separati jew ikun hemm proċedimenti matrimonjali pendenti bejniethom. F’dan il-każ, ġenitur ikun jista’ jasserixxi t-talbiet għall-manteniment tat-tfal kontra l-ġenitur l-ieħor f’ismu stess biss. Dan sabiex jiġi evitat li t-tfal isiru parti fi proċedimenti ta’ divorzju bejn il-ġenituri.
Il-qrati b’ġuriżdizzjoni f’każijiet dwar il-manteniment huma l-qrati tal-familja (Familiengerichte), li huma taqsimiet tal-qrati lokali (Amtsgerichte). Liema qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni f’post partikolari jiġi determinat skont l-Artikolu 232 tal-Att dwar il-Proċedura fi Kwistjonijiet Familjari u Kwistjonijiet ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja.
Sakemm ikun hemm proċedimenti matrimonjali pendenti, il-qorti b’ġuriżdizzjoni ġeografika tkun bħala regola l-qorti li hija jew li kienet il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-proċedimenti tad-divorzju. Inkella, il-ġuriżdizzjoni ġeografika ħafna drabi tiġi ddeterminata skont il-post ta’ residenza abitwali tal-konvenut. Sitwazzjoni differenti tapplika fi proċedimenti li jikkonċernaw l-obbligi ta’ manteniment lejn minorenni jew tfal trattati bħala minorenni. Hawnhekk il-qorti b’ġuriżdizzjoni hija l-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tat-tfal, jew tal-ġenitur awtorizzat li jaġixxi f’isem uliedu. Madankollu, dan ma japplikax jekk il-wild jew il-ġenitur ikunu normalment residenti barra mill-Ġermanja.
Wild li jixtieq iressaq talba għall-manteniment kontra ż-żewġ ġenituri jista’ jagħmlu quddiem il-qorti kompetenti biex tipproċessa t-talba kontra ġenitur wieħed biss.
Fil-prinċipju, il-partijiet f’każijiet ta’ manteniment għandhom ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti minn avukat. Madankollu, ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex meħtieġa meta ssir talba għal miżura proviżorja (einstweilige Anordnung). U lanqas ma t-tfal irid ikollhom avukat jekk l-Uffiċċju għall-Benessri taż-Żgħażagħ ikun qed jipprovdi għajnuna u jirrappreżentahom biex jasserixxu talba għall-manteniment.
L-ispejjeż legali mitluba fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ manteniment tal-qorti jieħdu l-forma ta’ drittijiet jew spejjeż. L-ammont ta’ dawn l-ispejjeż huwa bbażat fuq il-valur tat-talba, l-andament tal-proċedimenti u ċ-ċirkostanzi uniċi tal-każ.
L-ispejjeż l-ewwel jitħallsu mill-parti li tkun ordnata tħallashom mill-Qorti fis-sentenza tagħha. Fil-prinċipju din tkun il-parti telliefa.
L-atturi li minħabba ċ-ċirkostanzi personali u ekonomiċi tagħhom ma jkunux jistgħu jħallsu l-ispejjeż tal-qorti b’mod sħiħ, jew jkunu jistgħu jħallsu biss bin-nifs, ikunu intitolati jitolbu l-għajnuna legali (Verfahrenskostenhilfe) biex jiġu megħjuna jkopru l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ manteniment tal-qorti. Madankollu, l-azzjoni legali prevista jew id-difiża jridu jagħtu ċans raġonevoli ta’ suċċess u ma jridux jidhru frivoli. L-għajnuna legali tingħata skont l-introjtu u l-assi tal-attur biex tkopri l-ispejjeż tal-qorti u tal-avukat, b’mod sħiħ jew parzjali, imma mhux l-ispejjeż tal-avukat tal-kontroparti f’każ ta’ telfa.
