Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Manteniment tal-familja

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi? Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Skont il-Kostituzzjoni Estonjana (põhiseadus), l-obbligu ta’ manteniment huwa d-dmir tal-familja biex tipprovdi għall-membri tagħha fil-bżonn.

Il-benefiċċju tal-manteniment huwa ammont li jrid jitħallas bħala manteniment, ġeneralment mibgħut kull tant żmien fil-forma ta’ flus. Fuq talba tal-persuna intitolata, f’xi każijiet il-qorti tista’ tordna illi l-manteniment jitħallas fil-forma ta’ somma waħda f’daqqa. Persuna ordnata tħallas il-manteniment ta’ wild minuri tista’, jekk ikun hemm raġuni valida, titlob sabiex tipprovdi l-manteniment b’mod ieħor mhux fi flus.

Ġeneralment, l-obbligu tal-ħlas ta’ manteniment lil persuna fil-bżonn huwa tal-axxendenti u d-dixxendenti tagħha fl-ewwel grad – fi kliem ieħor, wild adult u ġenitur huma marbuta reċiprokament biex jipprovdu għal xulxin. L-axxendenti tat-tieni grad ta’ persuna għandhom obbligu ta’ manteniment lejn id-dixxendenti minuri tagħhom. Il-konjuġi wkoll huma marbuta biex imantnu reċiprokament lill-familja tagħhom bix-xogħol u l-propjetà tagħhom, li jinkludi l-attivitajiet li jsiru biex ikopru l-ispejjeż ta’ unità domestika konġunta u l-bżonnijiet ordinarji u straordinarji tal-konjuġi u tat-tfal tagħhom. L-obbligu tal-ħlas tal-manteniment lil persuna fil-bżonn jista’ jiġi estiż għal konjuġi divorzjat jew lil persuna li ma kinitx miżżewġa mad-debitur tal-manteniment iżda li flimkien kellhom it-tfal.

Il-manteniment jitħallas fil-forma ta’ somma mill-ġenitur ta’ wild minuri, speċjalment jekk dak il-ġenitur ma jgħixx mal-wild minuri jew ma jkunx involut fit-trobbija tiegħu. Il-konjuġi divorzjat tal-persuna fil-bżonn irid iħallas il-manteniment jekk, wara d-divorzju u minħabba r-responsabbiltà tal-kura ta’ wild minuri, dik il-persuna ma tkunx kapaċi tipprovdi għaliha nfisha jew jekk ikollha bżonn l-għajnuna minħabba l-età jew kundizzjoni tas-saħħa. Persuna li kellha tarbija ma’ persuna li jkollha bżonn l-għajnuna trid tħallas manteniment għal 8 ġimgħat qabel it-twelid tat-tarbija u għal 12-il ġimgħa wara u suċċessivament ukoll, jekk il-persuna jkollha bżonn l-għajnuna minħabba xi problema ta’ saħħa li ġarrbet fit-tqala, fit-twelid jew fit-trobbija tat-tarbija.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-età maġġuri hija 18-il sena, u persuna taħt it-18-il sena hija minuri. Wild minuri għandu dritt jibbenefika mill-manteniment, u huma prinċipalment il-ġenituri tal-wild minuri li jġorru responsabbiltà indaqs li jmantnuhom. Wild minuri li jkun għalaq it-18-il sena u li jibqa’ jistudja l-kurrikulu ta’ skola primarja jew sekondarja fi skola primarja, skola sekondarja ogħla jew f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni vokazzjonali jew ikun qiegħed isegwi kors ta’ edukazzjoni għolja l-università wkoll għandu dritt għall-manteniment, iżda biss sakemm jagħlaq 21 sena. Il-bażi għall-kalkolu tal-manteniment għall-minuri hija differenti minn dik għall-ulied adulti. Meta jiġi kkalkulat il-manteniment għal ulied adulti, il-firxa tal-manteniment tiġi ddeterminata abbażi tal-ħtiġijiet tal-persuna intitolata u l-istil ta’ ħajja normali, iżda huwa preżunt li l-adulti huma kapaċi li jaqilgħu tal-inqas parti mill-manteniment tagħhom huma stess. Persuna ssir intitolata li titlob manteniment biss jekk, wara li tkun laħqet l-età maġġuri, ma jkollhiex il-mezzi biex issostni ruħha u, minħabba studji jew kwalunkwe raġuni valida oħra, ma tistax tkun mistennija tikseb introjtu biex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha.

