Manteniment tal-familja

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

L-Att (Finlandiż) dwar il-Manteniment tat-Tfal (704/1975) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-manteniment tat-tfal.

Skont dan l-Att, minuri għandu dritt għal manteniment xieraq. Dan ifisser illi jridu jiġu indirizzati l-bżonnijiet materjali u psikoloġiċi tat-tfal fid-diversi stadji tal-iżvilupp tagħhom u li jiġu koperti l-ispejjeż għall-kura u l-edukazzjoni tagħhom, kif ikun meħtieġ, kif ukoll spejjeż relatati oħra.

Il-minuri għandu dritt għall-manteniment mingħand il-ġenituri tiegħi, li huma responsabbli għalih, skont il-kapaċità tagħhom. Jekk il-ġenituri ma jerfax ir-responsabbiltà tal-obbligu tal-manteniment tiegħu lejn it-tfal, jew jekk it-tfal ma jgħixux mal-ġenitur tagħhom fuq bażi permanenti, dak il-ġenitur jista' jiġi ordnat iħallas il-manteniment ta' dawk it-tfal.

Il-ġenituri ma għandhomx dritt jirċievu manteniment mingħand it-tfal tagħhom.

L-Att (Finlandiż) dwar iż-Żwieġ (234/1929) jistabbilixxi id-dispożizzjonijiet dwar il-manteniment għall-konjuġi.

Fi żwieġ, kull konjuġi għandu responsabbiltà rigward l-ispejjeż komuni tal-familja u l-manteniment tal-konjuġi l-ieħor, skont il-kapaċità tiegħu.

Jekk il-konjuġi ma jerfax ir-responsabbiltà tiegħu li jħallas il-manteniment jew jekk il-konjuġi jgħixu għal rashom, wieħed minnhom jista' jiġi ordnat iħallas il-manteniment lill-ieħor.

Wara d-divorzju, parti minnhom għandha l-obbligu tħallas il-manteniment lill-ekskonjuġi tagħha jekk il-partijiet daħlu fi ftehim rigward dan u d-dipartiment tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali approvat dan il-ftehim. Jekk il-koppja tikseb id-divorzju, il-qorti tista' tordna lil parti minnhom biex tħallas il-manteniment lill-parti li għandha bżonnu. Fil-ġurisprudenza Finlandiża, madankollu, huwa rari illi parti tiġi ordnata tħallas il-manteniment lill-konjuġi tagħha. B'mod ġenerali, wara divorzju l-partijiet imantnu lilhom infushom.

Id-dritt ta' konjuġi għall-manteniment mingħand l-ekskonjuġi tiegħu jintemm meta l-benefiċjarji tal-manteniment jerġa jiżżewweġ.

Dak li hemm stabbilit fil-liġi dwar il-konjuġi japplika wkoll għall-partijiet konċernati fi sħubija reġistrata.

Il-partijiet ma għandhomx obbligu jħallsu l-manteniment lil xulxin fil-kuntest ta' xi relazzjonijiet personali oħra.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Id-dritt tat-tfal għall-manteniment mingħand il-ġenituri jintemm meta t-tfal jagħlqu 18-il sena.

Il-ġenituri huwa responsabbli wkoll għall-ispejjeż tal-edukazzjoni tat-tfal tagħhom wara li dawn ikunu għalqu 18-il sena jekk ikun ikkunsidrat raġjonevoli. Madankollu dan huwa fenomenu rari fil-ġurisprudenza Finlandiża.

Ara wkoll il-mistoqsija numru 1.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Kemm il-parti li għandha dritt għall-manteniment u l-parti li għandha l-obbligu tħallsu tista' tikkuntattja l-Bord Muniċipali tas-Sigurtà Soċjali, li jista' jassisti fit-tfassil ta' ftehim marbut ma' ħlas ta' manteniment. Ftehim approvat mill-Bord Muniċipali tas-Sigurtà Soċjali huwa direttament eżegwibbli, bħal sentenza tal-qorti.

L-Artikolu 8(a) tal-Att dwar il-Manteniment tat-Tfal jistipula illi, anke jekk it-tfal jew il-konjuġi bl-obbligu ta' manteniment ma għandux domiċilju fil-Finlandja, il-Bord Muniċipali tas-Sigurtà Soċjali jista' japprova ftehim dwar il-manteniment jekk qorti fil-Finlandja jkollha ġuriżdizzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 3 jew 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 u jekk il-partijiet ikunu ftehmu illi l-liġijiet tal-Finlandja għandhom jirregolaw l-obbligi ta' manteniment skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll tal-Aja tat-23 ta' Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta' Manteniment.