Il-manteniment irid jitħallas b’mod regolari. Il-livell tal-pagament jiġi determinat mir-rekwiżiti u l-ħtiġijiet tal-parti intitolata għall-manteniment u l-kapaċità tal-parti responsabbli għall-manteniment biex tħallas. Il-Qrati Reġjonali Superjuri (Oberlandesgerichte) żviluppaw tabelli u linji gwida f’dan ir-rigward li jassistu biex tiġi determinata rata fissa għall-punti li għandhom jitqiesu. It-tabella ta’ Düsseldorf tintuża b’mod regolari bħala bażi għall-kalkolu tal-livell tal-manteniment tat-tfal.
Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi attwali li l-ordnijiet tal-qorti jkunu bbażati fuqhom, dawn l-ordnijiet jistgħu jiġu modifikati fuq talba tal-parti intitolata għall-manteniment jew tal-parti responsabbli għall-manteniment. F’każ ta’ minorenni, il-manteniment tal-ulied jista' jiġi wkoll indiċizzat skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1612a(1) tal-Kodiċi Ċivili. F’dak il-każ ikun iddikjarat bħala perċentwali tal-livell minimu ta’ manteniment fis-seħħ fi kwalunkwe żmien partikolari. Il-livell minimu ta’ manteniment huwa rregolat mill-Artikolu 1612a(1) is-sentenzi 2 u 3 tal-Kodiċi Ċivili, u jiżdied fuq skala ta’ tlieta huwa u jikber il-wild. Jekk ordni tal-Qorti tinkludi pagament ta' manteniment indiċjat, l-ordni ma tkunx trid tiġi mmodifikata kull darba li l-wild jilħaq skala tal-età ġdida.
Fil-prinċipju, manteniment għandu jitħallas kull xahar bil-quddiem lill-parti intitolata għall-manteniment jew, fil-każ ta’ minorenni, lill-ġenitur li jkun qed jieħu ħsiebu jew inkella lill-parti intitolata biex tirċevih.
Talbiet ta’ manteniment stabbiliti jistgħu jiġu eżegwiti permezz ta’ eżekuzzjoni forzata (Zwangsvollstreckung). L-eżekuzzjoni forzata tinkiseb skont ir-regoli ordinarji.
Madankollu, l-obbligu impost fuq il-parti responsabbli għall-manteniment huwa msaħħaħ mill-fatt li nuqqas ta’ konformità miegħu huwa punibbli skont il-liġi kriminali.
Persuna li tkun fi ksur ta’ obbligu ta’ manteniment tista’ tiġi kkundanna għal sa tliet snin priġunerija jew tiġi ordnata tħallas multa. Jekk sentenza ta’ kustodja tkun inevitabbli, il-qorti tista’ tissospendi s-sentenza u tordna lill-parti kkundannata tissodisfa l-obbligi tal-manteniment tagħha. Il-Qorti mbagħad tirrevoka s-sospensjoni tas-sentenza jekk il-parti kkundannata twettaq ksur serju jew persistenti tal-ordni, u b’hekk tagħti lok għal biża’ li tista’ twettaq aktar reati kriminali u b’mod partikolari ksur tal-obbligi ta’ manteniment. Fil-każ ta’ dawk li jkunu wettqu l-ewwel reat, min-naħa l-oħra, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’ joqgħod proviżorjament lura milli jmexxi, jew il-qorti tista’ temporanjament twaqqaf il-proċedimenti kriminali, sakemm fl-istess ħin l-akkużat jingħata struzzjonijiet biex jikkonforma mal-obbligi ta’ manteniment ta’ ammont iddikjarat.
Proprjetà mobbli tista’ tiġi invokata bħala rahan (Pfändung) mill-marixxall tal-qorti (Gerichtsvollzieher) (l-Artikolu 808 (1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Il-każijiet li jippermettu din il-forma ta’ rahan huma ristretti mill-Artikoli 811-812 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. L-oġġetti elenkati fl-Artikolu 811 tal-Kodiċi huma eżentati. Dan ma għandux japplika għal oġġetti li jkunu ġew akkwistati soġġetti għal riserva fuq is-sjieda sakemm il-pagament ikun pendenti (Eigentumsvorbehalt) kif previst fl-Artikolu 811(2) tal-Kodiċi. L-Artikoli 811a u 811b tal-Kodiċi jippermettu li oġġetti ta’ valur ikklassifikati bħala eżenti skont l-Artikolu 811 jiġu ssostitwiti b’oġġetti ta’ valur iktar baxx li jaqdu l-istess funzjoni.