L-ulied adulti jridu jerġgħu jidhru quddiem il-qorti b’mod indipendenti jekk ikunu jixtiequ jibqgħu jirċievu l-benefiċċju wara li jkunu laħqu l-età maġġuri u jekk l-obbligu għall-ħlas tal-benefiċċju jkun ġie tterminat minħabba sentenza preċedenti tal-qorti.

L-axxendenti jew dixxendenti l-oħra li ma jkunux kapaċi jmantnu lilhom infushom ikollhom dritt jirċievu l-manteniment jekk jiġi determinat illi jkollhom bżonn l-għajnuna.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Il-ġenitur ta’ wild minuri jista’ jintalab iħallas il-manteniment. Jekk il-ġenitur ma jħallasx volontarjament il-manteniment, jista’ jsir rikors lill-qorti għal ħlas tal-manteniment. Biex jintalab il-manteniment, irid isir rikors għall-proċedura mħaffa f’materji ta’ ordni ta’ ħlas ta’ manteniment għal wild (maksekäsu kiirmenetluse avaldus lapse elatisnõudes) jew rikors (hagiavaldus) (kawża għall-manteniment (elatishagi)) lill-qorti. Ma titħallas l-ebda tariffa lill-Istat għal dawn il-miżuri meta ssir talba għal manteniment ta’ wild minuri.

Il-proċedura mħaffa f’materji relatati ma’ ordni ta’ ħlas hija proċedura simplifikata fejn il-ħlas tal-manteniment jista’ jiġi ordnat biss jekk jintalab għal wild minuri, isem il-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment jidher fuq iċ-ċertifikat tat-twelid, il-manteniment ma jaqbiżx darba u nofs ir-rata minima ta’ manteniment (ara t-tweġiba 8) fix-xahar u l-ġenitur l-ieħor ma jikkontestax il-ħlas tal-manteniment. Jekk il-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas ma jiġux issodisfati, irid isir rikors quddiem il-qorti tal-kontea (maakohus) tar-residenza tal-wild minuri biex jinkiseb il-manteniment.

Għal aktar dettalji dwar il-proċedura mħaffa għal ordni ta’ ħlas f’talba għall-manteniment għat-tfal ara hawnhekk. Il-formola tar-rikors għall-ħlas tal-manteniment ta’ wild minuri hija disponibbli hawnhekk.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

It-tfal minuri għandhom dritt jirċievu l-manteniment. Minħabba li l-minuri għandhom kapaċità ġuridika limitata, huwa r-rappreżentant legali tal-minuri – il-ġenitur li jkollu l-kustodja – li jressaq ir-rikors quddiem il-qorti f’isem il-wild minuri. Jekk ikun inħatar tutur għall-wild minuri, il-kawża ssir mit-tutur tal-wild fil-kapaċità tiegħu ta’ rappreżentant legali tal-wild minuri.

Adult li jkollu kapaċità ġuridika sħiħa jiftaħ kawża għall-manteniment b’mod indipendenti.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Rikors lill-qorti biex tordna lil ġenitur iħallas il-manteniment għal wild minuri jitqies bħala materja ta’ manteniment. F’materja ta’ manteniment, ir-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-kontea tar-residenza tal-wild minuri. Jekk il-wild minuri ma jkunx jgħix l-Estonja, ir-rikors isir skont fejn ikun residenti l-intimat. Jekk l-intimat ma jkunx għex l-Estonja, ir-rikors isir skont fejn ikun residenti r-rikorrent.