Jekk mhemmx qbil dwar każ ta' manteniment, il-parti li għandha dritt għall-manteniment jew il-parti bl-obbligu li tħallas il-manteniment tista' tressaq din il-kwistjoni quddiem il-qorti permezz ta' rikors għal taħrika.

Il-konjuġi jistgħu ifasslu ftehim informali bil-miktub dwar il-manteniment u jitolbu lid-dipartiment tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali biex tapprovah. Jekk tiġi mitluba tagħmel dan, l-awtorità tgħin lill-partijiet ifasslu dan il-ftehim.

Kawża ta' manteniment li tinvolvi ż-żewġ konjuġi tista' titressaq quddiem il-qorti permezz ta' rikors għal taħrika.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

---

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 u r-regoli tiegħu dwar il-ġuriżdizzjoni japplikaw għal każijiet transfruntiera relatati mal-manteniment.

Fi kwistjonijiet relatati mal-obbligi ta' manteniment fl-Istati Membri, il-ġuriżdizzjoni tkun ta’:

  1. tal-qorti tal-post fejn il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew
  2. tal-qorti tal-post fejn il-kreditur huwa abitwalment residenti, jew
  3. tal-qorti fejn, skont il-liġi tagħha stess, għandha ġuriżdizzjoni biex tisma' proċedimenti dwar l-istatus ta' persuna jekk il-kwistjoni dwar il-manteniment hija anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġuriżdizzjoni mhix ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet, jew
  4. tal-qorti fejn, skont il-liġi tagħha stess, għandha ġuriżdizzjoni biex tisma' proċedimenti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-kwistjoni dwar il-manteniment hija anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġuriżdizzjoni mhix ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet.

Jekk il-każ ma għandux rabta transfruntiera, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni jistgħu jinsabu fil-Kodiċi (Finlandiż) tal-Proċedura Ġudizzjarja (4/1734).

Skont il-Kapitolu 10, Taqsima 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, l-investigazzjoni tat-talba kontra persuna fiżika trid issir fil-Qorti Distrettwali li taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha dik il-persuna hija domiċiljata jew abitwalment residenti. Skont il-Kapitolu 10, l-Artikolu 9, talba għal manteniment tista' tiġi investigata wkoll mill-Qorti Distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha il-parti li qiegħda titlob jew tirċievi l-manteniment hija domiċiljata jew għandha post ta' residenza permanenti.

Fejn il-każ jikkonċerna divorzju jew it-tmiem tal-koabitazzjoni, jista' jkun hemm talbiet dwar ftehim fuq il-manteniment, il-kustodja tat-tfal jew drittijiet ta' aċċess jew xi talba oħra marbuta mad-divorzju jew mat-tmiem tal-koabitazzjoni. F'dan il-każ, il-qorti b'ġuriżdizzjoni hija l-qorti tad-divorzju.

Jekk it-talba għall-manteniment ssir b'rabta mal-proċedimenti marbuta mal-kustodja tat-tfal jew il-paternità, il-kawża dwar il-manteniment tista' tinstema' wkoll mill-qorti li quddiemha jridu jsiru l-proċedimenti dwar il-kustodja jew paternità.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Ir-rikorrent għandu dritt jiftaħ proċedimenti mingħajr assistenza (avukat). Madankollu, parti fi proċedimenti legali normalment ikollha bżonn ta' assistenza esperta, għalhekk ta' min juża l-assistenza jew avukat.

Fil-każijiet transfruntiera ta' manteniment, il-partijiet konċernati jistgħu jirreferu l-kwistjoni lil awtorità ċentrali.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-ftuħ ta' kawża l-qorti hija suġġetta għat-tariffi. Il-qorti titħallas tariffa, u l-ammont konċernat (EUR 86-200) jiddependi mill-qorti u l-bżonn li jinstema' l-każ (It-tariffi li jridu jitħallsu lill-Qrati Distrettwali). (Tariffi tal-Qrati Distrettwali).