Ir-residenza tad-debitur tista' tiġi mfittxa mingħajr il-kunsens tiegħu biss abbażi ta’ mandat ta’ tiftix maħruġ minn imħallef (l-Artikolu 758a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Il-qbid ta’ proprjetà bħala rahan huwa f’idejn il-qorti inkarigata mill-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Il-qbid tal-introjtu ggwadanjat huwa soġġett għal eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 850 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Kemm mill-introjtu ggwadanjat tad-debitur ikun eżentata jiġi ddeterminat mhux biss mill-livell tal-introjtu tad-debitur, iżda wkoll minn kemm ikun hemm nies legalment intitolati li jirċievu manteniment mingħand id-debitur. Bħala għajnuna għall-kalkolu, tfasslet tabella ta’ limiti għall-eżenzjonijiet u ġiet inkluża bħala anness mal-Artikolu 850c tal-Kodiċi, li jintuża biex jiġu ddeterminati l-limiti tal-eżenzjoni. Din it-tabella tiġi riveduta f’intervalli regolari u, meta jkun hemm bżonn, il-livell jiġi aġġustat.
Jekk l-eżekuzzjoni ssir abbażi ta’ talba għal manteniment jew talba li toriġina minn att illegali (unerlaubte Handlung) kommess intenzjonalment, l-Artikoli 850d u 850f tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jippermettu li l-qorti responsabbli mill-proċedimenti tal-eżekuzzjoni, wara talba mill-kreditur, tistabbilixxi livell differenti ta’ eżenzjoni minn qbid b’rahan. Id-debitur jista’ wkoll jitlob li jkollu livell differenti stabbilit jekk ikollu bżonnijiet personali speċjali skont l-Artikolu 850f(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
Skont l-Artikolu 850k tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kont miżmum mid-debitur jista' jiġi eżentat minn qbid. Kont bħal dan huwa magħruf bħala kont eżenti mill-qbid jew “Kont P” (Pfändungsschutzkonto, jew P-Konto). Huwa maħsub biex jiżgura standard ta’ għajxien raġonevoli għad-debitur u d-dipendenti tiegħu. Fl-ewwel istanza, il-kont P awtomatikament jipproteġi l-bilanċi sal-livell tal-eżenzjoni bażika, li bħalissa huwa EUR 1 133.80 għal kull xahar kalendarju. Din l-eżenzjoni bażika tista’ tiżdied f’ċerti ċirkostanzi, eż. jekk id-debitur ikollu aktar obbligi ta’ manteniment. Ara d-dettalji dwar l-ammonti eżentati mill-qbid hawnhekk: http://www.bmjv.de/DE/Themen/FinanzenUndAnlegerschutz/ZwangsvollstreckungPfaendungsschutz/Pfaendungsschutzkonto.html. Il-benefiċċju għat-tfal u ċerti pagamenti tas-sigurtà soċjali jgawdu minn protezzjoni addizzjonali. Biex jikseb din it-tip ta’ protezzjoni, id-debitur ġeneralment irid jipprovdi evidenza lill-bank. F’każijiet speċifiċi, bħal meta d-debitur ikollu bżonnijiet speċjali minħabba mard, l-ammont tal-bilanċ fil-kont li jrid jiġi eżentat mill-qbid jista’ jiġi aġġustat individwalment mill-qorti inkarigata mill-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.