Il-manteniment jista’ jintalab ukoll skont il-proċedura mħaffa f’materji relatati ma’ ordni ta’ ħlas (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 3).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Biex jintalab il-manteniment għal wild minuri quddiem il-qorti jeħtieġ li tinfetaħ kawża li madankollu mhux bilfors tkun teħtieġ għajnuna legali professjonali jew is-servizzi ta’ intermedjarju. Il-qorti tordna l-ħlas tal-manteniment mid-data tal-preżentata tal-kawża, iżda hija tista’ wkoll, abbażi tal-kawża, tordna li l-manteniment jitħallas retroattivament sa massimu ta’ sena qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-kawża.

Il-formola tar-rikors għall-ħlas tal-manteniment ta’ wild minuri hija disponibbli hawnhekk.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Ma trid titħallas l-ebda tariffa tal-Istat għal kawża mressqa għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu tal-manteniment fir-rigward ta’ tifel minuri jew għar-rieżami ta’ rikors għall-proċedura mħaffa f’materji ta’ ordni ta’ ħlas f’talba għall-manteniment ta’ wild minuri.

Tista’ tintalab l-għajnuna legali jew proċedurali biex tkopri l-ispejjeż tal-proċedura.

Fil-każ tal-għajnuna legali, jitqabbad avukat għar-rikorrent mill-Kamra tal-Avukati tal-Estonja (Eesti Advokatuur). Ir-rwol tal-avukat huwa li jirrappreżenta u jagħti parir lill-persuna fil-proċedimenti. L-għajnuna legali hija disponibbli għal persuni li minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom ma jkunux jistgħu jħallsu għas-servizzi ta’ avukat fiż-żmien meta jkollhom bżonn l-għajnuna legali jew ikunu jistgħu jħallsu biss parzjalment jew bin-nifs, jew għal persuni f’qagħda finanzjarja li tagħmilha impossibbli li jgħixu b’li jkun fadlilhom wara li jkunu ħallsu għas-servizzi legali. L-għoti tal-għajnuna legali ma jeħlisx lill-persuna benefiċjarja mill-ħlas tal-ispejjeż proċedurali l-oħra.

Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-għajnuna legali mill-istat hija disponibbli hawnhekk.

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż proċedurali jistgħu jsiru minn persuni li ma jistgħux iħallsu dawk l-ispejjeż minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom jew minn dawk li jistgħu jħallsuhom biss parzjalment jew bin-nifs. Irid ikun hemm raġuni tajba li tagħti x’taħseb illi l-parteċipazzjoni pjanata fil-proċedimenti se tirnexxi.

Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna proċedurali għal persuna fiżika u l-avviż dwar il-qagħda personali u finanzjarja tal-applikant u tal-membri tal-familja tiegħu hija disponibbli hawnhekk.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-qorti tista’ tordna illi jitħallas ammont fiss jew varjabbli bħala manteniment lil wild minuri, u tispeċifika l-bażi għall-kalkolu tal-ammont ta’ manteniment. Il-qrati ġeneralment jordnaw illi l-ħlas tal-manteniment isir f’pagamenti fix-xahar.

Sal-aħħar tal-2021, il-manteniment minimu kien jiddependi fuq il-paga minima. Madankollu l-manteniment fix-xahar għal tifel wieħed ma jistax ikun inqas min nofs il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern tar-Repubblika (l-ammont ta’ manteniment minimu għalhekk kien ta’ EUR 250 għal kull tifel fl-2018, EUR 270 fl-2019 u EUR 292 fl-2020 u fl-2021).

Mill-1 ta’ Jannar 2022, l-ammont ta’ manteniment minimu ma għadux jiddependi fuq il-paga minima fis-seħħ. L-ammont ta’ manteniment jiġi ddeterminat mill-qorti skont il-ħtiġijiet tal-wild minuri, il-kapaċità finanzjarja tal-ġenituri, kwalunkwe benefiċċju li jirċievu, u n-numru ta’ ulied minuri li huma parti mill-familja. L-ammont użat bħala bażi huwa nofs l-ispiża medja ta’ manteniment fix-xahar ta’ wild (l-ammont bażi tal-manteniment huwa ta’ EUR 209.20, li huwa aġġustat fl-1 ta’ April ta’ kull sena fid-dawl tal-bidla fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur fuq is-sena ta’ qabel).