L-Att (Finlandiż) dwar l-Għajnuna Legali (257/2002) u l-Att (Finlandiż) dwar l-Awtorità Ċentrali fil-Finlandja għal Ċerti Kwistjonijiet Internazzjonali Marbuta mal-Manteniment (1076/2010) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tar-rikorrent għall-għajnuna legali. Rikorrent li jgħix barra l-pajjiż ukoll jista' jirċievi l-għajnuna legali f'kawżi ta' manteniment fuq il-bażi ta' ftehim speċjali reċiproku. Dawn il-ftehimiet jeżistu bejn il-Finlandja u ċerti stati fl-Istati Uniti u ċerti provinċji fil-Kanada.

Aktar informazzjoni dwar l-għajnuna legali fil-Finlandja tinsab hawnhekk: https://oikeus.fi/oikeusapu/en/index.html

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

L-Att (Finlandiż) dwar il-Manteniment tat-Tfal (704/1975) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-manteniment tat-tfal.

Bħala regola ġenerali, il-manteniment jitħallas fi flus bil-quddiem fix-xahar, sakemm ma jkunx miftiehem jew stipulat mod ieħor. Bħala eċċezzjoni, il-manteniment jista' jiġi ordnat li jitħallas f'somma waħda, jew imħallas fil-forma ta' assi mobbli jew immobbli.

Fil-Finlandja, l-ammont tal-manteniment tat-tfal ma jiġix determinat permezz ta' tabella. Kull każ jiġi deċiż fuq bażi individwali. Skont it-Taqsima 1 ta' dan l-Att, minuri għandu dritt għal manteniment xieraq. Dan ifisser illi jridu jiġu indirizzati l-bżonnijiet materjali u psikoloġiċi tat-tfal fid-diversi stadji tal-iżvilupp tagħhom u li jiġu koperti l-ispejjeż għall-kura u l-edukazzjoni tagħhom, kif ikun meħtieġ, kif ukoll spejjeż relatati oħra. Skont it-Taqsima 2, il-ġenituri huma responsabbli għall-manteniment tat-tfal tagħhom, skont il-kapaċità tagħhom. Meta titqies din il-kapaċità, jitqiesu fatturi bħall-età, l-kapaċità għax-xogħol, il-possibiltajiet tagħhom li jkollhom xogħol imħallas, l-assi u l-fondi li għandhom u aspetti oħra tar-responsabbiltà tagħhom għall-manteniment. Fil-valutazzjoni ta' kemm għandhom responsabbiltà il-ġenituri għall-manteniment, jitqiesu wkoll il-ħila u l-opportunitajiet tat-tfal biex jieħdu ħsieb imantnu lilhom infushom u l-fatturi li minħabba fihom il-ġenituri ma jistgħux jiġu mistennija jħallsu għall-ispejjeż tal-manteniment tat-tfal jew l-ispejjeż involuti huma minimi.

Perjodikament ikun hemm żieda awtomatika fil-manteniment pagabbli biex tiġi riflessa ż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Hemm aktar dispożizzjonijiet dwar iż-żieda awtomatika fl-Att (Finlandiż) dwar l-Irbit ta' Ċertu Ħlas tal-Manteniment mal-Indiċi tal-Għoli tal-Ħajja (583/2008).

L-ammont ta' manteniment u l-metodu ta' ħlas jistgħu jinbidlu permezz ta' ftehim jew sentenza tal-qorti, jekk ikun hemm tibdil tant importanti fiċ-ċirkostanzi li kienu jeżistu meta ġie miftiehem l-ammont illi t-tibdil jiġi kkunsidrat raġjonevoli, minħabba s-sitwazzjoni fil-konfront tat-tfal u tal-ġenitur li qiegħed iħallas il-manteniment.

L-Att dwar iż-Żwieġ jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-manteniment għall-konjuġi. Fil-ġurisprudenza Finlandiża, madankollu, huwa rari illi parti tiġi ordnata tħallas il-manteniment lill-konjuġi tagħha. B'mod ġenerali, wara divorzju l-partijiet imantnu lilhom infushom.