Il-perjodu ta’ preskrizzjoni regolari ta’ tliet snin japplika għal talbiet ta’ manteniment (l-Artikolu 195 tal-Kodiċi Ċivili), b’perjodu li jibda fi tmiem is-sena meta nħoloq l-oġġett tat-talba u l-parti intitolata saret taf bih (l-Artikolu 199(1) tal-Kodiċi Ċivili). Perjodu ta’ preskrizzjoni separat ta’ 30 snin japplika biss għall-arretrati tal-manteniment stabbilit (l-Artikolu 197(1) il-punt 3 tal-Kodiċi Ċivili): il-perjodu jibda jgħodd mid-data tad-deċiżjoni vinkolanti tal-qorti jew tal-istituzzjoni tat-titolu eżekuttiv, jew f’każ ta’ rekords minn meta jiġu traskritti (l-Artikolu 201(1) tal-Kodiċi Ċivili).
Il-preskrizzjoni għat-talbiet ta’ manteniment tista’ tiġi sospiża. Sospensjoni tfisser li l-perjodu meta l-preskrizzjoni tiġi sospiża ma jkunx inkluż fil-perjodu tal-preskrizzjoni (l-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili). Dan ikun il-każ għall-manteniment tal-ulied sakemm il-wild jagħlaq 21 sena (l-Artikolu 207(1), is-sentenza 2, il-punt 2(a) tal-Kodiċi Ċivili).
Jekk ikun hemm jew jintalab att ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni, il-perjodu ta’ preskrizzjoni regolari ta’ tliet snin jerġa’ jibda (l-Artikolu 212(1) il-punt 2 tal-Kodiċi Ċivili). Dan jipprevjeni l-preskrizzjoni ta’ drittijiet għall-manteniment futuri stabbiliti.
L-ordni tal-manteniment hija titolu eżekuttiv ordinarju (Vollstreckungstitel) għal talba monetarja, li jfisser li fil-prinċipju, il-parti intitolata għall-manteniment trid tirrispetta r-regoli ordinarji ta’ eżekuzzjoni u trid teżegwixxi t-talba hi stess.
Madankollu, l-Uffiċċju tal-Benessri taż-Żgħażagħ jista’ jgħin fil-ġbir jekk ikun qed jassisti lit-tfal skont l-Artikolu 1712 tal-Kodiċi Ċivili. Dan jista’ jassisti lit-tfal wara talba mill-ġenitur bir-responsabbiltà unika tat-tfal jew, jekk il-ġenituri jkollhom responsabbiltà konġunta, wara talba minn ġenitur li jkun qed irabbi t-tfal.
Trid issir distinzjoni bejn dan ix-xenarju u każ ieħor: parti intitolata għall-manteniment tista’ tirċievi ċerti benefiċċji tas-sigurtà soċjali li jissodisfaw ħtieġa li kieku kienet tkun koperta mill-ħlas tal-manteniment. Jekk ir-riċevitur ta’ ħlasijiet tas-sigurtà soċjali bħal dawn ikollu talba għal manteniment pendenti kontra parti responsabbli għall-manteniment, it-talba għall-manteniment bħala regola tiġi ttrasferita lill-awtorità pubblika responsabbli, li mbagħad tkun tista’ tasserixxi t-talba għall-manteniment f’isimha stess.
F’każijiet partikolari meta wild jitrabba minn ġenitur wieħed u l-ġenitur l-ieħor ma jħallas l-ebda manteniment fi flus, l-intitolament għall-ħlasijiet jiġi mill-Att dwar il-Ħlas tal-Manteniment bil-Quddiem(Unterhaltsvorschussgesetz – UVG). L-Uffiċċju tal-Ħlas tal-Manteniment bil-Quddiem (Unterhaltsvorschusskasse) imbagħad jiġbor l-ammont tat-talba għal manteniment li għaddiet lilu.
Barra minn hekk, jekk l-ebda manteniment ma jitħallas mill-parti responsabbli għall-manteniment, u jkollha titħallas l-għajnuna soċjali (Sozialhilfe) (jekk wieħed jassumi li r-rekwiżiti l-oħra għall-assistenza soċjali jiġu ssodisfati), it-talbiet ta’ manteniment jgħaddu għand il-fornitur tal-assistenza soċjali (bl-istess mod bħall-ħlas bil-quddiem imsemmi hawn fuq), u l-fornitur tal-assistenza soċjali mbagħad ikun jista’ jinforza l-ħlas. Fil-każ tal-benefiċċju bażiku għal dawk li jfittxu xogħol (Grundsicherung für Arbeitssuchende), it-trasferiment isir biss wara avviż bil-miktub mingħand il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas lill-parti responsabbli għall-manteniment.