L-ammont tal-manteniment jiġi ddeterminat billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi li ġejjin: L-introjtu tal-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment. Bħala regola, 3 % tal-paga grossa medja ta’ xahar fl-Estonja għas-sena kalendarja preċedenti tiġi miżjuda mal-ammont bażi. L-ammont li jrid jiżdied jiġi kkalkolat mill-ġdid fl-1 ta’ April ta’ kull sena. In-numru ta’ tfal li jirċievu manteniment fl-istess familja. Meta wieħed iqis il-fatt li t-trobbija ta’ diversi tfal f’daqqa tista’ tirriżulta fi ffrankar żgħir tal-ispejjeż (l-użu mill-ġdid ta’ għamara, ħwejjeġ, ġugarelli, eċċ.), l-ammont ta’ manteniment, sa mit-tieni wild, huwa 15 % inqas mill-ammont ta’ manteniment għall-ewwel wild. L-ammont tal-manteniment ma jitnaqqasx f’każ ta’ wlied minn twelid multiplu jew fil-każ ta’ tfal li jkollhom aktar minn tliet snin bejniethom.

Benefiċċji tal-familja. Il-benefiċċji tat-tfal u, f’konformità mal-verżjoni tal-Att dwar il-Liġi tal-Familja (perekonnaseadus) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2023, nofs l-allowance għall-familji b’ħafna tfal jitqiesu meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-manteniment. Jekk dawn il-benefiċċji tirċevihom il-persuna li titlob il-manteniment, nofs il-benefiċċju jitnaqqas mill-ammont ta’ manteniment għal kull wild. Madankollu, jekk dawn il-benefiċċji tirċevihom il-persuna li tħallas il-manteniment, dan l-ammont jiżdied mal-manteniment. Meta tinħareġ l-ordni ta’ manteniment, il-benefiċċju għall-familji b’ħafna tfal jiġi kkalkulat ukoll f’konformità mal-emenda, anke jekk ma jitħallasx biss għat-tfal komuni tal-istess koppja. Għalhekk, fil-każ ta’ familja mħallta b’żewġt itfal minn relazzjoni preċedenti u ġenitur ikollu iktar tfal mir-relazzjoni l-ġdida, u b’riżultat ta’ hekk il-familja ssir intitolata li tirċievi benefiċċju għall-familji b’ħafna tfal, nofs dak il-benefiċċju jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-manteniment. Dan jinqasam b’mod ugwali bejn il-ġenitur li jitlob il-manteniment u l-ġenitur li jħallas il-manteniment u jkompli jinqasam bin-numru totali ta’ tfal fil-familja li l-familja titħallas il-benefiċċju għall-familji b’ħafna tfal għalihom.

Residenza kondiviża mal-wild minuri. Jekk wild minuri joqgħod mal-ġenitur li jħallas il-manteniment għal mill-inqas medja ta’ seba’ perjodi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kull xahar f’sena, l-ammont tal-manteniment jitnaqqas b’mod proporzjonat għaż-żmien mgħoddi mal-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment. Għalhekk, jekk il-wild joqgħod ma’ kull ġenitur għal perjodu ugwali ta’ żmien, il-manteniment jista’ jintalab biss fuq il-bażi tal-akbar bżonnijiet tal-wild, differenza sinifikanti fl-introjtu tal-ġenituri jew distribuzzjoni mhux ugwali bejn il-ġenituri tal-ispejjeż relatati mal-wild.

Informazzjoni aktar dettaljata u kalkolatur tal-manteniment huma disponibbli hawnhekk.

L-ammonti stabbiliti mid-deċiżjonijiet tal-qorti mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2022 ma jonqsux awtomatikament. Jekk, skont deċiżjoni tal-qorti, ġenitur ikun obbligat iħallas manteniment lil wild minuri bir-rata minima attwali jew b’nofs il-paga minima fix-xahar, dak l-ammont ikun “iffriżat” fil-livell tal-2021 (jiġifieri EUR 292 fix-xahar) u, b’konsegwenza ta’ dan, l-ammont ta’ manteniment ma jibqax jiżdied fil-każ ta’ żieda ulterjuri fil-paga minima.