Il-manteniment fil-forma ta' flus jista' jiġi ordnat jitħallas jew għal żmien indefinit jew sakemm jiskadi l-perjodu definit stabbilit fi ftehim, deċiżjoni jew sentenza. Madankollu, jista' jsir ordni li l-manteniment jitħallas bħala somma waħda, jekk il-finanzi personali tal-parti li trid tħallas il-manteniment u fatturi oħra jiġġustifikaw dan il-mezz. Il-manteniment jista' jiġi ordnat li jitħallas f'somma waħda, jew imħallas fil-forma ta' assi mobbli jew immobbli.

Biex jirrifletti ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, l-ammont tal-manteniment pagabbli jiġi awtomatikament u perjodikament inkrementat. Hemm aktar dispożizzjonijiet dwar iż-żieda awtomatika fl-Att (Finlandiż) dwar l-Irbit ta' Ċertu Ħlas tal-Manteniment mal-Indiċi tal-Għoli tal-Ħajja (583/2008).

Sentenza jew deċiżjoni tal-qorti, jew ftehim bejn iż-żewġ konjuġi, jista' jiġi emendat jekk jitqies iġġustifikat minħabba li nbiddlu ċ-ċirkostanzi. Deċiżjoni, sentenza jew ftehim li fih hemm ordni għall-manteniment biex jitħallas bħala somma f'daqqa, madankollu, ma jistax jinbidel wara li jkun tħallas il-manteniment. Ftehim dwar il-manteniment bejn iż-żewġ konjuġi jista' jinbidel jekk il-ftehim jitqies bħala insostenibbli. Skont il-liġi, l-obbligu tal-ħlas perjodiku tal-manteniment jintemm jekk il-parti li għandha dritt għall-manteniment terġa' tiżżewweġ.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment tat-tfal jitħallas lit-tutur tagħhom (fil-kont bankarju tagħhom).

Il-manteniment tal-konjuġi jitħallas lill-konjuġi nnifsu (fil-kont bankarju tiegħu).

Bħala regola ġenerali, il-manteniment jitħallas fi flus bil-quddiem fix-xahar, sakemm ma jkunx miftiehem jew stipulat mod ieħor. Bħala eċċezzjoni, il-manteniment jista' jiġi ordnat li jitħallas f'somma waħda, jew imħallas fil-forma ta' assi mobbli jew immobbli.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Parti li għandha dritt għall-manteniment jew, fejn jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali tal-Finlandja (Kela) (ara t-Taqsima 12) għandhom id-dritt jieħdu miżuri biex jiksbu l-ħlas tal-manteniment, jekk il-parti bl-obbligu tal-ħlas ma tħallasx il-manteniment ordnat minn qorti jew imniżżel fi ftehim.

Parti li għandha dritt għall-manteniment tista' titlob lill-bailiff sabiex jeżegwixxi l-ftehim jew deċiżjoni dwar il-manteniment, kif previst fl-Att ta' Eżekuzzjoni (Finlandiż). Id-dipartiment tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali jista' wkoll jagħti parir fi kwistjonijiet dwar il-liġi tal-familja.

Jekk il-konjuġi li jrid iħallas il-manteniment jonqos minn dan l-obbligu bi ksur ta' ftehim approvat mid-dipartiment tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali jew ta' deċiżjoni jew sentenza mogħtija mill-qorti, il-parti li għandha dritt għall-manteniment tista' titlob lill-bailiff biex jeżegwixxi l-ftehim jew id-deċiżjoni / is-sentenza, kif previst fl-Att dwar l-Eżekuzzjoni.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

L-eżekuzzjoni u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-debitur

Meta każ jiġi riferut lil aġenzija tal-infurzar, id-debitur l-ewwel jintbagħt avviż tal-proċedimenti u tfakkira għall-ħlas. Normalment, id-debitur irid jingħata ċ-ċans li jħallas wara li jkun irċieva t-tfakkira.

Jekk id-debitur ma jħallasx wara li jkun irċieva t-tfakkira jew minn rajh ma jikkuntattjax lill-aġenzija ta' infurzar dwar il-ħlas, l-aġenzija tibda investigazzjoni dwar l-introjtu u l-assi tad-debitur billi tikkonsulta d-dejta reġistrata.

Il-miżuri meħuda sabiex issir investigazzjoni fl-introjtu u l-assi tad-debitur u kull investigazzjoni sussegwenti oħra huma regolati b'mod strett.

