Manteniment tal-familja

Ċipru
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Huma koperti l-obbligi ta' manteniment ordinarji tal-ġenituri lejn it-tfal tagħhom, skont il-mezzi finanzjarji tagħhom, kemm jekk għadhom flimkien jew separati. L-ekskonjuġi wkoll għandu dritt għall-manteniment jekk ma jkunx f'pożizzjoni li jgħin lilu nnifsu bir-riżorsi tiegħu stess.

Il-persuni li jridu jħallsu l-manteniment huma l-ġenituri għat-tfal tagħhom u/jew l-ekskonjuġi lil xulxin u t-tfal adulti lill-ġenituri tagħhom jekk dawn tal-aħħar ma jistgħux imantnu lilhom infushom bl-assi jew bl-introjtu tagħhom.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-obbligu tal-manteniment jieqaf meta t-tfal jilħqu l-età adulta, jiġifieri, meta jagħlqu 18-il sena, sakemm ma jkunux jistgħu imantnu lilhom infushom wara li jsiru adulti. Dan japplika f'każijiet ta' tfal li jsofru minn mard mentali jew fiżiku jew li ma jistgħux jaħdmu għaliex qiegħdin jistudjaw f'istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla jew vokazzjonali, jew f'każ ta' ġuvni li qiegħed fl-armata.

Skont il-liġi Ċiprijotta u, b'mod aktar speċifiku, l-Artikolu 34 tal-Liġi dwar ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal,

il-Liġi 216/90, it-tfal adulti wkoll għandhom obbligu ta' manteniment lejn il-ġenituri tagħhom.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Għandek tmur il-qorti, u speċifikatament, quddiem il-Qorti tal-Familja tal-prefettura fejn inti residenti.

Il-proċedura tibda b'rikors għall-irkupru tal-manteniment, akkumpanjat minn dikjarazzjoni bil-ġurament mir-rikorrent li titniżżel fir-reġistru tal-qorti. Ir-rikors jiġi nnotifikat lill-konvenut (id-debitur tal-manteniment) li jingħata d-dritt li jinstema' u jippreżenta oġġezzjoni. Jekk ikun hemm ftehim bejn iż-żewġ naħat, jingħata digriet dwar il-manteniment bi ftehim komuni. Apparti minn hekk, issir seduta ta' smigħ dwar ir-rikors u l-qorti tieħu deċiżjoni skont id-dikjarazzjonijiet taż-żewġ naħat.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Meta l-kreditur huwa minuri (jiġifieri tifel taħt it-18-il sena), it-talba ssir mit-tutur tal-kreditur (pereżempju l-omm), f'isem u għall-benefiċċju tal-kreditur.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Skont l-Artikolu 12 tal-Liġi 23/90 dwar il-Qrati tal-Familja (kif emendata), meta l-kreditur huwa minuri, il-qorti b'ġuriżdizzjoni hija dik tal-post ta' residenza tal-kreditur jew tad-debitur (l-Artikolu 12(1)(b)). F'każijiet l-oħra kollha (jiġifieri meta l-kreditur huwa adult), il-qorti b'ġuriżdizzjoni hija dik tal-post ta' residenza jew negozju tal-applikant (il-kreditur) jew tad-debitur (l-Artikolu 12(1)(a)).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Ir-rikorrenti jistgħu jindirizzaw lill-qorti kemm personalment kif ukoll permezz ta' avukat.

Fir-rigward tal-proċedura, irreferi għall-paragrafu 3 msemmi hawn fuq.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Matul il-proċedura jridu jitħallsu t-tariffi tal-avukati (jekk ir-rikorrent iqabbad avukat) u l-ispejjeż tal-qorti. L-ammont huwa stabbilt mir-Regolamenti ppublikati perjodikament mill-Qorti Suprema ta' Ċipru. L-ispiża eżatti tiddependi mit-tul u/jew mill-kumplessità tal-proċedimenti. Jekk ir-rikorrent ma għandux biżżejjed mezzi finanzjarji, jista' japplika għall-għajnuna legali skont il-Liġi 165(I)/2002, kif emendata.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

It-tip ta' manteniment mogħti mill-qorti huwa dak li jitħallas mill-ġenituri lit-tfal, mit-tfal lill-ġenituri u mill-ekskonjuġi lill-ekskonjuġi l-ieħor. L-ammont ta' manteniment jiġi kkalkulat skont il-bżonnijiet tal-kreditur u l-mezzi finanzjarji tad-debitur. Il-manteniment jinkludi dak kollhu li huwa meħtieġ għall-għajxien tal-kreditur u l-benessri tiegħu u, barra minn hekk, l-ispejjeż tal-edukazzjoni tiegħu, fejn rilevanti (l-Artikolu 37 tal-Liġi 216/90).