Jekk, skont deċiżjoni tal-qorti mogħtija qabel l-1 ta’ Frar 2023, ġenitur ikun obbligat iħallas ammont varjabbli ta’ manteniment lil wild minuri u l-ammont ta’ manteniment jiddependi fuq varjazzjonijiet fl-ammont tal-benefiċċju għall-familji b’ħafna tfal, l-ammont ta’ manteniment iddeterminat abbażi tad-deċiżjoni tal-qorti jiġi kkalkulat abbażi tal-Artikolu 101(5) tal-verżjoni tal-Att dwar il-Liġi tal-Familja fis-seħħ mill-1 ta’ Frar 2023.

Qorti tista’ żżid u, jekk ikun hemm raġuni valida biex tagħmel hekk, tnaqqas ukoll l-ammont tal-manteniment minimu. Il-manteniment minimu kkalkolat permezz ta’ formula stabbilita fil-liġi jista’ jiżdied abbażi ta’:

  • il-ħtiġijiet attwali tal-wild minuri;
  • l-introjtu ta’ kull ġenitur;
  • id-distribuzzjoni attwali tal-ispejjeż relatati mat-tfal bejn il-ġenituri.

Jekk l-introjtu tal-ġenitur obbligat ikun ogħla mill-medja, l-ammont bażi tal-manteniment jista’ jiżdied, pereżempju, bi 3 % tal-introjtu attwali tal-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment minflok tal-paga grossa medja fix-xahar. Il-manteniment jista’ jitnaqqas biss għal raġuni valida. Raġunijiet validi jistgħu jinkludu l-inkapaċità ta’ ġenitur li jaħdem jew sitwazzjoni fejn ġenitur ikollu wild ieħor li jkun finanzjarjament inqas sigur mill-wild li jirċievi l-manteniment jekk jiġi ordnat manteniment minimu.

Jekk issir bidla fl-ammont ta’ manteniment, din ġeneralment issir effettiva biss minn meta tittieħed id-deċiżjoni, jiġifieri l-arretrati tal-manteniment pendenti ma jistgħux jinbidlu.

Il-persuna obbligata tista’, jekk ikun hemm raġuni valida, titlob li tipprovdi l-manteniment b’mezz ieħor. Il-ġenituri jistgħu jiftehmu b’mod kunsenswali fuq arranġament dettaljat dwar kif għandu jingħata l-manteniment lil wild minuri, u kif u kull meta għandu jingħata l-manteniment.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