F'bosta każijiet, jinqabdu l-introjtu u l-fondi fil-kontijiet bankarji tad-debitur. B'mod ġenerali, jistgħu jiġu sekwestrati terz tas-salarju tad-debitur, il-benefiċċju tal-qgħad jew tal-maternità. Il-bonus tal-vaganzi, il-benefiċċji soċjali, il-kummissjonijiet, it-tariffi, l-onorarji u l-għotjiet ta' ħlas oħra wkoll jgħoddu bħala introjtu. L-ammont sekwestrat jiġi kkalkulat mill-introjtu nett. Il-pagamenti tal-għajnuna u l-protezzjoni soċjali bħall-akkomodoazzjoni u l-benefiċċji tat-tfal mhumiex eliġibbli. Bħala alternattiva għal qbid tal-introjtu fuq bażi perjodika, jista' jsir ftehim dwar pjan ta' ħlas.

Il-miżuri ta' eżekuzzjoni u l-pjanijiet ta' ħlas dejjem iqisu l-porzjoni tal-assi tad-debitur li huma protetti mil-liġi: fi kliem ieħor, is-somma li tibqa' f'idejh li tippermettilu jgħix. Din il-porzjoni protetta ġiet riveduta biex taqbel mal-Indiċi Nazzjonali tal-Pensjonijiet. Il-porzjonijiet protetti miftiehma b'eżempji ta' każijiet jinsabu wkoll hawnhekk: https://oikeus.fi/ulosotto/en/index/velallisenaulosotossa/palkanulosmittaus.html

Id-debitur għandu dritt ta’ appell, għalkemm il-proċess ta' rkupru tad-dejn ma jieqafx sakemm il-qorti ma tordnax hekk b'mod separat.

Il-preskrizzjoni rigward manteniment dovut

L-Artikolu 16(c) tal-Att dwar il-Manteniment tat-Tfal jgħid illi l-manteniment imħallas perjodikament u l-interessi fuq l-arretrati ikkalkulati għalih iridu jiġi rkuprati mill-parti bl-obbligu li tħallas il-manteniment fi żmien ħames snin mill-bidu tas-sena wara dik li fih isir dovut il-pagament. Inkella, id-dritt għall-ħlas jintilef. Il-manteniment li jitħallas bħala somma f'daqqa u l-interessi fuq l-arretrati min-naħa l-oħra jridu jiġu rkuprati fi żmien ħames snin minn meta jsiru dovuti u sa massimu ta' ħames snin wara li l-benefiċjarju tal-manteniment ikun sar adult.

Bl-istess mod, l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali jrid jirkupra l-manteniment tat-tfal li jħallas mill-parti bl-obbligu tal-manteniment fi żmien ħames snin mill-bidu tas-sena ta' wara dik li fiha jsir dovut il-manteniment li għalih tħallas il-benefiċċju. Inkella d-dritt għall-ħlas jintilef (l-Att dwar il-Benefiċċju ta' Manteniment għat-Tfal 580/2008, l-Artikolu 22).

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Jekk il-parti li għandha obbligu tħallas il-manteniment ma tħallsux kif miftiehem, il-parti intitolata għall-manteniment trid titlob lill-bailiff biex jirkupra s-somma dovuta. L-aġenzija ta' eżekuzzjoni tagħti parir dwar kif għandha ssir din it-talba. Id-dipartiment tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali jista' wkoll jagħti parir fi kwistjonijiet dwar il-liġi tal-familja. Ara t-taqsimiet 13 u 14. Aġenzja tal-eżekuzzjoni ma titlobx ħlas għall-irkupru tal-manteniment. Għal aktar dettalji dwar il-proċedura ara hawnhekk: https://oikeus.fi/ulosotto/en/index.html

Jekk il-parti li għandha dritt għall-manteniment tirċievi l-manteniment tat-tfal mingħand l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali tal-Finlandja (Kela) minħabba li l-persuna li trid tħallsu ma ħallsitux, il-persuna li għandha dritt għalih ma tistax wara tieħu miżuri biex tirkupra l-manteniment. Jekk il-Kela jħallas il-manteniment tat-tfal, huwa jassumi d-dritt għall-manteniment, li huwa ekwivalenti għall-porzjoni li huwa ħallas f'manteniment tat-tfal (dritt ta’ rimedju) (l-Att dwar il-Manteniment tat-Tfal 580/2008, Artikolu 19). Jekk il-manteniment miftiehem huwa somma akbar mill-benefiċċju għat-tfal imħallas mill-Kela, u l-parti li għandha l-obbligu tħallas il-manteniment ma tħallsux, il-Kela tħallas il-benefiċċju sħiħ tat-tfal u tirkupra s-somma dovuta kollha mill-parti obbligata. Jekk ir-riżultat ikun b'suċċess, il-Kela tħallas id-differenza bejn il-manteniment u l-benefiċċju tat-tfal lill-ġenitur li għandu l-kustodja tat-tfal wara l-irkupru tad-dejn.