Id-digriet dwar il-manteniment jista' jiġi rivedut mill-qorti fuq talba tar-rikorrent (jew tar-rappreżentant tiegħu) jekk jinbidlu l-ispejjeż tal-ħajja jew iċ-ċirkostanzi familjali tal-kreditur, jew jekk jinbiddlu ċ-ċirkostanzi tad-debitur ta' manteniment (l-Artikolu 38(1) tal-Liġi 216/90).

Minbarra t-tibdiliet fiċ-ċirkostanzi jew l-ispejjeż, il-Liġi (l-Artikolu 38(2) tal-Liġi 216/90) tipprevedi għal żieda awtomatika ta' 10% fil-manteniment kull 24 xahar sakemm il-Qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment jitħallas kull xahar lill-kreditur jew lit-tutur jew avukat tiegħu, permezz ta' transferiment bankarju, ċekk jew flus.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk id-debitur li kontrih hemm digriet ma jħallasx, il-manteniment jinġabar b'mod simili għal kif jinġabru l-pagamenti ta' penali. Din il-proċedura tinkludi l-ħruġ ta' mandat ta' arrest (l-Artikolu 40 tal-Liġi 216/90).

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Skont l-Artikolu 9(3) tal-Liġi 232/91, id-debitur jinħeles mill-obbligu li jħallas l-ammont dovut skont digriet ta' manteniment għal perjodu ta' aktar minn sentejn.

Kull perjodu ta' assenza tad-debitur tal-manteniment mir-Repubblika ta' Ċipru jiġi eskluż mill-kalkolu tal-perjodu msemmi hawn fuq.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Mhemmx awtorità jew organizzazzjoni fuq livell nazzjonali.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Jekk jogħġbok ara t-tweġiba hawn fuq.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Iva, f'dak il-każ ir-rikorrent/kreditur jista' jitlob l-għajnuna mill-Awtorità Ċentrali tar-Repubblika, jiġifieri il-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Ordni Pubbliku.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Il-persuna konċernata u/jew l-avukat tagħha jistgħu jikkuntattjaw lill-Awtorità Ċentrali bit-telefown, bil-miktub (permezz ta' ittra, feks jew email) jew permezz ta' laqgħa wiċċ imb'wiċċ.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Jekk ir-rikkorent/kreditur jinsab f'pajjiż ieħor filwaqt li d-debitur qiegħed f'Ċipru, ir-rikorrent jista' jitlob għall-għajnuna mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ordni Pubblika, li huwa l-Awtorità Ċentrali, permezz tal-Awtorità Ċentrali fil-pajjiż fejn jinsab, iżda mhux direttament.

Inkella, huwa jista' jmur direttament il-qorti permezz tal-avukat tiegħu.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Fil-każ speċifiku, l-Awtorità Ċentrali ta' Ċipru tista' tiġi kkuntattjata bit-telefown jew bil-miktub (b'ittra, ekx jew email) u tingħata għajnuna kif tiġi mibgħuta talba bil-miktub għall-manteniment lill-qorti nazzjonali kompetenti.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva, Ċipru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Mhux applikabbli.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Bl-implimentazzjoni tar-Regolament il-Ġdid dwar il-manteniment (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009) l-applikazzjonijiet issa jitressqu direttament quddiem il-qorti kompetenti tar-Repubblika permezz tal-Awtorità Ċentrali tar-Repubblika.

L-aċċess għall-ġustizzja huwa ffaċilitat ukoll permezz tal-possibiltà ta' għajnuna legali kemm taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Liġi 165(I)/2002, u fil-kuntest tad-Direttiva rilevanti tal-UE dwar l-għajnuna legali fi kwistjonijiet transfruntiera.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 51, l-Awtorità Ċentrali tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat sabiex, inter alia, tikseb l-informazzjoni mitluba, bħal l-indirizzi tad-dar u tan-negozju tad-debitur, l-introjtu tiegħu eċċ, biex issib lid-debitur u tinnotifikah bid-dokumenti billi tikseb u tagħti lill-awtoritajiet tal-qorti indirizz validu għan-notifika.

Minkejja d-dispożizzjoni dwar l-għajnuna legali, dawk iċċitati aktar il-fuq, kif ukoll it-tressiq tat-talbiet skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009, jingħataw lir-rikorrenti permezz tal-Awtorità Ċentrali u b'hekk ma tqum l-ebda kwistjoni ta' għajnuna legali.

L-aħħar aġġornament: 15/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.