B’mod ġenerali, il-manteniment jitħallas bħala somma ta’ flus fix-xahar. Il-persuna obbligata tħallas il-manteniment fir-rigward ta’ wild minuri tista’, jekk ikun hemm raġuni valida, titlob li titħalla tipprovdi manteniment b’xi mod ieħor. Il-manteniment jitħallas fil-forma ta’ somma mill-ġenitur ta’ wild minuri, speċjalment jekk dak il-ġenitur ma jgħixx mal-wild minuri jew ma jkunx involut fit-trobbija tiegħu. Il-manteniment jitħallas bil-quddiem għal kull xahar kalendarju. Għalkemm ir-riċevitur tal-manteniment ikun il-wild minuri, il-manteniment ġeneralment irid jitħallas lill-ġenitur l-ieħor. Il-manteniment jista’ jitħallas direttament lill-wild jekk il-ġenituri jkunu qablu dwar dan jew ikun hemm deċiżjoni tal-qorti għal dan il-għan.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk sentenza tal-qorti li tordna l-manteniment tkun daħlet fis-seħħ jew tkun soġġetta għal eżekuzzjoni immedjata iżda l-ġenitur l-ieħor ma josservahiex, għandu jiġi kkuntattjat uffiċjal ġudizzjarju. Jekk id-debitur ma jagħmilx il-pagamenti indikati fis-sentenza fiż-żmien meħtieġ, l-uffiċjal ġudizzjarju, abbażi ta’ talba mill-persuna li tkun ħadet miżuri biex tiftaħ il-kawża, jagħmel arranġamenti biex jibda l-qbid tal-assi tad-debitur. Għall-qbid tal-assi tad-debitur, l-uffiċjal ġudizzjarju jrid jirċievi s-sentenza tal-qorti flimkien mar-rikors għall-eżekuzzjoni. Għandha tingħata informazzjoni dwar id-debitur u l-assi tiegħu (residenza, dettalji ta’ kuntatt, informazzjoni dwar l-assi) fir-rikors għall-eżekuzzjoni. Jekk ir-rikorrent ikun jixtieq li l-uffiċjal ġudizzjarju juża’ l-mezzi kollha previsti mil-liġi għall-ġbir tad-dejn, għandu jitniżżel fir-rikors għall-eżekuzzjoni illi r-rikorrent qiegħed jagħmel talba għall-ħlas fuq il-propjetà immobbli reġistrata tad-debitur, il-propjetà mobbli u t-titoli. Fi proċedimenti ta’ infurzar, il-manteniment tat-tfal għandu prijorità fuq talbiet oħra, u sabiex tiġi ssodisfata talba għal manteniment, huwa possibbli li jiġu ssekwestrati assi f’ammonti akbar u li, b’deċiżjoni tal-qorti d-drittijiet li ġejjin u l-validità tal-awtorizzazzjonijiet li ġejjin, jiġu sospiżi b’mod indefinit: id-drittijiet tal-kaċċa, id-dritt ta’ sewqan ta’ vetturi bil-magna, permessi għall-armi u permessi għall-akkwist tal-armi, id-dritt ta’ sewqan ta’ opri tal-baħar għar-rikreazzjoni u dgħajjes personali, kards tas-sajd.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Persuna tinħeles minn obbligu ta’ manteniment jekk ma tkunx tista’, minħabba l-obbligi l-oħra tagħha u l-istatus tal-proprjetà tagħhom, tipprovdi manteniment lil persuna oħra mingħajr ma tipperikola l-manteniment abitwali tagħha stess. Minkejja dan, il-ġenituri ma jiġux rilaxxati mill-obbligu ta’ manteniment fir-rigward ta’ uliedhom minuri. Qorti tista’ teħles persuna obbligata (id-debitur) mill-obbligu tal-manteniment, tillimita l-perjodu ta’ żmien għat-twettiq tal-obbligu jew tnaqqas l-ammont ta’ manteniment jekk ma jkunx ġust illi l-persuna tintalab tħallas, jekk pereżempju l-persuna intitolata għall-manteniment ikollha bżonnu minħabba nuqqas ta’ ħsieb fl-aġir tagħha.

Il-kumpens għad-dannu minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment u n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu jista’ jintalab retroattivament għal massimu ta’ sena qabel isir rikors għal manteniment il-qorti. It-terminu għall-ħlas tal-manteniment bħala obbligu huwa ta’ għaxar snin għal kull obbligu individwali. It-terminu jibda fl-aħħar tas-sena kalendarja li fiha tista’ tintalab it-talba korrispondenti mal-obbligu. Obbligu ta’ manteniment huwa obbligu personali li jiskadi mal-mewt tal-persuna intitolata jew obbligata; japplikaw eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ avvanzi u ammonti ta’ kumpens.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Fil-każ ta’ tilwim transfruntier dwar il-manteniment, l-awtorità ċentrali, jiġifieri it-Taqsima tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (rahvusvahelise justiitskoostöö talitus) tad-Dipartiment tal-Politika Kriminali (kriminaalpoliitika osakond) fil-Ministeru għall-Ġustizzja (Justiitsministeerium), tista’ toffri għajnuna.