Fil-każijiet transfruntiera ta' rkupru ta' pagamenti ta’ manteniment, il-partijiet konċernati jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-Ministeru tal-Ġustizzja fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità ċentrali.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Jekk il-parti bl-obbligu li tħallas il-manteniment ma tħallsux bi ksur ta' ftehim ta' manteniment jew deċiżjoni rigward tfal li jgħixu l-Finlandja, it-tfal għandhom dritt jirċievi l-benefiċċju tat-tfal mill-Istitut tas-Sigurtà Soċjali tal-Finlandja (Kela). L-informazzjoni dwar l-ammont ta' benefiċċju tat-tfal imħallas mill-Kela hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha: http://www.kela.fi/elatustuki ((l-Att dwar il-Kollegament ta’ Ċerti Pagamenti ta’ Manteniment mal-Indiċi tal-Għoli tal-Ħajja (583/2008))

Il-benefiċċju tat-tfal jista' jinkiseb ukoll jekk ikun ġie stabbilit skont ftehim dwar il-manteniment jew f'deċiżjoni f'ammont iżgħar minn dak stabbilit attwalment, minħabba l-qagħda finanzjarja ħażina min-naħa tal-konjuġi li jrid iħallas il-manteniment. F'dawn il-każijiet, il-Kela jħallas id-differenza bejn il-benefiċċju tat-tfal u l-manteniment. Barra minn hekk, it-tfal jirċievu l-benefiċċju speċifikat fil-ftehim ta' manteniment jew deċiżjoni mingħand id-debitur. Jekk il-parti li trid tħallas il-manteniment ma tistax tħallsu, is-somma konċernata tista' tingħata valur ta' EUR 0. F'dawn il-każijiet, il-Kela tħallas il-benefiċċju tat-tfal kollhu.

L-Att dwar il-Manteniment tat-Tfal (580/2008) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti li jirregolaw il-ħlas tal-manteniment tat-tfal. Il-manteniment tat-tfal jingħata fuq talba mit-tutur jew rappreżentant legali tat-tfal, jew xi ħadd li għandu l-kura in bona fide tat-tfal. It-tfal li għalqu 15-il sena jistgħu japplikaw ukoll jekk jgħixu għal rashom. Il-ħlas tal-manteniment tat-tfal ma jbiddel xejn mill-obbligu tal-parti li trid tħallsu bi sħiħ. Meta l-Kela jiddeċiedi li jħallas il-benefiċċju tat-tfal minħabba li ma tħallasx, huwa għandu d-dritt - u huwa obbligat- jirkupra l-pagamenti dovuti kollha mill-parti konċernata.

Konjuġi li għandu dritt għall-manteniment jista' jirċievi l-manteniment tat-tfal biss mill-konjuġi tiegħu.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità ċentrali fil-Finlandja rigward l-arranġamenti internazzjonali għall-irkupru tal-manteniment (ara, pereżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Manteniment għat-Tfal u Forom Oħra ta' Manteniment tal-Familja). L-awtorità ċentrali għandha dmir tilqa' l-applikazzjonijiet għall-manteniment, tressaqhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti u tiftaħ proċedimenti marbuta mal-applikazzjonijiet.

Jekk il-parti bl-obbligu li tħallas il-manteniment tirrisjedi f'pajjiż li għandu fis-seħħ arranġamenti internazzjonali għall-irkupru tal-manteniment, l-applikant jista' jikkuntattja lill-Ministeru tal-Ġustizzja dwar l-irkupru tal-manteniment f'dak il-pajjiż barrani. Jekk ikun meħtieġ, l-applikanti huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-uffiċji lokali tal-għajnuna legali tagħhom jew avukat (pereżempju dwar kif għandhom ilestu d-dokumenti tal-applikazzjoni). Id-dipartiment tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali jista' wkoll jagħti parir fi kwistjonijiet dwar il-liġi tal-familja.