Il-ħlasijiet skont l-Att dwar il-Ħlas tal-Manteniment bil-Quddiem u l-pagamenti ta’ assistenza soċjali u l-benefiċċju bażiku għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol imsemmijin fil-Mistoqsija 12 huma ħlasijiet tas-sigurtà soċjali indipendenti b’għan definit, u mhumiex ħlasijiet għall-manteniment fil-veru sens tal-kelma. Dawn jitħallsu direttament lill-pretendent mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Dawn ma jiddependux fuq jekk it-talba għall-manteniment tistax tinġabar jew le. L-awtoritajiet pubbliċi li t-talba ta’ manteniment tkun għaddiet lilhom, jistgħu jinforzaw il-pretensjoni f’isimhom stess.
Kuntrarjament għall-ħlasijiet skont l-Att dwar il-Ħlas tal-Manteniment bil-Quddiem u ħlasijiet tal-assistenza soċjali u l-benefiċċju bażiku għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol, l-assistenza għad-dritt mogħtija mill-Uffiċċju tal-Benessri taż-Żgħażagħ ma toħloqx dritt distint għal ħlas mill-awtorità pubblika responsabbli. F’dan il-każ, ir-rwol tal-awtorità pubblika huwa ristrett biex jgħin il-parti intitolata li tasserixxi u tinforza t-talba għall-manteniment.
Jekk parti intitolata għall-manteniment tkun tixtieq tinforza talba għall-manteniment kontra persuna responsabbli residenti barra mill-pajjiż, hija tkun tista’ tirrikorri għand l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja (Bundesamt für Justiz) f’Bonn. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħatret l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja biex iservi bħala l-awtorità ċentrali għall-proċedimenti transfruntiera dwar il-manteniment.
It-talbiet li jsiru skont l-Artikolu 55 tar-Regolament tal-UE dwar il-Manteniment, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment jew l-Artikolu 2(1) u 2(2) tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1956 minn parti intitolata residenti l-Ġermanja iridu jiġu ppreżentati lill-Awtorità Ċentrali rikjesta billi jintbagħtu lill-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja f'Bonn. għal aktar informazzjoni, ara: https://www.bundesjustizamt.de/DE/Themen/Buergerdienste/AU/AU_node.html
Id-dettalji ta' kuntatt tal-Awtorità Ċentrali huma:
Bundesamt für Justiz
Unit II 4
53094 Bonn
Germany
Posta elettronika: auslandsunterhalt@bfj.bund.de
Tel.: +49(0)228 99410 6434
Faks: +49(0)228 99410 5202
Il-partijiet intitolati residenti barra l-pajjiż jistgħu jressqu t-talba tagħhom lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat ta’ residenza tagħhom skont l-Artikolu 55 tar-Regolament tal-UE dwar il-Manteniment, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment jew l-Artikolu 2(1) u 2(2) tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1956.
Dawn it-talbiet iridu jintbagħtu permezz tal-Awtorità Ċentrali fil-pajjiż ta’ residenza. Minn hemm, dawn jintbagħtu lill-Awtorità Ċentrali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ara l-Kapitolu 14.2).
Iva.
Mhux applikabbli.
L-ispejjeż għall-proċedimenti tal-manteniment bħala regola jitħallsu bil-quddiem. Fil-qasam kopert mir-Regolament tal-Manteniment, l-għajnuna legali tingħata b’konformità mal-Artikoli 44 sa 47 tar-Regolament. L-obbligu li jsir ħlas bil-quddiem ma japplikax f'ċerti ċirkostanzi, b’mod partikolari jekk tingħata l-għajnuna legali.
Il-Ġermanja pprovdiet l-Awtorità Ċentrali tagħha – l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja – bis-setgħat meħtieġa biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri deskritti fl-Artikolu 51.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.