Għajnuna legali tal-Istat tista’ tintalab mal-preżentata ta’ rikors għall-manteniment il-qorti. M’hemmx organizzazzjonijiet jew awtoritajiet separati li jipprovdu għajnuna f’każ ta’ talbiet domestiċi għall-manteniment.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Mill-1 ta’ Jannar 2017, ġenitur li jkun qiegħed irabbi t-tfal għandu dritt japplika għal benefiċċju ta’ manteniment matul il-proċedimenti ġudizzjarji u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni mill-Istat quddiem il-Bord għas-Sigurtà Soċjali (Sotsiaalkindlustusamet). Dan il-manteniment huwa għajnuna temporanja mill-Istat għall-ġenitur li jkun qed irabbi u jipprovdi għall-wild minuri tiegħu waħdu. L-Istat iħallas il-manteniment minflok il-ġenitur li ma jkunx qed iħallas il-manteniment, imbagħad jirkuprah mingħandu f’data sussegwenti. Sabiex wieħed jirċievi l-manteniment mill-istat huwa jrid jitlob lill-qorti għal ħlas tal-manteniment jew skont il-proċedura mħaffa f’materji ta’ ordni ta’ ħlas jew permezz ta’ rikors.

Il-benefiċċju tal-manteniment jiggarantixxi lill-wild minuri sa EUR 100 fix-xahar.

Aktar informazzjoni dwar it-talba għall-manteniment hija disponibbli hawnhekk.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Għall-manteniment skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tista’ tinkiseb għajnuna mit-Taqsima għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

Għall-manteniment minn pajjiż ieħor, trid issir applikazzjoni lit-Taqsima għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru għall-Ġustizzja Estonjan u lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż l-ieħor. Għandu jiġi mehmuż iċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild/ulied minuri jew is-sentenza tal-qorti li tistabbilixxi l-paternità. Jekk il-paternità ma tkunx ġiet stabbilita, dan għandu jitniżżel fl-applikazzjoni mibgħuta lill-pajjiż l-ieħor.

Il-formola ta’ applikazzjoni hija disponibbli hawnhekk.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

It-Taqsima għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru għall-Ġustizzja Estonjan tista’ tiġi kkuntattjata bit-telefown fuq in-numri +372 6 208 183 u +372 7153443 jew b’email lil central.authority@just.ee u keskasutus@just.ee.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Talba mingħand applikant li jirrisjedi f’pajjiż ieħor tirċievi l-aħjar attenzjoni jekk tiġi kkuntattjata l-awtorità adattata fil-pajjiż ta’ residenza, li mbagħad tikkuntattja lill-awtorità ċentrali fil-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 14.1.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Il-Protokoll ta’ The Hague tal-2007 ġie rratifikat mill-Unjoni Ewropea, li l-Estonja ilha Stat Membru tagħha mill-1 ta’ Mejju 2004.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 16.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

F’kawżi transfruntiera fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw talbiet għall-manteniment, l-għajnuna legali mill-Istat u l-għajnuna proċedurali huma disponibbli skont ir-Regolament. Dan jiżgura li l-persuna tkun irrappreżentata fil-proċedimenti minn xi ħadd b’għarfien espert legali xieraq u li l-persuna jkollha aċċess għall-ġustizzja permezz tal-kopertura tal-ispejjeż proċedurali. Ir-regoli dwar l-għajnuna legali u l-għajnuna proċedurali jindikaw illi għandha tiġi applikata l-liġi nazzjonali sakemm ma jkunx previst mod ieħor mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009.

Fil-prinċipju, l-istess garanziji li japplikaw għal persuni residenti fl-Estonja japplikaw ukoll għal persuni li jgħixu fi Stat Membri oħra tal-Unjoni Ewropea. F’każ ta’ kawżi transfruntiera dwar il-manteniment, huma disponibbli kemm l-għajnuna legali u pariri kif ukoll l-għajnuna legali mill-Istat u l-għajnuna proċedurali mingħand l-awtorità ċentrali, jiġifieri t-Taqsima għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru għall-Ġustizzja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 u, rigward l-oqsma mhux koperti mir-Regolament, skont il-liġi nazzjonali.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Twaqqfet awtorità ċentrali għall-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera – it-Taqsima tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru għall-Ġustizzja. Għalhekk biex jinkiseb il-manteniment skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tista’ tinkiseb għajnuna mit-Taqsima għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru għall-Ġustizzja, li tmexxi l-proċedimenti dwar l-applikazzjonijiet internazzjonali għall-għajnuna legali.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 19/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.