Jekk il-parti li għandha dritt għall-manteniment qiegħda titħallas il-benefiċċju tat-tfal mill-Istitut tas-Sigurtà Soċjali tal-Finlandja (Kela) għaliex il-manteniment ma tħallasx, il-Kela jassumi d-dritt għall-benefiċċju tat-tfal, ekwivalenti għall-porzjon li ħallas f'benefiċċju tat-tfal (dritt ta’ rikors) (l-Att dwar il-Manteniment tat-Tfal 580/2008, Artikolu 19). F'dan il-każ, il-Kela jirkupra l-pagamenti taż manteniment dovuti f'isem il-parti li għandha dritt għalihom, u li f'dawn iċ-ċirkostanzi ma tistax tieħu azzjoni biex tirkupra d-dejn. Jekk l-ammont ta' manteniment miftiehem huwa akbar mill-benefiċċju mħallas mill-Kela, il-Kela jħallas il-manteniment tat-tfal kollhu u jirkupra s-somma dovuta mill-parti bl-obbligu li tħallas il-manteniment. Jekk ir-riżultat ikun b'suċċess, il-Kela tħallas id-differenza bejn il-manteniment u l-benefiċċju tat-tfal lill-ġenitur li għandu l-kustodja tat-tfal wara l-irkupru tad-dejn.

Konjuġi li għandu dritt għall-manteniment jista' jirċievi l-manteniment tat-tfal biss mill-konjuġi tiegħu. Konjuġi li għandu dritt għall-manteniment jista' jirċievi l-manteniment tat-tfal biss mill-konjuġi tiegħu. Huwa jista' jikkuntattja lill-bailiff u jipprova jara jekk il-konjuġi li jgħix barra l-pajjiż għandux assi l-Finlandja li jistgħu jinqabdu taħt l-Att dwar l-Eżekuzzjoni. Huwa jista' jitlob lill-Ministeru tal-Ġustizzja għall-għajnuna fl-irkupru tal-manteniment minn barra.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Id-dettalji ta' kuntatt tal-Ministeru tal-Ġustizzja (l-awtorità ċentrali) huma:

L-indirizz: Ministry of Justice
PO BOX 25,
00023 Government

Telefown: +358 29516001
Faks: +358 9 1606 7524
posta elettronika: maintenance.ca@om.fi

Is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja jinsab hawnhekk: https://oikeusministerio.fi

Id-dettalji ta' kuntatt tal-Istitut tas-Sigurtà Soċjali tal-Finlandja (Kela) huma:
L-indirizz: Kansaneläkelaitos,
Perintäkeskus 
PO BOX 50,
00601 Helsinki

Telefown: +358 20 634 4940 (individwi), +358 20 634 4942 (awtoritajiet) 
Faks +358 20 635 3330

Indirizz tal-posta elettronika: maintenance@kela.fi

Is-sit elettroniku tal-Kela jinsab hawnhekk: https://www.kela.fi/web/en

Is-siti elettroniċi tal-uffiċċji tal-għajnuna legali jinsabu hawnhekk: https://oikeus.fi/oikeusapu/en/index/yhteystiedot.html

Id-dettalji ta' kuntatt tad-dipartimenti tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali jinsabu fid-direttorju tat-telefown jew permezz ta' telefonata lis-servizzi ta' tagħrif tad-direttorju Finlandiż. Meta ssir it-telefonata, wieħed għandu jispeċifika liema dipartiment tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali għandu bżonn. Il-Finlandja għandha madwar 320 awtorità lokali (muniċipalitajiet).

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Applikant f'pajjiż ieħor jinqeda l-aħjar jekk jikkuntattja l-awtorità ċentrali kompetenti ta' dak il-pajjiż, li mbagħad tikkuntattja l-Ministeru tal-Ġustizzja Finlandiż. (Ara t-taqsimiet 13, 14 u 15).

Applikant jista' wkoll jikkuntattja lill-awtoritajiet Finlandiżi direttament.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara t-tweġibiet għall-mistoqsija numru 15.

Jekk il-parti li għandha dritt għall-manteniment (kemm jekk minuri jew konjuġi) u l-parti bl-obbligu li tħallas il-manteniment jgħixu f'pajjiżi separati, il-Ministeru tal-Ġustizzja jista' jassisti lill kull wieħed minnhom fil-kwistjoni kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż barrani. L-applikant (il-minuri jew konjuġi eliġibbli) jista' jitlob lill-Ministeru sabiex jiżgura illi sentenza, deċiżjoni jew ftehim approvat dwar il-manteniment mogħti/magħmul f'pajjiż barrani jiġi eżegwit fil-Finlandja u li l-manteniment miksub permezz ta' din l-eżekuzzjoni jitħallas f'kont bankarju speċifikat mill-parti eliġibbli. Il-Ministeru tal-Ġustizzja madankollu ma jistax iħallas il-manteniment hu f'isem id-debitur.

Bis-saħħa ta' diversi arranġamenti internazzjonali fis-seħħ, il-funzjonijiet tal-Ministeru tal-Ġustizzja, bħala l-awtorità ċentrali, jinkludu, pereżempju, l-assistenza sabiex jiġi magħruf fejn jinsab id-debitur jew il-kreditur, il-kisba ta' informazzjoni dwar l-introjtu tad-debitur jew kreditur, u l-kwistjoni tal-paternità, jekk meħtieġ fl-irkupru tal-manteniment.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

---

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja jew persuna awtorizzata minnhu, permezz tal-funzjonijiet ta' awtorità ċentrali fi ħdan il-qafas tad-diversi arranġamenti internazzjonali fis-seħħ, jirrapreżenta l-applikant quddiem qorti jew awtorità oħra fil-Finlandja, l-applikant jingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali, minkejja d-dispożizzjonijiet dwar il-pre rekwiżiti għall-għajnuna legali stabbiliti fil-liġi.

Dan japplika għal kwistjonijiet li jikkonċernaw:

  1. dikjarazzjoni illi d-deċiżjoni dwar il-manteniment mogħti fi stat barrani trid tiġi rikonoxxuta jew eżegwita fil-Finlandja;
  2. ir-rikonoxximent tal-paternità;
  3. l-ordni lil ġenitur biex iħallas il-manteniment lit-tfal tiegħu;
  4. bidla fl-ammont tal-manteniment tat-tfal jekk l-applikant huwa minuri jew ir-rappreżentant tal-minuri.

Dak li huwa stabbilit fil-paragrafi 2-4, madankollu, japplika biss jekk il-minuri huwa taħt il-21 sena meta jinfteħu l-proċedimenti.

Jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja jew persuna awtorizzata minnu, permezz tal-funzjonijiet ta' awtorità ċentrali fi ħdan il-qafas tad-diversi arranġamenti internazzjonali fis-seħħ, jirrapreżenta l-applikant fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' manteniment, l-applikant mhux responsabbli għall-ispejjeż tal-eżekuzzjoni.

F'xi każijiet, l-applikant jista' jitlob l-għajnuna legali. L-għajnuna legali tfisser illi l-applikant jista' jikseb is-servizzi ta' avukat biex isolvi kwistjoni legali finanzjati kolha jew parzjalment mill-Istat. L-għajnuna legali tkopri l-kwistjonijiet legali kollha. B'mod ġenerali, tingħata biss għal kawżi li jinstemgħu fil-Finlandja biss. Tista' tapplika wkoll fi kwalunkwe Uffiċċju Pubblika tal-Għajnuna Legali, irrispettivament minn fejn jgħix l-applikant. L-aktar mod prattiku huwa li tapplika fl-eqreb uffiċċju. L-applikanti jridu jippreżentaw id-dettalji dwar l-introjtu tagħhom, l-ispejjeż mitluba, u l-assi u d-dejn. Trid issir ukoll deskrizzjoni tal-każ li għalih qiegħda tintalab l-għajnuna legali u d-dettalji tal-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali tal-applikant. Għal aktar informazzjoni ara: https://oikeus.fi/oikeusapu/en/index.html

L-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni tal-Finlandja ma jżommux flus għall-eżekuzzjoni tal-manteniment.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa maħtur tal-awtorità ċentrali, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament. Hemm ukoll leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-funzjonijiet tiegħu fl-Att dwar l-Awtorità Ċentrali fil-Finlandja dwar Ċerti Kwistjonijiet Internazzjonali Marbuta mal-Manteniment (1076/2010).

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 15/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.